15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Il-partiti u l-pjaga tad-droga

Bejn it-tliet partiti politiċi jidher li hemm fattur komuni: it-tħassib tagħhom għall-fatt li qed ikun hawn ħafna mwiet. Iżda bejn it-tlieta hemm ħsibijiet differenti.
F’kumment lil din il-gazzetta l-Ministru Tonio Borg sostna li anki mewt waħda biss ikkawżata minn abbuż ta’ droga “tinkwetani.”
“Sfortunatament din hi pjaga soċjali ta’ żmienna li diffiċli ħafna biex tkun eliminata,” Borg qal.
Fuq l-istess nota
l-Oppożizzjoni Laburista.
Il-Kelliem Ewlieni għall-Intern Gavin Gulia sostna: “ilna ftit ma nisimgħu dwar każijiet ta’ imwiet minn overdoses f’perjodu ta’ żmien qasir. Is-sitwazzjoni tad-droga f’pajjiżna hi nkwetanti mhux biss għax mietu tlieta f’daqqa iżda għaliex hawn dipendenza kbira fuq id-droga u dejjem qiegħed jikber in-numru ta’ vittmi ġodda li qed jaqgħu fil-vizzju. Hawn għidut li hawn dipendenza kbira fuq il-methadone u li din tista’ tiġi abbużata.”
Victor Galea, Segretarju Ġenerali ta’ l-Alternattiva Demokratika, isostni li “din is-sitwazzjoni hi nkwetanti mmens.”
“L-ebda entità fil-pajjiż ma tista’ tgħaddas rasha fir-ramel f’sitwazzjoni ta’ mwiet b’overdose bħallikieku dawn l-imwiet huma xi każi iżolati. Il-fatt li f’temp ta’ ġimgħa kellna tliet imwiet b’overdoses għandu jibgħat messaġġ ċar li hemm bżonn titjib fis-sistema preżenti dwar każi ta’ abbuż mid-droga mingħajr ma’ din il-kwistjoni tispiċċa ballun politiku.”
Quddiem sitwazzjoni bħal din it-tliet partiti għandhom il-pjani jew is-suġġerimenti tagħhom bl-aktar waħda kontroversjali tkun dik ta’ l-Alternattiva Demokratika. “Il-piena ta’ ħabs fuq pussess ta’ ammont ta’ droga għall-konsum personali għandha tinqata’ għal kollox,” qal Victor Galea.
Fil-fehma ta’ l-AD għandha ssir ukoll klassifikazzjoni legali ċara li tiddistingwi bejn soft drugs (ħaxixa) u hard drugs (eroina u kokaina). Iżda għal Galea “jekk ikompli jidher ċar li s-sistema ta’ ripressjoni preżenti mhix taħdem, għad jasal iż-żmien li wieħed jikkunsidra l-legalizzazzjoni.”
Gavin Gulia tkellem dwar punti differenti. “M’għadniex nisimgħu bil-Bully jew il-Pips. Dawn qiegħdin il-ħabs illum. Iżda xi ħadd, jew aħjar xi wħud, għadhom qed jixxalaw jimpurtaw id-droga u ma nafux min huma.”
Għal Gulia hemm numru ta’ soluzzjonijiet fosthom li jitwaqqaf Kumitat Permanenti ta’ l-Intern fil-Parlament. “Kull Parlament fl-Ewropa għandu dan il-kumitat. Aħna speċjali għax m’għandniex. Għandu jkun hemm tisħieħ tat-taqsima li tispeċjalizza fid-droga fil-Korp tal-Pulizija billi jiżdied il-vot kapitali għall-Korp. Gvern Nazzjonalista sena ilu naqqas il-vot b’madwar Lm200,000 u ma reġax żiedu.”
Minn naħa l-oħra l-Gvern qed jagħmel enfasi fuq is-suċċessi li qed tagħmel il-Pulizija. Minn Jannar tas-sena l-oħra nqabdu 45 kilogramma kannabis, 17,000 pillola ecstasy, u 6 kilogrammi kokaina. Filwaqt li qed jiddikjara li se jibqa’ mpenjat fil-ġlieda kontra t-traffikanti tad-droga, qed jitfa’ l-ballun f’ħoġor dawk involuti fis-settur. Il-Ministru Tonio Borg sostna li “l-Gvern lest li jadotta kull suġġeriment validu li jista’ jgħin lill-vittmi.”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt