15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Il-barriera taċ-Ċaqnu fil-Qrendi
Il-MEPA tibqa’ ma tweġibx

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

L-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA, baqgħet ma weġbitx mistoqsijiet b’rabta ma’ barriera fil-Qrendi proprjetà ta’ l-imprenditur Charles Polidano, iċ-Ċaqnu, li ilha xhur sħaħ f’ċentru ta’ kontroversja.
Dan minkejja li l-barriera qed taffettwa Triq is-Siġġiewi li hi msemmija fil-Heritage Walk Proposals ta’ l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Il-barriera fl-inħawi ta’ Mudurbu fil-Qrendi, li tintuża biex fiha jintrema ħafna mill-iskart ta’ kostruzzjoni, suppost ilha li waqfet topera aktar minn sena ilu.
Dokument li ħareġ mill-Ministeru għall-Ambjent u li din il-gazzetta għandha kopja tiegħu jikkonferma li l-Ministeru ta konferma bil-miktub li l-barriera kellha tieqaf tilqa’ skart ta’ kostruzzjoni fit-23 ta’ Frar, 2006.
Fil-ġimgħat li għaddew il-Kunsill Lokali tal-Qrendi kkundanna pubblikament l-attività fil-barriera ta’ Polidano. Il-Kunsill dejjem argumenta li x-xogħol li għaddej qed jikser il-kundizzjonijiet imponuti fuqu mill-MEPA. Fost dawn hemm it-trabijiet u t-tajn iġġenerat mit-trakkijiet li mhux qed jitnaddfu kif suppost.
Triq is-Siġġiewi fil-Qrendi spiċċat imkissra għal kollox minħabba l-ammonti kbar ta’ trakkijiet li qed jgħaddu minnha. Skond il-Kunsill Lokali tal-Qrendi t-triq ġarrbet ħsarat ta’ ’l fuq minn 70 fil-mija u l-istimi jikkonfermaw li l-ispiża biex tinbena mill-ġdid titla’ għal Lm118,559.15.
Skond il-ktieb Malta Countryside Walks din it-triq hi nkluża fil-Girgenti Walk, mixja li tispiċċa l-Maqluba.
Mistoqsijiet li din il-gazzetta bagħtet lill-Mepa kważi xahar ilu baqgħu s’issa bla tweġiba. L-Awtorità lanqas għarrfet bil-miktub l-emails li bgħatna dwar dan il-każ. Telefonati li għamilna baqgħu sal-lum qatt ma ġew ritornati lura.
Quddiem din is-sitwazzjoni ġimagħtejn ilu tlabna
r-reazzjoni tal-Ministeru ta’ l-Ambjent.
Fi tweġiba li rċevejna l-bieraħ kelliem għall-Ministeru qal biss li “Il-MEPA qed issegwi l-każ mill-qrib.”
Skond il-Ministeru “l-informazzjoni għadha mhix finali u t-tweġibiet jingħataw kmieni l-ġimgħa d-dieħla.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt