15 ta' April 2007
Gvern papà, jikkalkulalek it-taxxa
Karl Stagno-Navarra
Jekk qed tħabbel rasek għax għadek ma rċevejtx il-formola blu li s-soltu tibgħat lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni fejn tagħti r-rendikont dwar id-dħul finanzjarju tiegħek, m’għandekx għalfejn tinkwieta għaliex l-assessment issa se jibda jsir mill-Gvern.
Tibdil fis-sistema tal-formoli tat-Taxxi Interni se tfisser li l-Gvern se jikkalkula għalik u jekk jibgħatlek kont imbagħad tkun tista’ tikkontestah.
L-aħbar li mistennija toħroġ uffiċjalment mill-Gvern fil-jiem li ġejjin se tasal bħal ħasda għal ħafna li minn issa ’l quddiem se jaraw lill-Gvern jikkalkulalhom id-dħul tagħhom ibbażat fuq l-informazzjoni ċentralizzata li għandu l-lum u li jirċievi mid-Dipartimenti kollha, inkluż xi informazzjoni mingħand il-banek.
Is-Segretarju Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi Tonio Fenech ikkonferma l-aħbar ma’ din il-gazzetta u spjega kif fid-diskors tal-Baġit f’Ottubru li għadda, il-Prim Ministru kien ħabbar li kienu se jsiru “tibdiliet” fis-sistema ta’ l-assessments.
Skond Tonio Fenech, is-sistema l-ġdida tad-dikjarazzjoni tad-dħul se tinħadem permezz ta’ l-informazzjoni li l-Gvern il-lum għandu aċċess għaliha dwar id-dħul ta’dawk kollha li jaħdmu bi qligħ.
Dan ifisser li jekk qabel ħaddiem kien jirċievi l-formola biex jiffirmah u jhemeż magħha l-kopji ta’ l-FS3, issa din se jibda jirċieviha lesta, maħduma u ikkalkulata mingħand id-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Fi sforz biex irażżan l-evażjoni tat-taxxa, il-Gvern se juża l-informazzjoni kollha li għandu permezz ta’ l-aġenziji tiegħu fosthom l-ETC li għandha d-dettalji dwar id-dħul ta’ l-impjegati u li l-lum hi informazzjoni ċentralizzata f’idejn il-Gvern.
Filwaqt li din l-aħbar mistennija tqajjem kontroversja, l-aktar ħaġa ġdida hi dik li fil-kalkolu tiegħu ta’ dak li jaħseb li wieħed għandu jagħtih il-Gvern se jdaħħal ukoll stima tad-dħul minn kontijiet bankarji fejn ma tkunx inqatgħet il-15 fil-mija taxxa f’ras il-għajn.
Il-Gvern se jkun ħadem kollox hu, bl-individwu jingħata ż-żmien biex jikkontesta l-bilanċ jekk ikun il-każ.
B’kollox huma madwar 130,000 dawk li ta’ kull sena jirċievu l-formoli tat-taxxa, u skond is-Segretarju Parlamentari Tonio Fenech “Malta hi probabbli l-ewwel pajjiż li se taddotta din is-sistema,” filwaqt li żied li l-ewwel esperiment marbuta magħha sar sena ilu fis-sistema addottata għall-istudenti u l-anzjani pensjonanti.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt