15 ta' April 2007
Il-banek ma jirrikonoxxux il-KartaAnzjan
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
It-tliet banek ewlenin, l-HSBC, il-Bank Of Valletta u l-APS Bank, ma jirrikonoxxux il-KartaAnzjan.
Din il-karta ta’ l-identità speċjali li tinħareġ lil dawk li jagħlqu s-60 sena toffri numru ta’ benefiċċji lis-sid tagħha. Fost dawn numru ta’ dipartimenti u għaqdiet iqabbżu lill-individwu minn kjuwijiet twal. Il-KartaAnzjan toffri wkoll prezzijiet sussidjati fosthom fuq tal-linja.
Iżda din il-karta ma fiha l-ebda valur jekk wieħed jipprova jużaha fil-banek ewlenin Maltin.
Din il-ġimgħa anzjan ta’ madwar 85 sena li juża l-bastun mar jinqeda mill-HSBC ta’ San Pawl il-Baħar. L-anzjan wera l-card lill-waħda mill-impjegati tal-bank u talabha biex jitqabbeż il-kju.
Iżda l-ħaddiema weġbitu li m’għandhiex awtorizzazzjoni biex tirrikonoxxi l-KartaAnzjan.
Din il-gazzetta talbet ir-reazzjoni tat-tliet banek ewlenin dwar x’inhi l-pożizzjoni tagħhom dwar il-card għall-anzjani.
Il-Bank HSBC, li fl-aħħar jiem ħabbar qligħ ta’ Lm41.4 miljun, qalilna li “l-HSBC ma jagħmel l-ebda preferenza awtomatika ma’ min għandu l-KartaAnzjan.” Ray Briffa, Kap tal-Branch Banking tal-HSBC sostna li “madankollu, l-impjegati tagħna jgħinu lil dawk il-klijenti anzjani u fraġli meta jkun hemm bżonn billi joffrulhom li joqogħdu bil-qiegħda waqt li huma jaqduhom fil-bżonnijiet tagħhom.”
Il-bank tal-Knisja, l-APS Bank, għandu pożizzjoni simili għad li ftit aktar umana. Francis Frendo, Kap ta’ l-Operations tal-bank, qalilna li “peress li llum il-KartaAnzjan tiġi mibgħuta meta wieħed jilħaq l-età ta’ 60 sena, il-card waħedha ma tagħtikx dritt li taqbeż il-kju.”
L-APS jadotta politika differenti f’każ li “persuna tkun verament anzjana jew persuni b’xi diżabbiltà. Dawn jiġu moqdija fil-pront.”
Lanqas il-BOV ma jirrikonoxxi l-Kartanzjan. Fi kliem Michael Galea, Kap tal-Marketing u l-Komunikazzjoni, “il-BOV ma joffrix servizzi preferenzjali lil min għandu l-KartaAnzjan.”
Il-Bank of Valletta jinsisti li “għandu struttura fejn l-uffiċjal tal-Customer Service jagħti appoġġ lill-konsumaturi skond iċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom.”
Il-Gvern għandu 25.23 fil-mija ta’ l-ishma fil-BOV. Minkejja dan jidher ċar li l-politika tal-Gvern ma tapplikax kullimkien l-istess. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani, sostniet ma’ Illum li “ma ssib l-ebda diffikultà li niltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-bank biex sakemm hu possibbli l-klijenti anzjani jkunu moqdija bl-aħjar mod.”
Fl-istess ħin Helen D’Amato hi tal-fehma li l-anzjani dejjem ikunu mħeġġa jagħmlu użu mill-metodi elettroniċi fosthom l-ATMS biex inaqqsu l-iskariġġ li l-anzjani joqogħdu jmorru l-bank biex jinqdew.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt