15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Għajnuna għal tfal bil-kanċer

Wara li bħal-lum ġimgħa din il-gazzetta tefgħet dawl fuq kif kull xahar qed ifeġġ każ ġdid ta’ kanċer fi tfal Maltin, numru ta’ persuni għamlu kuntatt magħna biex jibdew joffru l-għajnuna tagħhom.
Il-Ħadd li għadda semmejna kif il-Grupp Puttinu Cares għandu bżonn films addattati għall-familja li jkunu jistgħu jitgawdew minn tfal rikoverati f’Wonderland sakemm jieħdu t-terapija meħtieġa.
B’effett immedjat il-ħanut Movies tal-Ħamrun offra numru ta’ films għal dawn it-tfal. Minbarra dan il-ħanut kull ġimgħa se jibda joffri lil Puttinu Cares il-films ġodda kollha li joħorġu matul dik il-ġimgħa partikolari.
Puttinu Cares, li twaqqaf fil-31 ta’ Ottubru 2002 joffri wens lit-tfal u lill-familji milquta kemm fuq livell finanzjarju kif ukoll fuq livell psikoloġiku.
Bħalissa dan il-grupp għaddej bl-aħħar preparamenti għat-tielet maratona tal-futbol b’riżq it-tfal morda bil-kanċer.
Il-maratona se tittella’ fil-ground tal-Marsa bejn l-20 u t-22 ta’ April. F’dawn it-tliet ijiem se jkun hemm spettaklu mill-aqwa talent Malti fosthom 80’s Night ma’ Alex Grech nhar is-Sibt 21 ta’ April mid-9pm ’l quddiem. L-ispettaklu li se jkun offrut b’xejn fuq medda ta’ tlitt ijiem jinkludi wkoll lil Ira Losco, Mike Spiteri, Freddi Portelli, Glen Vella, Ali and Lis, Fabrizio Faniello, Hooligan u Gawdenz.
Id-donazzjonijiet kollha li se jinġabru jintużaw biex jittaffew l-ispejjeż għall-familji tat-tfal li ħafna drabi jkollhom imorru jgħixu għal perjodu barra minn Malta sakemm uliedhom jingħataw il-kura.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt