15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Sindku fil-għama dwar toroq mibnija ħażin

Gerald Fenech
gfenech@mediatoday.com.mt

Numru ta’ toroq f’Santa Venera li nbnew mill-ġdid fis-sena 2002 jinsabu fi stat ħażin ħafna għaliex ix-xogħol ma sarx tajjeb. Issa l-kunsill lokali, jitlob biex it-toroq jerġgħu jinbnew mill-Gvern Ċentrali.
Is-Sindku ta’ Santa Venera Stephen Sultana, spjega lil din il-gazzetta li l-kunsill bagħat ittra lid-Direttorat tat-Toroq fil-21 t’Awissu 2005 fejn talab li t-toroq ‘Kanonku Bonnici’ u ‘l-4 ta’ Settembru’ jinbnew mill-ġdid minħabba xogħol ħażin li sar fihom.
Skond Sultana il-problema fi Triq Kanonku Bonnici hi li meta saret it-triq it-taħlita ta’ tarmak kienet ta’ kwalità inferjuri.
F’ittra li ntbagħtet mill-kunsill u li għandna kopja tagħha qed jingħad li d-Direttur tat- Toroq kien diġà infurmat b’din is-sitwazzjoni sa minn Jannar 2005.
Il-Kunsill għamel ukoll protest ġudizzjarju kontra
l-Awtorità tat-Trasport,
il-Ministru Jesmond Mugliett, id-Direttur tad-Dipartiment tat-Toroq u l-Avukat Generali fejn talab biex it-toroq jerġgħu jsiru. Il-kunsill qed iżommhom ukoll responsabbli
għall-ispejjeż kollha in konnessjoni ma’ l-istess xogħlijiet. Il-protest kien iffirmat mill-Avukat Richard Sladden.
Sadattant, il-gazzetta ppruvat tkellem lill-Ministru Jesmond Mugliett iżda sakemm morna għall-Istampa ma rċevejna
l-ebda tweġiba mingħandu.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt