22 ta' April 2007 • Nr 25

Arkivji




 

 

 

22 ta' April 2007
Jibda d-deni ta’ l-elezzjoni!

Għalkemm hawn min jgħid li l-elezzjoni ġenerali għadha ’l bogħod anki jekk hawn min jgħid li mhix daqstant ’il bogħod, id-deni diġà beda jinħass għalkemm it-temperatura għadha ma saħħnitx sew.
Interessanti nistudjaw l-imġiba tal-Maltin u l-Għawdxin fil-perjodu ta’ qabel ma tibda l-kampanja elettorali. Naħsbu li t-temperament tal-poplu jinbidel hekk kif titħabbar uffiċjalment id-data ta’ l-elezzjoni ġenerali iżda fir-realtà t-temperament u l-imġiba tal-poplu tinbidel minn żmien ferm qabel. Xi ftit jew wisq kulħadd jinħakem minn bidla fl-atteġjament. Kemm dawk li huma akkaniti – li allura jispikkaw minn oħrajn, kif ukoll dawk li mhumiex u saħansitra dawk li ma tinteressahomx il-politika.
F’din is-sena li qegħdin fiha r-rutina tas-soltu minn barra tibqa’ tidher l-istess iżda minn wara l-kwinti tibda t-tensjoni u l-preparamenti ħalli meta l-Prim Ministru jsaffar is-suffara, jekk jista’ jkun, ħadd ma jinqabad fuq sieq waħda.
Issa wara l-festa tal-Għid il-Kbir nidħlu fl-istaġun tal-festi u fl-aljenazzjonijiet tax-xhur tas-sajf. Fejn bla ma rridu nnaqqsu mir-ritmu tax-xogħol u nagħtu iktar importanza lil ħin liberu u d-divertiment bil-ġranet il-baħar jew xi vaganza tajba fuq xi cruise jew xi pajjiż interessanti. Iżda waqt li jkun għaddej dan kollu, dawk li ħobżhom jiddependi direttament mill-politika tal-partiti ma jkollhomx mistrieħ. Jibdew jippjanaw kif se jibbumbardjaw lill-poplu hekk kif jgħaddi s-sajf u l-ewwel appuntament għall-attakk elettorali jkun it-tħabbira tal-baġit li jmiss.
Il-politiċi li jiffurmaw il-Gvern jew li jappartjenu lil Partit fil-Gvern jiġu f’sensihom u jirrealizzaw iktar minn qatt qabel li huma tassew għasafar tal-passa. Għalhekk jibdew jaħdmu s-somom ħalli jaraw kif se jdabbru rashom ikun x’ikun ir-riżultat elettorali. Dawk ta’ madwarhom jagħmlu l-istess.
L-inċertezza dwar x’se jsir minnhom is-sena d-dieħla wara l-elezzjoni tibda tidher fil-mod kif jitkellmu u jaġixxu fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. Dawk fil-ministeri u awtoritajiet tal-Gvern li llum għandhom pożizzjoni b’kuntratt definit diġà bdew jitħabbtu biex jew jiġġedded il-kuntratt tagħhom jew isiru tal-post – ħalli jekk jinbidel il-Gvern ħadd ma jkun jista’ jmisshom. Dawk li għandhom xi lment u ilhom jistennew xi permess, xi liċenzja, xi impjieg jew xi bżonn (mhux pjaċir) issa jersqu b’wiċċhom minn quddiem u ħaġa tal-għaġeb f’dawn iż-żminijiet mhux se jsibu bibien magħluqin.
Il-kapijiet tad-Dipartimenti tal-Gvern joqogħdu b’seba’ għajnejn xi struzzjonijiet jagħtu u kif jagħtuhom. Diġà bdiet tinħass il-low profile syndrome. L-impjegati sekondati ma’ ministeri, dipartimenti u awtoritajiet – tneħħi ’l dawk li jirringrazzjaw lil Alla li waslu biex jirtiraw – jibdew jitolbu biex imorru lura fil-post tax-xogħol minn fejn iċċaqalqu xi snin ilu. Min is-soltu kien jaffronta sidru u jgħid bil-libertà kollha li għandu l-poter issa jibda jħoss denbu bejn saqajh u jagħżel li jimmansa biex jidher li m’għadux li kien ħalli jekk tinqaleb il-folja ma jbatix ħafna.
Dawk fl-oppożizzjoni wkoll jinbidlu taħt il-premessa li erbat ijiem oħra l-folja se tinqaleb. Il-politiċi ta’ l-Oppożizzjoni wkoll jibdew jaraw kif jimpressjonaw aktar biex jekk ikunu fil-Gvern jekk jista’ jkun jinħatru ministri jew jingħataw xi forma ta’ awtorità. Lil ta’ madwarhom jinsistulhom iħabirku ħalli jtellgħu l-partit tagħhom għax magħhom igawdu huma wkoll.
Minn naħa tagħhom il-partitarji jgħollu l-aspettativi tagħhom u jippretendu li issa waslet d-daqqa tagħhom. Apparti li xi wħud jibdew jirrikattaw bil-vot. Jaħsbu wkoll x’se jaqbdu jagħmlu jekk jibqgħu fl-oppożizzjoni. Iżda jagħmlu l-qalb għax “agħar milli aħna ma nistgħux inkunu”!
L-organizzazzjonijiet li sa ftit taż-żmien ilu ma kinux jiddarrsu jagħtu palata lil partit jew ieħor issa ma jibqgħux iperċu fil-beraħ il-fehmiet politiċi tagħhom taħt l-iskuża ta’ xi konferenza stampa jew stqarrija pubblika - biex jidhru kredibbli u li lesti jaħdmu ma’ kulħadd. Mill-banda l-oħra jieħdu l-okkażjoni biex jieħdu dak li jixtiequ “għax issa d-daqqa” u jekk ma jġibuhiex żewġ iduru fuq il-membri tagħhom u jgħidulhom jissaportu ftit sakemm ikollna Gvern ġdid.
Dawk li jirrapreżentaw lin-nies fin-negozju u fil-kummerċ joqogħdu pass lura u biex jidhru indipendenti, fil-beraħ, iħambqu biex kemm jista’ jkun il-kampanja elettorali tkun qasira ħalli l-kummerċ u n-negozju ma jbatux bl-inċertezza li ġġib magħha l-kampanja elettorali, u baxx baxx jimpalaw il-liri lil partiti. Jagħtu lit-tnejn mhux bilfors fl-istess ammont imma l-importanti li l-partiti jniżżluhom fil-lista tal-benefatturi sigrieti tagħhom.
Imbagħad hemm ukoll individwi, prominenti u mhumiex, li jaraw kif jagħmlu biex jidhru li ma jiċċapsu ma’ ħadd jew inkella jiċċappsu ma’ kulħadd. Ċittadini li jiftaħru li dak li għandhom m’akkwistawx b’xi obbligazzjoni lejn xi politiku; reliġjużi li l-missjoni tagħhom ma tippermettilhomx li juru s-simpatiji tagħhom; professjonisti li ħobżhom jiddependi minn kulħadd; tfal li jiġu mwissijin mill-ġenituri biex iżommu ħalqhom magħluq, għalkemm fl-innoċenza tagħhom dawn jikxfu l-agħwar!
Iż-żmien ta’ qabel il-kampanja elettorali huwa ż-żmien tal-ħażna ta’ l-ipokrezija, ta’ wegħdi, ta’ tensjoni interna….u jekk qed taħseb li daż-żmien huwa ’l bogħod sejjer imqarraq…..id-deni ta’ l-elezzjoni diġà beda jinħass!

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt