Il-Prim Ministru Dom Mintoff kien Kastilja f’laqgħa teknika ma’ Lino Spiteri li dakinhar kien jokkupa kariga uffiċjali fil-Bank Ċentrali meta xi ħadd tgħarraf lill-Perit fuq ir-riżultat tat-tiġrija għall-kap tal-PN.
L-avukat Eddie Fenech Adami kien għeleb l-isfida ta’ Censu Tabone u Guido de Marco biex sar hu l-kap tal-Partit Nazzjonalista wara George Borg Olivier.
F’intervista ma’ din il-gazzetta Lino Spiteri jiddeskrivi l-ewwel reazzjoni ta’ Mintoff għall-aħbar: “Niftakar lil Mintoff jirrimarka li n-Nazzjonalisti kienu għamlu żball li ħatru lil Fenech Adami. ‘Dak m’għandux kostitwenza. Dak f’Birkirkara biss magħruf, kien sostna Mintoff. Naħseb li dak kien l-ikbar kalkolu politiku żbaljat li qatt għamel Mintoff.”
Din il-ġrajja mhix rakkuntata fil-ktieb ta’ Spiteri ‘Jien u Għaddej fil-Politika’. Fl-intervista Spiteri jitkellem fost l-oħrajn dwar is-sehem tiegħu fil-ġrajjiet imqanqla tat-Tmeninijiet, l-avvenimenti li tappnu l-leġislatura mqassra tal-Partit Laburista fl-1996 u d-differenzi bejnu u Alfred Sant.