Suite Franċaise* ta’ l-iskrittriċi famuża Irene Nemirovsky hu stampa inkredibbli ta’ x’ġara fi Franza meta dan il-pajjiż kbir, sinjur u kburi kien okkupat min-Nazisti fl-aħħar gwerra dinjija.
Interessanti tara l-lagħqiżmu, id-dgħufija u l-egoiżmu ta’ nies li suppost kienu pilastri tal-valuri ta’ patrijottiżmu u kuraġġ. X’kuraġġ?
Ħafna mill-klassi għolja u medja, dawk li kellhom it-titli, il-proprjetà u r-rikezzi x’jiddefendu, malajr ġrew kemm felħu, mhux għar-reżistenza tal-barranin mistmerra imma biex jipproteġu ruħhom u l-interessi tagħhom.
X’patrijottiżmu? Il-filosofija tagħhom kienet ‘tħabbeb kemm tista’ għax b’hekk tassigura li dak li writt u li ġbart jibqa’ mħares.
L-invażjoni u l-okkupazzjoni Nazzista kixfet il-karattri ta’ dawk li ma kellhom xejn u ppreferew ir-reżistenza u l-libertà u poġġew ħajjithom f’sogru kbir, u l-oħrajn li b’għażla kkollaboraw qiesu xejn mhu xejn.
Illum Franza mimlija monumenti. Mhux ta’ dawk li stennew lin-Nazi jidħlu qishom xi liberaturi ġodda biex jeħilsu lil Franza mit-tiranija tal-mases u tar-rivoluzzjonarji u tax-Xellugin, imma ta’ dawk il-martri kollha li ġew iffuċillati, iggassjati u meqruda għal dejjem.
Irene Nemirovsky, li nqatlet bl-aktar mod faħxi fil-kmamar tal-gass ta’ Auschwitz, tiddeskrivi f’dan il-kapolavur kif ħadem moħħ dawk li meta sabu ma’ wiċċhom realtà ġdida ta’ okkupazzjoni Nazista raw kif dabbru rashom. Din il-kittieba fenomenali ta’ razza Lhudija tiddeskrivi b’mod stupend kif ħadem moħħ dawk li f’daqqa waħda sabu li kienu se jitilfu kollox u t-tbatija u l-qerda ta’ l-innoċenti li nqabbdu fuq in-naħa l-ħażina u batew il-ħruxija tat-tiranija Nazista u tal-kollaboraturi Franċiżi.
Aħna f’Malta l-okkupazzjoni ma konniex nafu x’inhi. Qrajt b’paragun id-deskrizzjonijiet ħajjin tal-ħajja ta’ kuljum tal-Maltin fil-gwerra mpinġija b’tant ċarezza minn Ġuże Ellul Mercer fid-Djarji tiegħu tal-Gwerra. Tispikka l-umiltà, is-sinċerità u l-qlubija tal-Maltin.
Allaħares konna nvaduti. Malta, li għal 140 sena qabel l-gwerra kienet taħt l-Ingliżi, kienu eluf u eluf dawk li f’għajnejn il-Faxxisti u n-Nazisti kienu jkunu ttimbrati bħala l-kollaboraturi ta’ l-Ingliżi, ta’ ‘l-għedewwa.’ Għax jew kienu mħallta ma’ l-Ingliżi jew studjaw jew tħarrġu taħt l-Ingliżi jew kienu jokkupaw pożizzjonijiet importanti fl-amministrazzjoni ta’ Malta taħt l-Ingliżi, jew kienu jaħdmu mas-Servizzi Ingliżi.
Kienu eluf li politikament kienu ttimbrati bħala li huma favur l-Ingliżi.
Barra minn dawn kien hemm ix-Xellugin. Dawk l-eluf, l-aktar ħaddiema tat-Tarzna u tal-bażi militari Brittanika f’Malta, li kienu s-sinsla tal-Partit Laburista f’Malta u ttimbrati f’għajnejn il-Faxxisti bħala l-ħomor u għedewwa tal-faxxiżmu. U l-Istriklandjani: dawk l-eluf li kienu jsostnu l-Partit Kostituzzjonali ta’ Lord Strickland li f’għajnejn il-Faxxisti kienu parti integrali ta’ ‘l-għedewwa’ Ingliżi.
X’kien jiġri minn dawn l-eluf kollha? Kemm kien ikollna nies li jinqatlu b’tir? Kemm kienu jisparixxu familji sħaħ?
Malta okkupata minn Nazisti kienet issir banju ta’ demm. U min kien se jitla’ fil-gallarija tal-Palazz jilqa’ l-invażuri bħala ‘l-liberaturi’ mill-ħakma Ingliża? Min kienu se jkunu dawk li jokkupaw l-ogħla karigi f’Malta Faxxista? Kemm kienu se jirrepetu ruħhom f’Malta x-xeni ta’ għajb li tiddeskrivi Irene Nemirovsky fi Suite Francaise.
‘Suite Maltaise’ kienet tkun aktar imdemma. Aktar ħarxa. Aktar ta’ għajb. ‘Suite Maltaise’ kienet tkun l-istorja sewda tal-għajb tal-kollaboraturi Maltin u ta’ l-opportunisti.
Iżda kienet tkun ukoll l-istorja ħajja tal-qlubija tal-Maltin l-oħra. L-istorja tal-martri tan-Naziżmu u l-Faxxiżmu.
Lil min nirringrazzjaw li pajjiżna m’għaddiex minn dan il-martirju? Kemm eluf u eluf ta’ familji Maltin illum jirringrazzjaw lil Alla li huma u nieshom għadhom igawdu s-sbuħija ta’ din art twelidna. Jirringrazzjaw lill-Ingliżi u l-Amerikani u l-qlubija bla qies ta’ missirijietna. Għax kien hemm ukoll familji sħaħ li sparixxew darba għal dejjem minn wiċċ l-art.
Malta, kieku allaħares qatt ġejna nvaduti min-Nazisti u l-Faxxisti, illum mimlija monumenti ta’ dawk li nqatlu, dawk li ttieħdu fil-kmamar tal-gass, dawk li kienu ttorturati u tal-qalbiena tar-reżistenza.
Kemm hi isbaħ Malta llum mingħajr dawn l-monumenti. U llum hawn f’pajjiżna min irid jagħmel monument lil eks-internati.
* Vintage Books
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt