The Magic Flute, opra ta’ Mozart adattata għat-tfal, se tittella’ fi tmiem il-Ġimgħa li ġej fit-Teatru Manoel wara provi li ilhom għaddejjin minn Jannar li għadda. Din hi l-ewwel opra miktuba għall-adulti li ġiet irranġata apposta biex issir għat-tfal minn kantanti u żgħażagħ f’Malta.
Il-moħħ wara dan ix-xogħol hu ta’ Sarah Spiteri li sal-lum kienet għadha għaddejja b’Meditation – Festival ta’ l-Arti Sagra, u bħalissa għaddejja bil-workshops tat-tfal fl-iskejjel dwar l-opra nnifisha li jipprepara lit-tfal għaliha.
Sarah għażlet The Magic Flute għax minbarra li tolqotha ħafna l-mużika tal-kompożitur temmen li l-opra se togħġob lit-tfal minħabba l-element ta’ fantasija u maġija li l-ħrafa hi msejsa fuqhom.
“Fil-fatt stajt nagħżel Il-Barbier ta’ Sevilja għax hi storja ħelwa imma m’hemmx dik il-maġija li tħalli lit-tfal jimirħu bil-fantasija tagħhom,” spjegat b’entużjażmu Sarah. Ikompli magħha Toni Attard, li qed jidderieġi l-kantanti u l-atturi: “Għandha l-elementi kollha biex tagħmel storja interessanti: karattri jinbxu ’l xulxin, il-kattiv, il-maħbubin…”
Sarah, li qed tidderieġi l-mużika, irrakkuntat ukoll dwar id-diversità li qed issib fl-iskejjel. L-iktar li nnutat hu l-istigma li l-opra għandha mat-tfal għax għal ħafna minnhom kulma hi “nisa jwerżqu”.
“Din mhix biss introduzzjoni għall-opra għat-tfal biss imma anki għall-adulti. Kemm-il darba ġew għalliema jew ġenituri jgħiduli li fl-aħħar fehmu l-istorja, tant hemm barrieri kontra l-opra. Hi kelma ikbar milli hi. Aħna rridu nesponu lit-tfal għal xi ħaġa li jieħdu gost biha mhux li ngħallmuhom,” kompliet tgħid id-direttur tal-mużika.
Toni qabel magħha u spjega kif qegħdin jaħdmu fuq l-opra biex tkun aktar aċċessibbli għat-tfal. “Ħdimt ħafna mat-tfal. Għamilt ħames snin ngħallem drama. Hi udjenza diffiċli għax l-attenzjoni tagħhom iddum 10 minuti. Allura ħdimna kollox qasir. L-arji ma qaċċatniehomx imma s-sekwenzi mhumiex itwal minn 10 minuti,” spjega Toni.
Sarah żiedet miegħu, “Ħdimna għal tfal minn tmien snin ’il fuq. Ħdimna għal ħin li jkunu kapaċi joqogħdu attenti u kemm kapaċi jifhmu x’inhu għaddej. Infatti l-istorja hi lineari għax neħħejnielha s-sub-plots biex tkun aktar sempliċi.”
“Jekk ma tippatronizzax lit-tfal jew turihom affarijiet boring mhux se jiddejqu. Mhux se tidħaq bihom. Meta kont żgħir kont rajt Peter and the Wolf u għadni s’issa niftakarni ngħid, ‘X’inhi boring din il-mużika!’ għax kien hemm narattriċi tgħajjat mat-tfal,” qal id-direttur teatrali. Spjegali kif ħadem mal-kantanti li normalment meta jkantaw arja jibqgħu iebsin matulha mingħajr ma jagħtu emozzjoni. Raġuni għala ħafna drabi l-kliem ma jinftehimx.
Għad-direttur teatrali l-unika differenza fl-opra hi li flok il-karattru jikkomunika billi jitkellem, ikanta arja. Jitkellem b’ħafna entużjażmu dwar id-dinamika tal-grupp, li minkejja li ngħaqad wara li saret sejħa għal kantanti, l-atmosfera tfakkru fi grupp teatrali fejn kulħadd iħossu komdu jagħti l-ideat tiegħu.
Staqsejtu jekk kienx l-iskop tiegħu jew ta’ Sarah li jaħdmu b’kast żgħir fl-età.
“L-età kienet irrelevanti. L-importanti kien li l-kantati kienu lesti li jikkommettu ruħhom għal proġett u fuq kollox kienu lesti jieħdu pjaċir fil-workshops u li jivvintaw ħafna affarijiet. Din l-opra mhix bażata fuq sett u kantanti imma fuq grupp ta’ artisti li ħadmu flimkien biex jinterpretaw xogħol magħruf għal udjenza ġdida,” żied jgħid Toni b’dawk l-għajnejn imbissmin mimlijin enerġija.
Ftit qabel ma kellu jitlaq għall-provi temm jgħid li, “M’aħniex nagħmlu l-affarijiet biex nogħġbu lit-tfal. Il-formula hi li naddattawha għalihom. Li ħa jagħmilha għat-tfal mhux għax se jkun hemm iktar nies fuq il-palk imma għax se jkun hemm iktar komunikazzjoni, tkun iktar mexxejja u iktar moviment. Anzi hi opportunità tajba biex nies li qatt ma marru opra jesperjenzaw forma teatrali li toffri esperjenza ġdida u divertenti.”
Il-Magic Flute miftuħa għall-pubbliku nhar is-Sibt 21 ta’ April fis-6.30pm u l-għada fis-6pm. Il-biljetti jibdew minn Lm4 għall-kbar u Lm2.50 għaż-żgħar. Hemm ukoll prezz speċjali għall-familji ta’ Lm15 għal żewġ adulti u żewġt itfal. Għal aktar tagħrif ċempel 21246389 jew bookings@teatrumanoel.com.mt.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt