15 ta' April 2007
“Iżżewiġna darbtejn, minn żewġ isqfijiet li t-tnejn jiġu minna”
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Jgħidu li l-istorja tirrepeti ruħha. L-istess jista’ jingħad għall-koppja Salvino u Doris Zammit mill-Ħamrun iżda li jgħixu l-Qrendi.
Il-koppja għandha x-xorti tgħid li ‘żżewġet’ darbtejn u dejjem minn Arċisqof differenti. Mhux biss, ix-xorti hija akbar għaliex inzerta li kemm l-Arċisqof Mikiel Gonzi kif ukoll l-Arċisqof Pawl Cremona li mexxew iż-żewġ funzjonijiet, jiġu mill-koppja.
Kien 40 sena ilu fid-9 ta’ April 1967 li Salvino u Doris ingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ. Iċ-ċerimonja dakinhar saret fil-Palazz ta’ l-Isqof fil-Belt tmexxiet mill-Arċisqof Mikiel Gonzi li kien il-kuġin ta’ missier l-għarus.
Il-kumbinazzjoni kellha tkun li l-Arċiqof tal-lum Pawl Cremona inzerta jiġi l-kuġin ta’ omm l-għarusa, issa mart Salvino.
Nhar it-Tnejn li għadda l-koppja għalqet 40 sena miżżewġa u għażlet li ġġedded it-tifkiriet u l-għaqda taż-żwieġ tagħha b’quddiesa speċjali li saret fil-kappella ta’ San Mattew, biswit il-Maqluba fil-Qrendi.
Quddiem l-Arċisqof Pawl Cremona li kkonċelebra l-Quddiesa Doris u Salvino fakkru mill-ġdid il-wegħdi li għamlu dakinhar taż-żwieġ tagħhom fl-1967.
Jekk din ta’ l-Isqfijiet hija kumbinazzjoni jew destin l-istess jista’ jingħad għall-mod li bih Salvino u Doris bdew joħorġu flimkien.
“Kellna 25 sena biss,” tirrakkonta Doris lil din il-gazzetta. “Jum fost l-oħrajn kont il-festa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.”
Bejn tbissima u oħra l-mara tkompli: “Lil Salvinu dakinhar ippruvajt inqabbdu ma’ ħabiba tiegħi. Imma Salvinu ma riedx jaf u qalli li ried lili!”
F’ġest mill-isbaħ il-koppja Zammit uriet ix-xewqa li min ried jagħtihom rigal ta’ l-anniversarju kellu jagħtihom biss donazzjoni għal Villa Monsinjur Gonzi s-Siġġiewi.
Din ix-xewqa ntlaqgħet b’mod tajjeb ħafna mill-ħbieb u l-qraba tant li l-anzjani rnexxielhom jiġbru s-somma sabiħa ta’ Lm900. Il-flus ingħataw din il-ġimgħa stess. “L-idea kienet tiegħi,” sostniet Doris. “Inħoss wisq għal dawk it-tfal. Meta nara li uliedi b’saħħithom f’qalbi dejjem ngħid li mhux kulħadd għandu din ix-xorti. Aħna ninkoraġixxu lil nies oħra biex isegwu l-passi tagħna għax b’hekk ikunu megħjuna persuni tant fil-bżonn.”
Meta Illum tkellmet ma’ Monsinjur Lawrence Gatt kellu kliem ta’ tifħir għall-familja Zammit. “Kemm hu ġest sabiħ li tferraħ persuni li lanqas biss tkun taf! Dan hu pass mill-isbaħ.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt