Iltqajt ma’ żewġ bikers il-Luxol biex nitħaddtu dwar iċ-Charity Ride li jtellgħu kull sena.
Omar Bajona u Joe Farrugia huma tnejn mis-16-il membru tar-Rebel Riders Malta, l-ewwel grupp ta’ bikers li ngħaqad fl-1995. Grupp li jsejħulu ‘brotherhood’ għax bejniethom iħossuhom qishom aħwa.
Din hi t-12-il Charity Ride li qed issir. Fiha ħafna organizzazzjoni. Mhix biss madwar 300 mutur isuqu wara xulxin. Hi kontrollata mill-Pulizija li anki huma jidderieġu t-traffiku. Jiftiehmu wkoll minn qabel mal-Kunsilli Lokali li se jgħaddu minn hemm.
L-attività fil-bidu bdiet biex ibiddlu l-idea żbaljata li kellhom in-nies fuq il-bikers. Imbagħad komplew jorganizzawha sena wara sena.
“Għax bil-mutur, għax libsin l-iswed, xagħarhom twil u bit-tpinġija… Aħna ridna nuru li mhux hekk imbagħad komplejna,” spjega Joe li jidher l-iktar wieħed mistħi minnhom it-tnejn. Fil-fatt huma nies bil-mutur, lebsin l-iswed, xagħarhom twil u bit-tpinġija u jista’ jkun li jagħtu dehra ta’ nies xi ftit raffi iżda mis-siegħa li qattajt magħhom jidhru li huma interessati jgħixu ħajjithom kif jafu jieħdu gost huma billi jsuqu l-muturi u bl-attivitajiet li jorganizzaw huma stess.
Staqsejthom għadhiex kwistjoni għan-nies din id-dehra u kemm ikollhom problemi fuq ix-xogħol dwarha.
Reġa’ weġibni Joe bi tbissima żgħira, “Aħna bdejna ċ-Charity Ride biex inbiddlu l-idea tan-nies imma dan kien 12-il sena ilu. M’għadhiex daqshekk problema. Hemm min mill-membri hu bankier u anki pulizija.”
Fil-pront qabeż Omar, “Jien u Joe t-tnejn koki u mmorru għax-xogħol libsin kif qed tarana.”
“M’għadhiex daqshekk gravi. L-affarijiet tjiebu. Mal-Puluzija qatt ma kellna problema. Lanqas mill-membri. Li għadu żgur hu li m’hawnx rispett lejn il-muturi,” kompla miegħu Joe.
Bdew jitkellmu dwar sewwieqa tal-karozzi li jarmu sigarretti mixgħula mit-tieqa jew nies li jħallu minkbejhom imdendel.
“Anki ż-żebgħa tat-toroq tiżloq, suppost tkun imrammla. Parkeġġ m’hawnx anqas. It-tarmakk ukoll. Il-mentalità hi li l-aqwa m’hemmx ħofor fit-toroq. Hawnhekk jagħtuh wara nofsinhar, allura jiġi qisu biċċa simenta. Minħabba f’hekk jiġi jiżloq għax ma jkollux biżżejjed frizzjoni. Anki l-karozza titlaq. M’hawnx għarfien biżżejjed!”
Staqsejthom fuq il-problema l-oħra li kellhom ta’ l-assigurazzjoni. Mill-ewwel weġbuni li l-prezzijiet għollewhom wisq u anki kienu għamlu ride bħala protesta Ta’ Xbiex iżda ma affettwat lil ħadd. Komplew isostnu li lanqas no claim bonus m’għandhom u wieħed minnhom ilu jsuq 12-il sena u qatt ma kellu inċident wieħed.
“Issib anki min jagħlaqlek il-bieb, li hi llegali,” qal Omar. Tkellmu wkoll dwar il-problema li għandhom mindu l-Gvern ħadilhom il-post li kienu jiltaqgħu fih Tignè. “Qegħdin infittxu kamra fin-naħat ta’ Pembroke. Il-Kunsill Lokali kemm-il darba kien se jagħtina kamra għax jippreferi li nużawha aħna milli tkun mitluqa bir-riskju li jkun hemm min imur jittaqqab fiha. Imma mbagħad il-Gvern dejjem ikollu proġetti oħra għal dawn il-kmamar li lanqas il-Kunsill stess ma jkun jaf x’inhuma,” temmew jgħidu.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt