22 ta' April 2007 • Nr 25

Arkivji




 

 

 

22 ta' April 2007
Problema kumplessa

L-abbuż mid-droga mhix problema sempliċi. Min jipprova jdawwar l-argument f’battibekk bi-polari billi jitfa’ lil kulmin imiss ma’ sustanzi llegali l-ħabs jew mingħalih qisu m’hemmx kwistjonijiet kumplessi f’dan il-fenomenu qed jagħmel disservizz kemm lis-soċjetà u anki lill-vittmi tad-droga.
Hemm bżonn diskussjoni twila u fil-fond dwar is-suġġett.
X’għandu jkun l-għan ta’ politika dwar id-droga?
Naħseb li għandna nimmiraw biex innaqqsu kemm nistgħu l-effetti ħżiena fuq is-soċjetà u fuq min hu addict. Mhux kulmin juża xi tip ta’ sustanza okkażjonalment hu addict. Il-politika dwar id-droga għandha tikkonċentra fuq il-vera vittmi tad-droga, jiġifieri min juża dożi qawwijin u frekwenti ta’ drogi perikolużi ħafna, ewlenija fosthom l-eroina.
Il-ħsara vera, kemm fuq il-vittma, il-familjari tiegħu u anki fuq is-soċjetà, issir minn min hu dipendenti fuq drogi hard. Il-ħsara fuq il-persuna hi kbira wkoll għax, x’aktarx, hard-core user jispiċċa jitkeċċa mix-xogħol jew ikollu jitlaq għax ma jkunx f’kundizzjoni li jaħdem.
Ir-riżorsi għandhom ikunu konċentrati fuq kura u programmi biex min qabad il-vizzju jinqata’ bil-mod il-mod minnu. M’hemmx mirakli, m’hemmx xi soluzzjoni ta’ malajr. Min jgħid li għandu s-soluzzjoni maġika, frankament, qed jigdeb.
Il-problema tad-droga għandna nittrattawha bħala primarjament problema medika, psikoloġika u soċjali, fejn għandek persuni li jiddependu għal kollox mid-droga biex ikampaw.
Programmi ta’ harm reduction huma essenzjali f’dan ir-rigward. Diġà jeżistu programmi ta’ harm reduction li ilhom magħna snin twal bħat-tqassim ta’ siringi li milli jidher evita l-pjaga ta’ mard trasmess mid-demm bħall-HIV, u anki l-għoti tal-methadone.
Naf li l-Caritas għandha servizz ta’ post fejn min ikun taħt l-effett tad-drogi qawwija jista’ jmur hemm sakemm jgħaddi l-effett. Ta’ l-anqas ikun f’post safe. L-Istat għandu jgħin aktar f’dawn il-programmi ta’ fejda kbira. Skond studju interessanti minn National Research Council ta’ l-Istati Uniti intitolat ‘Treating Drug Problems’ hemm rabta diretta bejn il-parteċipazzjoni ta’ hard-core users f’programmi ta’ rijabilitazzjoni, anki jekk dawn ma jkunux ta’ suċċess mija fil-mija u tnaqqis fl-abbuż mid-droga u anki fil-kriminalità.
L-investiment fi programmi ta’ rijabilitazzjoni jagħmel ħafna u ħafna sens u ġid. Programmi ta’ rijabilitzzjoni differenti fin-natura tagħhom huma importanti għax mhux kull persuna għandha l-istess bżonnijiet.
Is-Sedqa, l-Oasi, il-Caritas, kollha qed jagħtu kontribut kbir f’dan il-qasam. Hemm bżonn li l-enfasi fuq ir-rijabilitazzjoni tkun aktar skjetta. Igawdu l-addicts u tgawdi s-soċjetà kollha.
Min jabbuża mid-droga fl-aħħar mill-aħħar hu responsabbli għall-imġiba tiegħu ukoll, bħalmin, per eżempju, jagħmel reati taħt l-influwenza ta’ l-alkoħol. Probabbli li taħt l-influwenza ta’ l-alkoħol isiru aktar reati, proprju għaliex in-numru ta’ nies li jabbużaw minn din is-sustanza huwa ferm akbar mill-hard-core users tad-drogi.
Fejn m’hemmx każ ta’ atti kriminali bħal serq u vjolenza hemm bżonn li nħarsu lejn dawn il-persuni bħala persuni bi problema gravi li hemm bżonn naraw kif ngħinuhom.
Mhux l-ewwel darba li min ikun mal-vittma ta’ overdose jibża’ jieħu l-persuna għal kura għax jibża’ li jiġi interrogat u jittella’ l-qorti b’akkużi ta’ pussess ta’ droga. M’għandnix ingerrxu lil min jieħu lil sħabu għal kura f’emerġenza bħal din. F’mument ta’ ħajja u mewt nippreferi kieku l-politika tkun waħda ta’ no questions asked. Wara kollox x’irridu nsalvaw: povra persuna minn ħalq il-mewt jew naraw f’min inwaħħlu? Wara kollox min jieħu lil min ikun mitluf minn sensieh għall-kura qed jaġixxi b’mod responsabbli.
Monsinjur Victor Grech mhux l-ewwel darba li appella biex persuni li jitnaddfu mid-droga ma jintbagħtux il-ħabs wara l-isforz kbir li jkunu għamlu. Naqbel miegħu. Jekk ikun hemm bżonn ta’ xi tip ta’ ‘tpattija’ lejn is-soċjetà hemm bżonn li nsibu metodi oħra ta’ fejda u ġid kemm għas-soċjetà nnifisha u anki għall-persuna stess bħal xogħol fil-komunità. Dan iservihom ukoll ta’ ġid biex jerġgħu jintegraw ruħhom fid-dinja tax-xogħol u fil-ħajja tal-komunità, xi ħaġa essenzjali għad-dinjità tal-persuna. Persuni li bi sforz kbir ħarġu mill-vizzju ikrah ta’ dipendenza fuq drogi bħall-eroina m’għandniex naraw kif ‘inpattuhielhom’ b’kapriċċ. Il-problema tqum meta jkun hemm ukoll reati oħra, bħas-serq.
Ovvjament il-vittmi ta’ serq għandhom jitħallsu lura b’xi mod. Jistgħu jiġu eżaminati skemi ta’ ħlas lura fuq perjodu tas-snin lill-Istat, bl-Istat jikkumpensa lill-vittmi tal-kriminalità immedjatament. Bħal f’kull każ ieħor, f’każ ta’ reati serji ħafna ta’ vjolenza u qtil, il-liġi għandha bla dubju tieħu l-kors naturali tagħha.
Iżda fuq kollox il-liġi għandha tattakka ċ-ċrieki kriminali li jagħmlu l-miljuni minn fuq id-dgħajfa.

Ralph Cassar,
Deputat Segretarju Ġenerali, Alternattiva Demokratika

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt