L-inkwiet li qed jgħaddu minnu dawk li jrabbu l-majjali spiċċa diskuss fuq livell ta’ Kabinett.
Sorsi qrib Kastilja ikkonfermaw ma’ din il-gazzetta li fil-Kabinett fil-jiem li għaddew tqajmet il-problema li qed jgħaddu minnha r-raħħala Maltin li komplew jirreġistraw tnaqqis drastiku fil-bejgħ tal-laħam tal-majjal prodott lokalment.
Ġimgħat ilu l-Koperattiva ta’ Min Irabbi l-Majjali sostniet li l-industrija Maltija nqatlet minħabba li l-majjal impurtat faqa’ għal kollox is-suq lokali. Minn kwota ta’ madwar 2,400 majjal fil-ġimgħa l-produtturi Maltin qed ibigħu medja ta’ 1,500 majjal biss.
Tul dawn l-aħħar ġimgħat membri Parlamentari Nazzjonalisti komplew jirċievu aktar ilmenti mir-raħħala li wħud minnhom sa heddew li mhux se jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss. Nifhmu li kienet din il-klima li wasslet biex minn ta’ l-inqas tliet esponenti ewlenin tal-Gvern jintervjenu fil-Kabinett fuq din il-kwistjoni.
Fost dawn kien hemm il-Ministru Louis Galea li hu meqjus bħala viċin ħafna tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi u li għandu kuntatt tajjeb ħafna fuq l-aktar żewġ distretti li minnhom ġejjin ir-raħħala.
Illum hi nfurmata li fost il-Ministri li ddefendew lill-produtturi fil-laqgħa tal-kabinett kien hemm ukoll il-Ministru Ċensu Galea.
Nifhmu li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kien mgħarraf minn qabel b’din iċ-ċaqlieqa meta numru ta’ raħħala kellmuh dwar kif qed iħossuhom imwarrba u minsija minn min suppost qed jipproteġihom.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt