15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Cocktail fatali ta’ eroina u kalmanti

Julia Farrugia

L-aħħar mewġa ta’ overdoses fatali li kellna f’pajjiżna, dik ta’ tlett imwiet f’ġimgħa minħabba teħid iż-żejjed ta’ droga, tiftaħ lok għal dibattitu serju dwar it-taħlit tad-droga ma’ mediċini li suppost jinxtraw biss bir-riċetta tat-tabib.
Għad li t-testijiet fuq il-purità tad-droga li nstabet biswit il-vittmi għadhom iridu jsiru, il-fatti li għandhom f’idejhom l-investigaturi u l-esperti jistgħu jagħtu dimensjoni ġdida fuq il-problema preżenti.
Sorsi ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li tnejn minn dawn l-aħħar tlett imwiet kellhom fattur komuni:
il-vittmi, minbarra droga, kienu jużaw xi tip ta’ kalmanti jew mediċinali li wħud minnhom jitolbu preskrizzjoni.

Din is-sitwazzjoni ilha żmien twil tallarma lill-persuni li jaħdmu ma’ persuni bil-problema tad-droga.
F’kumment lil din il-gazzetta
Dr George Grech, Direttur Kliniku fis-Sedqa u li taħtu taqa’ wkoll ir-responsabbiltà tad-Detox, tkellem dwar abbużi fis-sistema li qed iwasslu għal problemi serji.
Hu qal li filwaqt li l-parti l-kbira ta’ l-ispiżeriji f’pajjiżna josservaw il-Liġi, hemm oħrajn li qed jiksruha. “Nafu li hemm spiżeriji li qed ibigħu ċerti mediċini delikati anki jekk il-pazjent ma jurix ir-riċetta tat-tabib.”
“Kemm-il darba għamilna rapporti lid-Dipartiment tas-Sanità,” sostna Grech.
Jidher li fir-rapporti li saru mid-Detox l-Awtoritajiet ingħataw ħjiel ċar ta’ minn liema rħula u żoni qed isir dan it-tip ta’ bejgħ kontra l-Liġi.
Grech insista li għandu jinqata’ dan it-tip ta’ abbuż speċjalment il-bejgħ ta’ Tryptisol (anti-dipressant) mingħajr ma spiżjar jara r-riċetta quddiemu.
It-tabib sostna li meta pazjent ikun fuq dawn it-tip ta’ mediċini u jieħu d-droga, speċjalment l-eroina, l-effett ikun perikoluż ħafna u jkun qed jittrippla ċ-ċans tiegħu li jmut.
Fir-realtà d-Detox tadotta sistema rigoruża tant li kulmin imur għandha għall-għajnuna jingħata Control Card. Fuq din il-card jitniżżel it-tagħrif kollu b’rabta mal-mediċina li tingħata lill-pazjent inkluż lista ta’ kalmanti u anti-dipressanti.
“Meta nibagħtu lill-pazjenti l-ispiżerija nagħtuhom biss provvista għal ġimgħa minflok għal xahar u dan biex ikun evitat abbuż,” qal Grech.
“Madankollu ġieli jkun hemm okkażjonijiet meta pazjent jaqbad u jmur għand tabib ieħor u jitlob li jingħata preskrizzjoni għal ġimgħa. Din hi l-akbar problema. Hemm tobba li jċemplulna biex jivverifikaw magħna imma hemm tobba li jonqsu milli jagħmlu dan.”
Il-problema l-oħra hi li hemm tobba li ġieli joħorġu r-riċetta anki lil nies b’suspett li jieħdu d-droga u skond Grech dan hu ta’ periklu kbir.
Fir-rapport nazzjonali annwali ppubblikat mill-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga hemm ħjiel ta’ kemm hi kbira l-problema.
Fl-2005 jirriżulta li kien hemm 175 overdose mhux fatali. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-każijiet, 143, (99 mara u 44 raġel) ħadu doża qawwija ta’ mediċinali psikotropiċi. Kienu biss 15.8 fil-mija tal-overdoses mhux fatali li rriżultaw li mietu minħabba t-teħid ta’ eroina.
Ikkuntattjata minn din il-gazzetta Mariella Balzan, ko-ordinatur tal-programm New Hope tal-Caritas ikkonfermat il-gravità tal-problema: “Aħna nemmnu li l-problema tad-droga hi serja ħafna u jkun żball jekk nippruvaw inpinġuha mod ieħor. Ili naħdem f’dan il-qasam 20 sena u nista’ ngħid li rajna bidla kbira fl-użu tad-droga. Snin ilu persuna kienet tieħu droga waħda. Issa hawn il-kultura ta’ polidrug use, taħlit ta’ droga differenti flimkien. Qed isir taħlit ta’ drogi ma’ mediċina bħal kalmanti u anti-dipressanti. Dan qed jagħmel ix-xogħol tagħna 10 darbiet aktar diffiċli u jżid bil-qawwa ċ-ċans li l-persuni li qed jabbużaw jitilfu ħajjithom.”
Mariella Balzan sostniet li “hi ħasra li l-problema tad-droga tkun enfasizzata biss meta nkunu fi kriżi kif ġara din il-ġimgħa. Il-proċess irid ikun wieħed kontinwu.

L-eroina f’Malta

F’Malta r-rata ta’ persuni bi problema ta’ abbuż tad-droga eroina li jirrikorru għas-servizz ta’ trattament hi waħda għolja u hi aktar minn pajjiżi oħra Ewropej.
L-Aġenzija Sedqa fl-2006 trattat 1,067 klijent bil-problema ta’ l-eroina fiċ-ċentru tad-Detox. Dan minbarra li matul l-istess sena kien hemm 428 persuna li abbużat mill-eroina li rċevew servizz fil-komunità.
Dawn il-figuri ma jfissirx li jinkludu lil kulmin qed jabbuża. Hemm min sal-lum għadu mhux qed ifittex għajnuna.
L-eroina bħalissa qed tinbiegħ bil-prezz ta’ Lm35 għal kull gramma. Ħafna drabi tinbiegħ fi qratas ta’ l-Lm10 jew Lm15. Qartas wieħed ikollu biss 100 milligramma li hi doża biżżejjed biex toqtol persuna.
Esperti f’dan il-mistier isostnu li hemm każijiet fejn żgħażagħ jisirqu kalmanti mill-provvisti li jkollhom il-ġenituri. B’dan il-mod iħalltuha mad-droga u l-effett ikun wieħed fatali.
Qed ikun hemm każijiet fejn persuni jieqfu mill-abbuż tad-droga u għalhekk ikunu meqjusa bħala clean. Meta dawn il-persuni jerġgħu jibdew jieħdu d-droga l-ġisem ma jittollerahiex bl-istess mod u konsegwenza ta’ hekk ikun hemm overdoses.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt