15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Sejħa għan-Nazzjonalisti ‘ta’ vera... bid-dikjarar’

Gerald Fenech
gfenech@mediatoday.com.mt

Hekk kif qed noqorbu bil-mod il-mod lejn l-elezzjoni ġenerali, il-kampanja tat-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista Peter Darmanin kulma tmur qegħda dejjem tiżdied fl-istramberija tagħha.
Fl-aħħar fuljett li rċevew it-tesserati Nazzjonalisti Darmanin qed jitlob lil dawk li hu jsejjaħ bħala ‘Nazzjonalisti ta’ Veru… bid-dikjarar’ biex jagħmlu donazzjoni u jkunu jistgħu jieħdu sehem f’lotterija fejn tintrebaħ ġiżirana jew lira tad-deheb.
Stramba kif il-lotterija se tittella’ wara li jkun magħruf ir-riżultat ta’ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Din hi t tielet kampanja ta’ Darmanin f’dawn l-aħħar ġimgħat wara l-bejgħ tal-figolli u l-ġbir tal-whisky u l-amaretto.
Fl-aħħar ittra tiegħu Darmanin donnu qed jimplika li bħalma jeżistu Nazzjonalisti ‘ta’ vera’ jeżistu oħrajn li huma foloz. Kulmin jipparteċipa fil-lotterija qed jintalab biex “tiddikjara t-twemmin tiegħek fil-Partit Nazzjonalista billi tibgħat donazzjoni, tkun kemm tidhirlek int, lill-Partit biex tgħinna nagħmlu kampanja qawwija u intensiva biex inkomplu mmexxu l-pajjiż fil-paċi u l-progress taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi.”
Għal min hu midħla tas-slogans politiċi l-għajta, ‘Fil-Paċi u l-Progress’ intużat mill-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali ta’ l-1971.
Jidher li Darmanin mhux qed jaqta’ qalbu għax skond kliemu qed ikollu tweġiba tajba għas-sejħa biex in-nies tagħti aktar flus. Fuq Radio 101 nhar il-Ġimgħa it-Teżorier tal-PN ftaħar li hemm mara li ġġemgħalu l-karti taż-żewġ liri sakemm tgħaqqad Lm50 imbagħad tgħaddihom lilu. Veru każ li trid tisma’ biex temmen!

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt