15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Problemi ta’ komunikazzjoni

Iggustajtu, anki jekk għafasli qalbi, il-kumment li għamel nhar il-Ħadd Saviour Balzan fl-artiklu tiegħu fil-ħarġa ta’ oħt din il-gazzetta. Kiteb li s-sitwazzjoni tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fl-uffiċċju tal-Prim Ministru la tjiebet u lanqas ħżienet. Sempliċiment sparixxiet!
Il-verità toffendi u tweġġa’, iżda din hi l-verità. Lorenzo m’għandu ’l ħadd jagħmel il-lavoro sporco li kien jagħmel Cachia Caruana. Għal xi żmien kellu lil Alan Camilleri, iżda anki dan m’għandux il-fjat politiku ta’ Cachia Caruana. Illum, ngħid is-sewwa, ma nafx min qed jieħu ħsieb dan ix-xogħol importanti… jekk hemm xi ħadd!
Kap ta’ partit li għandu diffikultajiet biex jikkomunika mal-poplu għandu problemi kbar. Meta jkun Prim Ministru b’dawn id-diffikultajiet, allura jkollu problemi akbar. Dan jidher minn kif donnu jgħid x’jgħid Lorenzo dejjem ikun hemm reazzjoni negattiva. Meta juri li hu tassew jemmen f’xi ħaġa u beħsiebu jżomm sod, jgħidulu arroganti. Meta jirrevedi xi deċiżjoni, jgħidulu li hu pupu artab li jċedi għar-rikatt ta’ dik is-sezzoni tal-poplu jew l-oħra.
Dawk li jkunu kontrik tistennihom li dejjem ikollhom dawn it-tip ta’ reazzjonijiet negattivi, tagħmel x’tagħmel, u tgħid x’tgħid. Iżda Lorenzo qed ikollu dawn ir-rezzjonijiet minn inħawi li s-soltu jħarsu lejn il-PN b’simpatija. Sirna li anki jekk il-Prim Ministru jiftaħar ftit b’dak li rnexxielu jagħmel, issib anki min jgħid li m’għandu l-ebda dritt jiftaħar li qeda dmiru!
Biex tgħaxxaqha, illum il-ġurnalisti għandhom l-aġenda politika tagħhom u minflok jirrappurtaw xi jkun ġara, aktar moħħhom biex jinterpretaw dak li jkun ġara skond din l-aġenda.
Min-naħa tal-partit, il-klikka ta’ Saliba wkoll qed tinstaram meta tiġi biex titkellem ma’ ġurnalisti u edituri ta’ gazzetti li suppost mhumiex jimbuttaw ebda partit politiku. Saliba jaf kif jikkontrolla – kif jagħmel fil-partit u l-media tiegħu - u jikkontrolla bla ħniena. Iżda meta jiġi biex jipprova jinfluwenza mingħajr ma’ l-kontroll ikun f’idu, jispiċċa donnu ma jafx kif jaqbad jagħmel l-affarijiet!
Il-ġurnalisti u l-edituri jħarsu lejh b’seba’ għajnejn, attenti li ma jmorrux jaqgħu għal xi nasba, anki jekk din tkun biss waħda immaġinarja. Il-Prim Ministru u l-PN spiċċaw bi ftit kontributuri li għandhom simpatija għall-PN, iżda l-klassi ġurnalistika tal-lum tidher li meta ma tinjorax – x’aktarx apposta – l-aħbarijiet li jpoġġu l-Gvern f’dawl tajjeb, tkun aktar moħħha biex issib fejn tfettaq f’kulma jgħid u jagħmel il-PM!
Dawn il-ġurnalisti jridu juru li huma indipendenti u fl-istess ħin ma jiddejqu xejn li indirettament qed jaqdu lil-Laburisti u lil ta’ l-Alternattiva mill-koxxa! U hawn fejn Lorenzo Gonzi u dawk li jmexxu f’Tal-Pietà qed ifallu bl-ikrah. Ma jafux kif se jittrattaw mar-razza stramba ta’ ġurnalisti li evolviet f’dawn l-aħħar ftit snin.
U jaħasra, jekk mhux se jiskoġitaw mod kif jinfluwenzaw lil din is-sezzjoni ta’ l-Istampa biex tħares lejn il-Gvern u l-PN b’mod aktar pożittiv, il-kampanja elettorali se tkun għolja iebsa ħafna li żgur taqta’ nifs il-partit fil-Gvern.
Mentri suppost li partit fil-Gvern tant għandu l-vantaġġ li hu għandu jaqta’ nifs dawk li jikkontestawh. Ma ninsewx, l-elezzjonijiet qatt ma jintrebħu mill-partiti fl-oppożizzjoni iżda jintilfu minn dawk li jkunu fil-Gvern.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt