Tal-PBS iddeċidew li jvaraw il-logo u l-branding il-ġdid proprju f’Jum l-Għid bit-tama li huma wkoll jimxu fuq il-passi ta’ Kristu u jirxuxtaw u jqumu mill-mewt.
Logo tat-TVM ġdid, insomma l-kelma ġġib hekk, għax hu kkupjat minn fuq in-National Geographic.
Dan il-logo says it all, kif jgħidu l-Ingliżi, għax kulma fadal minnu l-PBS hi l-bordura ta’ barra tal-bandiera Maltija. Hekk kellu jispiċċa x-xandir pubbliku, eżatt bħal meta l-ħallelin jidħlu jisirqu xi pittura imprezzabbli u biex ifittxu jħaffu, jaqtgħu it-tila bix-xafra u kulma jħallu warajhom gwarniċa vojta mdendla mal-ħajt.
Dawk li kkapparaw f’idejhom ix-xandir ta’ l-Istat ħadu għalihom il-laħma u warajhom ħallew qafas ta’ skeletru kollu għadam. Mhux biss. L-eks impjegati tal-PBS ġew stmati ta’ żibel meta kienu sfurzati kontra qalbhom jitilqu mill-istazzjon meta sabu ma’ wiċċhom sikkina taqta’ minn żewġ naħiet: jew jagħżlu li jieħdu l-iskema ta’ l-irtirar kmieni inkella jisfaw mormija f’xi rokna f’xi bini dipartimentali tal-Gvern kollu moffa u umdità.
Imma anki dawk l-impjegati qodma jew ġodda li fadal jaħdmu fil-PBS ma tantx huma stmati wisq aħjar.
Il-Ġimgħa l-Kbira
Mela nhar il-Ġimgħa l-Kbira filgħaxija eżatt wara l-aħbarijiet kien hemm is-soltu programm nazzjonal-popolar tal-kunduttur li tella’ fuq ix-xarabank ħafna impersonaturi ta’ Kristu, fosthom xi ħadd li jħobb jissawwat bil-frosta u jċarċar demmu u li jrid jissallab ta’ veru biex ikun jaf minn xiex tassew għadda Sidna Ġesù fil-lejl tal-Passjoni.
Imbagħad relegat għal wara l-aħbarijiet tal-ħdax kien hemm dokumentarju storiku dwar il-Kult tas-Salib imtella’ b’mod professjonali mill-istaff tal-kamra ta’ l-aħbarijiet.
S’intendi l-irmixk u t-trash TV, kif darba kien iddefinih ir-Reverendu Joe Borg, jirbaħ il-peak time anki nhar il-Ġimgħa l-Kbira meta suppost ikun hemm programmazzjoni differenti, imqar għal darba waħda f’52 ġimgħa. Imbagħad dokumentarju lokali serju li jitħalla jsir fula f’qamar min-newsroom, jiġi relegat għal ħin li hu tajjeb biss għal dawk li ma jkunux jistgħu jorqdu u li biex jgħaddu ż-żmien kienu jmorru fil-polikliniċi meta kienu għadhom jiftħu bil-lejl.
Overdose
Minkejja għaddiet ġimgħa minn fuq l-Għid, moħħi xorta waħda għadu jhewden taħt l-effett ta’ l-overdose ta’ pageants ma’ Malta kollha, slaleb kulfejn tara mwaħħlin mal-gallariji, biżibilju ta’ wirjiet ta’ vari in minjatura f’kull kantuniera, b’uħud minn dawn il-vari l-aktar imfittxija u li jinxtraw id-Duluri u r-Redentur impurtati saħansitra miċ-Ċina atea Komunista. U kullimkien qagħaq ta’ l-Appostli, figolli u bajd tal-Għid imdendel mal-vetrini.
F’din l-atmosfera psewdo traxxendentali, imħallta sew ma’ doża qawwija ta’ konsumiżmu sfrenat, hemm xi ħaġa li ma tikkonvinċikx u ma tinkwadrax għax fl-istess ħin għandek iċ-ċensimenti u s-surveys il-ħin kollu qegħdin jgħidu li kulma jmur in-nies qed tonqos mill-knejjes u mill-quddies. Għandna idea mill-iktar ħażina tal-Musulmani li għalihom il-kelma t’Alla kif jifhmuha huma tiġi, tajjeb jew ħażin, qabel il-knejjes indurati u l-istatwi tal-kartapesta. U min-naħa l-oħra għandek lil Malta Kattoliċissima li filwaqt li ma tridx tisma’ b’aktar u aktar priedki twal u treddin minn fuq l-ambone, il-kotra mehdija sew bl-istatwi u bil-marċi, bil-ħruq ta’ l-inċens u tal-musketterija. Bid-domanda li hawn il-Camilleri Cauchijiet ta’ Għawdex litteralment jistgħu jiftħu fabbrika ta’ l-istatwi idealment f’Għawdex li nixef mill-fabbriki.
Jinżlu kemm jinżlu l-qassisin minn fuq il-pulptu u jgħaddu kemm jgħaddu l-mikrofonu lill-miġemgħa biex iħajruha tipparteċipa b’mod aktar ħaj fil-liturġija, ir-realtà lokali hi dik li hi. Bħal San Tumas il-kotra trid tara biex temmen. Mhux biżżejjed il-Kelma waħidha. F’ċerti purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira kont issib parati sħaħ ta’ nies libsin ta’ suldati Rumani pagani bl-elmijiet u l-korazzi jlellxu ferm aktar milli kien hemm lebsin persunaġġi Bibbliċi b’ilbies mill-iktar sempliċi u umli. Apparti d-dagħa, ħafna minna l-Maltin nagħtu tifħir lil Alla u l-qaddisin tal-Knisja mhux billi nfakkru t-tagħlim u l-għemejjel tagħhom u nagħmluhom rilevanti għaż-żminijiet li qed ngħixu, imma b’kemm inkunu nfaqna għall-pedestalli tal-fidda, bradelli tal-kewba kollha nterzjat, stellarji kollha djamanti, festi mifruxin mhux fuq tlett ijiem kif kienu dari imma fuq ġimgħa sħiħa u mill-ħruq ta’ l-eluf fil-murtali tal-bomba u ġigġifogijiet.
Anġelik
Ma rridx nagħti l-impressjoni li għandi xi allerġija għar-ritwali u festi reliġjużi. Anzi għall-kuntrarju ma niddejjaqx ngħid li nieħu gost insegwihom, bl-aptit aktar milli b’vizzju jew b’obbligu. Imma l-esaġerazzjonijiet jaħbtu jdejquni mhux ftit u fejn ikun hemm l-esaġerazzjonijiet u ftit li xejn iktar, ikolli ngħid li dawn idejquni ferm iktar.
Il-Kurja tipprova tikkontrolla l-esaġerazzjonijiet kif tista’, bl-unika arma li jifdlilha f’ċerti sitwazzjonijiet traġi-komiċi ta’ pika estrema, tkun dik tar-rikatt li litteralment tħassar il-festi. Ma tħalliex li jsiru statwi ġodda fil-knisja u qed isiru xorta waħda u minflok joħorġu mill-knisja qed joħorġu mill-każini tal-baned.
A propożitu, la llum ġiet għall-istatwi u l-istatwetti, ma niflaħx ma nirrimarkax fuq il-famuż Anġelik Caruana ta’ Borġ in-Nadur u r-rapporti dwaru fuq In-Nazzjon. Staqsi lil min trid f’Birżebbuġa u jgħidulek min hu u x’tip hu dan Anġelik li kellna nsiru nafu b’aħbaru, bis-suppost statwa tiegħu li tibki d-demm u s-suppost viżjonijiet tal-Madonna proprju minn fuq il-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista.
Il-media tal-partiti ċertament m’għandhiex biċċa xogħol faċli tibqa’ kredibbli u fl-istess ħin tapoloġizza l-ħin kollu lis-sid politiku tagħha, speċjalment jekk dan ikun fil-Gvern. Imma li mbagħad ikollok il-gazzetta uffiċjali tal-partit fil-Gvern tagħti kredibbiltà lill-ħrejjef ta’ xi ħadd bħal dan Anġelik li ma tantx għandu fama tajba l-aktar fost dawk li jiġu wiċċ imb’wiċċ miegħu ta’ kuljum, tista’ tfisser waħda minn żewġ affarijiet.
Jew li dak li jiġi rappurtat fin-Nazzjon mhux l-ewwel darba jkun frott ta’ l-immaġinazzjoni u jkollu ħafna mill-ħrejjef, inkella min imexxi din il-gazzetta tant hu maqtugħ mir-realtà li jispiċċa jagħti kredibbiltà lil min mhux kreddibbli l-aktar fost dawk li l-aktar li jafuh sew.
Li kieku l-ħrejjef ta’ Anġelik dehru f’xi gazzetta nazzjonali barra minn Malta bil-kritika li kien jaqla’ l-Editur kien ikollu jdabbar rasu mill-għada. Imma hawn Malta kollox jibqa’ għaddej u qiesu qatt ma kien xejn.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt