15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
L-ebda data meta se jieqaf jintuża l-Isptar San Luqa

Għad li l-isptar Mater Dei mistenni jiftaħ f’Lulju ta’ din is-sena l-isptar San Luqa jidher li se jibqa’ jservi għal numru sostanzjali ta’ snin oħra.
Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma ma’ Illum li s’issa għad m’għandux data ta’ meta se jitbattal għal kollox l-isptar San Luqa.
S’issa hemm stabbilit biss x’użu se jkollu l-bini fi Gwardamangia għax-xhur li ġejjin.
Il-pjan tal-Gvern hu li meta s-servizzi ta’ kura ta’ l-isptar ikunu trasferiti lejn il-Mater Dei jibda juża biss parti mill-isptar San Luqa. Il-ħidma li se tkun għaddejja fl-isptar se tkun waħda temporanja biex takkommoda l-pazjenti ta’ l-isptar Zammit Clapp. Dan għaliex hemm il-ħsieb li l-isptar Zammit Clapp f’San Ġiljan jinbidel fi sptar ta’ l-Onkoloġija, jiġifieri sptar li jispeċjalizza fuq il-mard tal-kanċer.
S’issa l-Gvern jaf biss li r-residenti ta’ Zammit Clapp se jibqgħu jinżammu fl-isptar San Luqa sakemm tinbena u titlesta l-Faċilità ta’ Riabilitazzjoni ġdida.
Is-sit identifikat għal din il-Faċilità jinsab biswit ir-Residenza ta’ San Vinċenz f’Ħal Luqa.
Mhux magħruf meta mistenni jibda l-bini ta’ din il-faċilità u meta hu stipulat li jitlesta x-xogħol kollu. Mistoqsi speċifikament meta se jibda u meta se jintemm ix-xogħol fuq il-Faċilità ta’ Riabilitazzjoni ġdida, il-Ministeru wieġeb li “għadu kmieni biex wieħed jagħti t-time frame ta’ meta se jibda u jitlesta x-xogħol.”
Il-futur ta’ l-isptar San Luqa jiddependi ħafna minn din id-data. Dan għaliex il-Gvern qed jgħid li meta l-faċilità l-ġdida f’Ħal Luqa titlesta jitbattal l-isptar San Luqa. Skond il-Gvern “ikun f’dan il-punt l-isptar San Luqa jgħaddi lura għand id-Dipartiment ta’ l-Artijiet.”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt