22 ta' April 2007 • Nr 25

Arkivji




 

 

 

22 ta' April 2007
Ħadd mhu eżonerat

Li toħroġ filgħodu biex taqla’ l-għajxien għall-familja u ma tirrittornax lura d-dar għax l-aħħar vjaġġ tiegħek ikun f’tebut għaċ-ċimiterju hi ġrajja kerha ħafna li taħsad il-ħajja tal-familjari daqskemm il-ħajja tal-vittma.
L-għadd ta’ inċidenti li kellna f’dawn l-aħħar ġimgħat fuq postijiet tax-xogħol għandhom jiftħulna għajnejna. Forsi wasal iż-żmien li nistaqsu x’qiegħed jiġri eżattament fil-ħafna siti ta’ kostruzzjoni żgħar u kbar li għandna mxerrdin madwar gżiritna. Ix-xogħol ta’ kostruzzjoni minnu nnifsu hu skabruż. Iżda n-natura tax-xogħol stess m’għandhiex tkun l-iskuża biex niġġustifikaw in-nuqqas ta’ azzjoni biex titħares is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiem.
Hu minnu li ħafna ħaddiema fil-kostruzzjoni jissugraw f’xogħolhom u l-imġiba tagħhom tkun ta’ periklu għalihom u għal sħabhom. Hemm uħud li jaqilgħu kull skuża biex ma jilbsux iċ-ċinturin tas-sigurtà meta jixxabbtu minn xi bejt jew jirrifjutaw li jilbsu l-kappell iebes għax iqabbadhom l-is-sħana. Din l-imġiba hi inaċċettabbli u m’għandhiex tkun tollerata mill-awtoritajiet u mis-sidien tal-kumpaniji.
Il-leġislazzjoni trid tkun ċara u mingħajr lok ta’ interpretazzjonijiet differenti. Is-sid għandu jkun responsabbli għas-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit tal-kostruzzjoni u jekk jonqos li jipprovdi l-ilbies protettiv, jew jekk jonqos milli jwaqqaf lill-ħaddiema tiegħu milli jkomplu bil-prattiċi perikolużi tagħhom, il-Liġi għandha tkun applikata bl-iktar mod skjett.
Għandu jkun stabbilit bil-Liġi li f’kull sit ta’ kostruzzjoni jkun hemm bniedem responsabbli li xogħlu jkun li jara li jitħarsu l-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà mhux biss tal-ħaddiema iżda wkoll ta’ residenti oħra li joqogħdu biswit.
M’hemmx dubju li wħud minn dawn il-miżuri jiswew il-flus. Iżda diffiċli nemmnu li l-industrija tal-kostruzzjoni fejn iduru miljuni ta’ liri fuq l-idejn u xi kultant anki minn taħt, ma tiflaħx terfa’ dan il-piż li hu ta’ benefiċċju għal kulħadd.
Hemm ukoll fattur ieħor li jrid ikun studjat sew. F’għadd ta’ siti ta’ kostruzzjoni mhux l-ewwel darba tara għadd kbir ta’ ħaddiema barranin jew ħaddiema żgħażagħ li jiġik id-dubju kemm qed jaħdmu bil-ktieb tax-xogħol. Din il-kategorija ta’ ħaddiema sfortunatament ma tgawdix mill-protezzjoni legali. Il-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom x’aktarx iktar jixbħu dawk ta’ seklu ieħor. F’każijiet bħal dawn fejn il-ħaddiema mhumiex reġistrati l-ħidma tas-salvataġġ f’każ ta’ diżgrazzja bħal dik li seħħet din il-ġimgħa fil-Hamrun issir iktar kumplikata għax ma jkunx hemm lista kif suppost ta’ kull ħaddiem li jkun fuq is-sit.
Apparti dan lanqas hu ċar jekk kuntrattur jew żviluppatur hux obbligat li jkollu xi tip ta’ assigurazzjoni fuq il-ħaddiema u s-sit tal-kostruzzjoni. Smajna b’każijiet fejn xogħlijiet fuq sit iwasslu għal ħsarat kbar u kultant anki fatali fil-proprjetà tal-ġirien. Min ilaqqatha ħafna drabi jispiċċa lampa stampa u jkollu jfittex ir-raġun bil-Qorti.
Għad hemm ħafna xi jsir biex il-mentalità fl-industrija tal-kostruzzjoni tinbidel. Ħadd mhu eżonerat milli jaħdem favur postijiet tax-xogħol iktar bla periklu għall-ħaddiema. La l-periti, la s-sidien tal-kumpaniji tal-kostruzzjoni, la l-iżvil-uppaturi, la l-ħaddiema u lanqas l-awtoritajiet.

Nisa foqra
Din il-gazzetta kemm-il darba tkellmet dwar il-faqar f’pajjiżna. Illum għandna storja oħra ta’ mara li flimkien mat-tfal tagħha qed tgħix f’sitwazzjoni prekarja għall-aħħar wara s-separazzjoni minn mar-raġel.
Il-verità hi li n-nisa għandhom iktar ċans li jgħixu fil-faqar minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza finanzjarja u l-ħafna xogħol li jwettqu mingħajr ħlas biex jindukraw il-familji tagħhom. Din hi realtà li ħafna drabi lanqas biss nagħtu każ ħlief meta xi ħadd mill-familja jesperjenzaha jew il-mewt ta’ sieħeb jew seperazzjoni legali.
Mhux faċli li mara waħedha toħroġ taħdem u fl-istess ħin ikollha tieħu ħsieb it-tfal, speċjalment f’sitwazzjoni ta’ separazzjoni fejn din tkun trid tibda ħajjitha mill-ġdid inkluż it-tfittxija għal post residenzjali.
U qed nisħqu fuq il-kwistjoni tat-trobbija tat-tfal għax is-soċjetà tagħmel pressjoni diretta u indiretta fuq il-mara biex tkun hi responsabbli mit-trobbija tat-tfal. F’ħafna każijiet ta’ separazzjoni r-raġel jibqa’ gallarija b’xogħlu jkun li jipprovdi manteniment finanzjarju u b’aċċess għat-tfal għal xi jumejn fil-ġimgħa bil-bqija tal-problemi tat-trobbija jaqgħu f’ħoġor il-mara. Minkejja l-iżviluppi li seħħew matul is-snin li tejbu l-qagħda tal-mara fis-soċjetà għad fadal ħafna xi jsir biex in-nisa jkunu iktar indipendenti finanzjarjament u bir-responsabbiltajiet fid-dar u fit-trobbija jinqassmu ugwalment bejn l-imsieħba fir-relazzjoni.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt