15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
L-abort u l-Kostituzzjoni

TONI

Wieħed mill-aktar episodji moqżieża fil-Bibbja huwa mingħajr dubju ta’ xejn il-qtil tat-trabi innoċenti minn Erodi biex mingħalih jeħles minn min għada pitgħada seta’ jikkompetilu għall-poter.
Daqstant huwa ikrah il-qtil ta’ trabi imsawra fil-ġuf qabel jaraw id-dawl tax-xemx. Erodi għandu għalfejn jirringrazzja ’l Alla tiegħu li fi żmienu kien għadu ma twelidx is-Sur Paul Vincenti tal-Gift of Life għax kieku nini nini kien iwettaq il-massakru ta’ l-innoċenti.
Niddikjara bil-quddiem, li jiena kontra l-abort.
Iżda niddikjara wkoll bil-quddiem li jiena kontra din il-proposta isterika u fundamentalista li għandna nankraw fil-Kostituzzjoni xi xorta ta’ projbizzjoni kontra l-abort.
Din proposta anti-demokratika u nopponiha bl-istess qilla li noppponi lil min jipprova jintroduċi l-abort f’Malta. Fil-ħajja hemm diversi prinċipji ta’ importanza li m’għandna qatt immorru kontra tagħhom – iżda mhux sal-punt li ħażina kemm tista’ tkun ħażina, deċiżjoni li tista’ tittieħed fil-ġejjieni, aħna norbtu l-ġenerazzjonijiet ta’ warajna b’mod li ma jiddibattux u jiddeċiedu fuq dawn il-prinċipji, bl-istess libertà li qegħdin nagħmlu aħna.
F’Malta hu ċar daqs il-kristall li hawn qbil nazzjonali ċar u viżibbli: ħadd ma jrid li l-abort jirfes f’pajjiżna. Mhux qiegħed ngħid li m’hawnx minoranza negliġibbli li titkellem favur. Iżda dan hu naturali u l-qofol tal-libertà tal-ħsieb f’kull soċjetà demokratika. Il-possibiltà li f’Malta jidħol l-abort hi remota daqs kemm hi remota li żewġ Maltin jiżżewġu fil-pjaneta Venera.
B’danakollu jidher li l-Gvern, qiegħed jikkunsidra serjament il-proposta tal-Gift of Life. Filwaqt li l-Gift of Life jista’ jkun li għandhom ir-rieda tajba kollha, il-Gvern f’din il-proposta jilmaħ okkażjoni oħra biex jaljena l-opinjoni pubblika minn kwistjonijiet aktar materjali iżda soċjalment jaħarqu u ta’ importanza immedjata.
Kif qalu tajjeb kemm Kenneth Wain u l-Professur Fr Peter Serracino Inglott, il-proposta li tiġi ankrata l-projbizzjoni ta’ l-abort fil-Kostituzzjoni hi aktar kwistjoni politika milli waħda morali. F’pajjiżna din ta’ l-abort ilha tintuża bħala ballun politiku ħafna qabel ma feġġ fid-dawl tax-xemx Paul Vincenti. Jiena niftakar li meta l-RTK kien għadu mmexxi mnn Dun Joe Borg, il-ġurnalista Silvana Debono nasbet lit-Tabib Censu Moran billi għamlet ta’ bir-ruħha li riedet teħles minn tqala.
Fis-sewwa f’ġufha ma kellhiex tarbija iżda trabokk. Ċensu Moran dakinhar irriżenja minn kull kariga politika. Id-diskussjoni waqfet hemm u ma smajniex aktar dwar dan is-suġġett, bħallikieku l-kwistjoni ta’ l-abort kienet marbuta ma’ Ċensu Moran biss!
Ma nistax nifhem għalfejn din l-insistenza biex it-tarbija fil-ġuf tiġi mħarsa fil-Kostituzzjoni meta bil-liġijiet li għandna hija iktar minn protetta.
Artikolu 241 tal-Kodiċi Kriminali jistabbilixxi li l-abort hu punibbli bi tliet snin ħabs. Jekk hemm bżonn inħarrxu l-pieni. Il-Kostituzzjoni f’Artikolu 33 tħares id-dritt tal-ħajja. Nofs il-membri tal-Parlament, ħafna minnhom żgħażagħ, miż-żewġ naħat tal-kamra ffirmaw il-petizzjoni ta’ Paul Vincenti. Indikazzjoni ċara x’oppożizzjoni ssib fil-ġejjieni qrib u anki fil-bogħod, proposta parlamentari biex tillegalizza l-abort.
Il-Gift of Life ġabru 35,000 firma kontra l-abort meta l-Alternattiva Demokratika fuq kwistjoni materjali ta’ riforma fil-Liġi tal-Kera ma rnexxilhomx jiġbru t-30,000 firma biex jissejjaħ referendum abrogattiv. Għandna President li għalkemm kemm dam Prim Ministru taħtu trabbiet soċjetà konsumista u materjali, jiddikjara bħar-Re tal-Belgju, li f’każ li jkun hemm din il-proposta, jirriżenja jew jopponi li jiffirma liġi maħsuba biex tillegalizza l-abort. U meta darba resqet lejn xtutna ċerta Dr Rebecca Gomperts bil-vapur tagħha li biddlitu fi klinika ta’ l-abort, kieku rifset l-art kienu jħaġġruha. Dabbret rasha b’saqajha ma’ sormha.
Għaliex allura din l-insistenza tas-Sur Vincenti u ħbiebu?
Aħna ngħixu f’pajjiż ibaqbaq bil-kontradizzjonijiet, għax filwaqt li rridu nbiddlu l-Kostituzzjoni biex inħarsu lit-tarbija fil-ġuf ftit nagħmlu sforzi biex nipproteġuha wara li titwieled. Meta dan l-aħħar irrizjenat il-Kummissarju tat-Tfal Sonia Camilleri ma tqanqal l-ebda dibattitu dwar id-drittijiet u l-ħarsien tat-tfal.
Fir-riżenja Sonia Camilleri għamlitha ċara li la l-Gvern u lanqas aħna m’aħna nagħmlu ħilitna biex inħarsu lil dawn l-innoċenti mill-problemi soċjali li għandna llum. Tfal abbużati sesswalment. Tfal jirrikoru għal reati gravissimi. Tfal isofru fis-skiet firda tal-ġenituri tagħhom.
Ikun aħjar għal dik it-tarbija li ma titwieled xejn, jekk tkun ġejja fid-dinja biex issofri. Li niskanta hu kif qatt ma jinqala’ xi ħadd simili bħal Paul Vincenti biex iħares id-dritt ta’ dawk li jitwieldu.
L-esperjenza Portugiza kompliet tefgħet il-ħatab fuq din il-kontroversja. Ma naqbel xejn mal-mod kif ġraw l-affarijiet fil-Portugal dan l-aħħar meta l-Parlament Portugiż wessa’ d-dritt ta’ l-abort.
Bl-istess mod li jiena rrid nirrispetta r-rieda tal-poplu f’din il-kwistjoni, il-Parlament Portugiż propju ma weriex dan ir-rispett. Wara referendum fejn it-turnout kienet baxxa, u allura b’riżultat li ma kienx jorbot u lanqas huwa ċar, il-Parlament Portugiż messu qagħad lura! Iż-żewġ estremi huma ħżiena, u ż-żewġ estremi fil-fehma tiegħi ma jurux rispett lejn il-libertà ta’ poplu li jagħżel u jiddeċiedi.
Fuq naħa l-President Portugiż Annibal Caraco Silva u fuq in-naħa l-oħra Paul Vincenti f’Malta.
Jagħmlu ħażin ħafna l-Awtoritajiet jekk mill-abort jippruvaw jagħmlu pedina politika. Ma niħux qatgħa li proprju qabel l-elezzjoni ġenerali ssir din il-proposta proprju biex isir kapital politiku. Biex nidhru sbieħ ma’ l-elettorat ma rridux nagħlqu l-bibien kollha.
Biex jintlaħaq kompromess nikkonċedi li fil-Kostituzzjoni tiddaħħal lista ta’ ħwejjeġ li ma jistgħux jintmessew jekk mhux b’referendum mandatorju. Fost dawn fil-lista jkun hemm it-tneħħija ta’ l-abort minn reat. B’hekk nilħqu bilanċ bejn id-dritt ta’ ġenerazzjonijiet li ġejjin warajna li jiddeċiedu u nevitaw li jiġri dak li ġara fil-Portugal.

PEPPI

Inqis l-abort bħala qtil ta’ persuna innoċenti. Il-qtil QATT mhu ġustifikat, lanqas fuq persuni mhux innoċenti.
Ma toqtolx tarbija se titwieled bħalma ma toqtolx suldat bl-unformi. Ma toqtolx tarbija f’ġuf l-omm bħalma ma toqtolx serial killer bil-piena kapitali.
Għalija l-qtil hu ġustifikat BISS meta tkun qed issalva ħajja oħra. Persuna li ġej fuqi b’revolver f’idu konvint li għandu jtaqqabli nagħsi għandi dritt niddefendi ruħi anki jekk id-difiża tkun tfisser li noqtol lilu. L-istess nagħżel li nagħmel jekk tarbija li se titwieled tkun qed thedded b’mod ċar il-ħajja ta’ l-omm. Hawn inħoss li l-omm għandha dritt tiddefendi ruħha.
Veru li t-tarbija hi innoċenti iżda veru wkoll li se toqtolha. Jekk xi ħadd fi ħmar il-lejl ġej b’arma f’idu biex jifqagħni xorta niddefendi ruħi u jekk hemm bżonn inħallih tal-post. Anki jekk hu jew hi kien innoċenti u qed jagħmel hekk bil-ħmar il-lejl. L-innoċenza ma tidħolx. Il-fatt jibqa’ li t-tarbija innoċenti tkun se ‘toqtol’ lill-omm biex titwieled. F’dan il-kuntest l-għażla ta’ l-omm u tal-missier li tgħix l-omm hu qtil ġustifikat.
Iżda ma nistax nifhem kif koppja jistgħu jiddeċiedu li joqtlu lit-tarbija għax il-mara tqalet f’nofs il-kors universitarju. U l-mara taħseb li se jfottilha il-karriera. Għalija l-abort huwa oxenn. Qisu xi ħadd fixkilni milli nkompli bl-istudji universitarji tiegħi u jiena imur u noqtlu. Hekk, kiesaħ u biered. Ngħaffiġlu rasu u nifggħu għax din is-sena mhux se nilħaq insir accountant.
F’ każ ta’ stupru fejn il-mara tinqabad tqila xorta nqis l-abort bħala qtil. It-tarbija fiex tidħol? Għala toqtolha? Iżda nifhem lil mara li tagħżel li tagħmel abort. Min jiena biex nifhem minn xiex tkun għaddejja dik l-omm meta twelled iben li jfakkarha kuljum li xi ħadd ħatafha, qabeż fuqha, waħħlilha sikkina m’għonqha, użaha u telaqha fit-triq tirringrazzjah li ħalliha ħajja… u tqila. Min ikun isteriku man-nisa li jwettqu abort jaħraqni għax mhux jifhem iċ-ċirkostanzi li fih tkun tinsab il-mara, tfajla jew tifla. Nifhem lil dik it-tifla ta’ 15-il sena tqila minn missierha. Iżda anke jekk nifhem l-abort xorta jibqa’ qtil.
Jekk it-tarbija tkun se titwieled b’diżabbiltà serja? Għandna nikkusnidraw abort għax tibda tgħodd il-kwalità tal-ħajja? Ħafna huma kontra l-abort iżda jaċċettawh f’din iċ-ċirkostanza. Jekk irridu nkunu sinċieri ngħidu li min jaqbel ma’ abort f’każ ta’ diżabbiltà serja jkun qed jiddeċiedi li dan mhux persuna. Għax ħafna minn dawn jirraġunaw hekk ma jaqblux ma’ l-abort fiċ-ċirkostanzi l-oħra għax huwa qtil ta persuna. Jekk taqbel li tneħħi persuna b’diżabbiltà severa allura jew dan qtil ukoll jew lil din il-persuna b’diżabbiltà ma tqishiex persuna. B’dan l-argument nistgħu nibdew noqtlu lit-tfal b’diżabbiltà severa anki wara li jkunu ħarġu minn ġuf ommhom. Għala le? Għala f’żaqq l-omm kollox sew u barra minn żaqqha le? X’inhi d-differenza?
Jekk bl-avvanzi li qed tagħmel ix-xjenza nibdew niskopru li t-tarbija li se titwieled għandha gene kriminali x’nagħmlu? Noqtluha wkoll? U jekk ridt lit-tifel b’għajnejh blu u bl-IQ ta’ Peter Serracino Inglott u niskopri li jixbah aktar l-IQ tiegħi, noqtlu wkoll? Mela t-twelid se jispiċċa supermarket bl-ixkafef minn fejn tagħżel il-bodyparts li jagħmlu t-tarbija perfetta kif dejjem ħolmot bih in-nanna u ta’ ħdejna?
Allura li aħna kontra l-abort għandha tidħol fil-Kostituzzjoni?
Illum ngħid LE. Għalfejn għandha tidħol? Biex naċċertaw ruħna li ma jkun qatt li l-abort isir legali? Tajjeb. Iżda dan li rridu? Illum mara tista’ tmur sa Sqallija u tagħmel abort bla ebda problema u ma tkunx qed tikser il-liġi. U ħadd ma jista’ jżommha.
Xi tkun tfisser il-klawsola fil-Kostituzzjoni? Tkun ammissjoni totali li bħala poplu resqin li nkunu favur l-abort iżda rridu nassiguraw li ta’ warajna ma jkollhomx ċans jagħmluh legali għax inkunu fottejnihom bil-Kostituzzjoni. U illegali xi tfisser? Li nassiguraw li n-nisa li jwettqu abort jispiċċaw il-ħabs?
Jiena li ma nemminx li jkun hawn ħabs, aħseb u ara kemm nemmen li mara għandha tispiċċa l-ħabs wara abort.
Naħseb li l-enerġija li qed nużaw biex indaħħlu din l-emenda fil-Kostituzzjoni għandna nużawha biex insiru aktar konxji tal-valur tal-ħajja. Jekk jiġri hekk, anke jekk l-abort ikun legali, ma jkunx hawn wisq jitħajru jagħmluh. Faċli? Da żgur li mhux faċli jekk mhux impossibbli. Iżda l-emenda fil-Kostituzzjoni sservi biss bħala make-up li jgħatti x-xewqat ta’ ħafna, inkluż jiena, li f’ċirkostanzi diffiċli, nikkunsidraw li neħilsu mit-tarbija billi noqtluha.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt