15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Champion tal-pixxina b’nostalġija kompetittiva

Sa ftit jiem ilu kont ċert li l-unika żewġ speċi li fid-dinja ma jistgħux jeżistu mingħajr
l-ilma u l-baħar huma l-mammiferi u l-ħut. Imma wara din l-intervista skoprejt li ta’ l-inqas hawn persuna umana li mingħajr dawn iż-żewġ elementi ma timmaġinax lilha nnifisha tgħix.
Żgur li xi darba jew oħra smajt b’Gail Rizzo. Aktar milli l-isem, kunjomha jibqa’ sinonimu ma’ familja kbira li tassoċjaha ma’ dak kollu li fl-isport għandu x’jaqsam mal-baħar.
Qatt ma kont iltqajt magħha qabel. Wiċċha kont nafu ftit mir-ritratti u l-filmati li bihom ikkapparrat ħafna mill-ispazju tal-media sportiva lokali ftit tas-snin ilu. Kellimtha għall-ewwel darba nhar it-Tnejn fil-Pixxina Nazzjonali meta tfaċċat fil-bieb ta’ barra u ħadna b’idejn xulxin. Ma nafx kinetx tafni hi bl-istess mezz li jien nafha ftit.
Kont ili naħseb fiha minn xi ftit xhur ilu ’l hawn. Il-mistoqsija li kont qed ngħid bejni u bejn ruħi dan l-aħħar kienet, “Min jaf x’sar minnha dik l-għawwiema Gail Rizzo?”
Għal aktar minn siegħa, Gail tgħidli kif mingħajr dan l-isport ħajjitha ssir waħda vaga u bla sens. Tirrakkuntali esperjenzi differenti fosthom dawk li f’ħajjitha tqis bħala l-isbaħ u l-ikrah.
Tiftaħ qalbha miegħi u tgħidli li għaliha l-karriera ta’ għawwiema spiċċat darba għal dejjem wara inċident sfortunat li kellha tliet snin ilu. Minkejja dan kollu tammetti li l-ħajja preżenti fil-coaching qed tagħtiha l-istess passjoni li kellha sa ftit taż-żmien ilu meta kienet tikkompeti hi.
Anki jekk l-isport tal-baħar qatt ma kont familjari miegħu, tkellimna flimkien fuq il-waterpolo u hawnhekk sabet il-kuraġġ tiżbilanċja ruħha u tammetti li għandha passjoni kbira lejn it-tim ta’ Neptunes u l-plejer Nicky Lanzon.
Fl-aħħarnett Gail toħroġ l-umiltà tagħha meta tgħid li anke jekk hi forsi l-aktar għawwiema li ħadet popolarità f’Malta, hi Angela Galea li tibqa’ l-aktar waħda li għamlet suċċess fix-xena internazzjonali bir-rebħ tal-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Kienet spontanja hekk kif staqsejtha kif tara lilha nnifisha bħala persuna.
“Jien persuna enerġetika, dejjem għaddejja u nieħu l-ħajja ġurnata b’ġurnata. Dejjem ħarist pożittiv lejn il-ħajja. Meta tiġrili xi ħaġa ħażina nipprova ndawwarha kemm jista’ jkun f’aspett pożittiv. Il-ħajja fiha t-telgħat u l-inżul għal kulħadd imma jien ngħid li kulħadd jiddeċiedi hu kif irid jgħix ħajtu.
“L-ewwel darba li għamejt kont kważi għeriqt. Kelli xi erba’ snin u kont fil-pitch tas-Sirens. Niftakar li kienet ġiet tifla jisimha Elaine li sfidatni li nagħmlu tellieqa normali. Dak iż-żmien kont ftit imferfxa u nsejt li kont għadni ma lbistx il-flippers. Qbiżt u bqajt nieżla. Li ma qabżux għalija ma kont nitla’ qatt mill-qiegħ. Però l-istess trawma serviet ta’ ġid għax minn dak inhar tgħallimt ngħum mingħajr flippers. Ħajti dejjem kienet living on the edge.”
Insaqsiha jekk tħoshiex persuna fortunata f’ħajjiha li minn tant għawwiema li kellna fil-pajjiżi hi waħda mill-aktar, jekk mhux l-aktar, li għamlet suċċess.
“Furtunata żgur li le. Anzi nqisni bħala persuna żvinturata. Anki meta nilgħab xi ħaġa, kieku naf li qatt xi darba rbaħt xi ħaġa. F’ħajti kont aktar żvinturata milli furtunata. Dejjem wasalt fejn wasalt għax tħarriġt u ħadt dan l-isport b’mod serju.
“Kont bdejt nipparteċipa fil-kompetizzjonijiet li kienu jorganizzaw fis-sajf il-Malta Amateur Swimming Association. Kien ikollna t-tlielaq kull xahar u minn hemm għażlu t-tim Nazzjonali biex spiċċajna ngħumu fix-xitwa wkoll. Bdew isifruna kull xahar jew xahrejn għall-kompetizzjonijiet barra minn Malta. Minn hemm bdiet l-istorja tal-karriera tiegħi.
“Meta kont żgħira ppruvajt diversi sport ieħor. Kont fil-basketball u l-atletika imma qatt ma kelli xi livell għoli. Meta bdejt ngħum indunajt li kien l-isport tiegħi għax kważi qatt ma kont ngħejja u anki lill-irġiel kont ngħaddi.”
Nitkellem magħha fuq id-destin u jekk temminx li kull bniedem ikollu ħajtu miktuba għalih minn qabel ma jitwieled. Tirrispondini billi tabbina din il-mistoqsija mar-raġuni l-għala m’għadhiex tipparteċipa fl-isport li hi tant għamlet suċċess fih.
“Qatt ma emmint fid-destin taqta’ minn tliet snin ilu ’l hawn. Kelli inċident ikrah ħafna li fih stajt tlift ħajti. Konna qegħdin ngħumu, tlajt mill-pixxina u mort inbiddel il-bikini. Jien u ħierġa lura ma ndunajtx li ħabiba tiegħi kienet għalqet il-bieb bil-konsegwenza li kont ġejja niġri u bqajt għaddejja minn ġol-ħġieġa. Tlift ħafna demm u kelli bżonn tliet operazzjonijiet f’saqajja.
“Nirringrazzja ’l Alla li għadni ħajja. Kienet waħda mir-raġunijiet għaliex waqaft nikkompeti fl-għawm. Saqajja x-xellugija qatt ma ġiet kif kienet qabel. Ma tantx għandi saħħa fiha. Wara dan kollu sirt nemmen fid-destin.
“Il-ħajja ta’ għawwiema nimmissjaha ħafna. Ma ninsa qatt is-safar, it-tlielaq u xi rekord ’l hemm u ’l hawn li kont nikser. Jiddispjaċini li m’għadnix kompetittiva. Imma għadni involuta b’xi mod f’dan l-isport permezz tal-coaching. Hu ta’ wens tajjeb għalija għax meta t-tfal jiksru xi rekord nidħol fl-atmosfera magħhom daqs li kieku ksirtu jiena. Għandi grupp tajjeb ħafna u kollha qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jagħtu l-aħjar. Ma nistax ma nsemmiex lil Talisa Pace. Għad għandha 13-il sena biss u għadha kif irritornat mill-kampjonati mondjali tal-għawm. Din it-tifla għaddiet għawwiema ikbar minnha fl-età u kkwalifikat ma’ tliet għawwiema oħra. Għalija kien ta’ unur kbir.”
Gail Rizzo twieldet fit-2 ta’ Frar 1979. Hi bint Steve u Grace u għandha ħuha, Sean. Minbarra l-għawn Gail taħdem ukoll fil-kumpanija ta’ missierha.
Għamlet snin twal tiddomina kull tiġrija tal-għawm. Rebħet ħafna unuri tant li sabet diffikultà biex tirrispondini meta staqsejtha liema kien l-isbaħ unur li rebħet tul il-karriera tagħha. Aktar milli unur, ippreferit issemmi l-isbaħ mument.
“Kull unur li jirbaħ atleta ma jinsih qatt. Għalija kollha fihom sinifikat speċjali. Imma jekk tgħidli l-isbaħ mument ngħidlek li kien meta rrappreżentajt lil Malta f’Atlanta fl-1996. Li atleta jirrappreżenta lil pajjiżu fil-Logħob Olimpiku hi xi ħaġa kbira. Sena wara kont irbaħt ukoll l-Isportiva tas-Sena. Matul dik is-serata kont emozzjonata ħafna u tgħidx kemm għafast id il-papà. Imma l-għajta u r-rispons tan-nies bdew juru li stajt verament nirbaħ jien. B’dak l-unur kont ħadt pubbliċità kbira mal-pajjiż kollu. Naħseb li dawk huma l-akbar żewġ tifkiriet li jibqgħu fil-memorja tiegħi. Għalkemm dejjem nipprova nifhem u għadni sal-lum nitkellem mal-ġenituri tiegħi l-għala jien akkwistajt ċerta popolarità u għawwiema tajbin oħra kważi ħadd ma jaf bihom. Ma nistax ma nirringrazzjax lill-media.”
Minkejja dan kollu f’għajnejn l-ex atleta nazzjonali xorta għadu jidher id-dispjaċir li l-isport li tant tħobb ma jingħatax wisq importanza fil-media lokali. Ittini r-raġunijiet tagħha filwaqt li tikkritikani li jien wieħed minn dawk li jinteressani biss il-futbol.
“Nixtieq li l-isport tal-għawm jikber aktar f’kull settur tal-media. Naħseb li hawn Malta gazzetta waħda biss tkopri lil dan l-isport b’mod komplut. Rari biex tara ġurnalist li jieħu ħsieb dan l-isport waqt il-kampjonati Nazzjonali. Nammetti li l-futbol hu l-isport numru wieħed kważi f’kull pajjiż fid-dinja. Li ddejjaqni hi li ġieli kien hemm ċansijiet li jintwerew filmati tal-għawm u tibqgħu tippersistu fuq futbol biss. Ikun xi ħadd bħalek li jħobb futbol biss hekk jagħmel żgur. Jien ukoll insegwi t-Tazza tad-Dinja u t-Tazza Ewropea kull erba’ snin. Inżomm ma’ l-Ingliżi u mal-Liverpool. Hawn Malta nżomm mal-Furjana għax kważi kollha jżommu man-Neptunes. Imma mbagħad iż-żejjed kollu żejjed.
“Għall-atleta l-media importanti ħafna. Il-media tista’ ttellgħek fil-quċċata u l-istess media tista’ ssabbtek mal-qiegħ. Jien nirringrazzja lil Alla li l-media dejjem għenitni u rari ħafna biex kont nara xi ħaġa kontrija fil-mezzi tax-xandir.”
Gail tagħtini l-opinjoni tagħha fuq kemm bħala pajjiż taħseb li għadna lura f’din id-dixxiplina meta mqabbla ma’ nazzjonijiet oħra.
“Jekk tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tinduna kemm għadna lura. Fl-1993 irbaħna disa’ midalji f’dan l-isport u sentejn ilu tqanżaħna biex irbaħna midalja jew tnejn. Il-progress li għamilna fejn pajjiżi oħra kien żgħir ħafna. Fadlilna x’naqdfu ħafna iżjed.”
Minn moħħha jgħaddu ħsibijiet fuq dik is-sena li dan l-avveniment kien sar f’pajjiżna. Donni indunajt li bdiet iġġedded il-memorji ta’ meta kienet atleta hi fl-1993.
“L-aktar esperjenza negattiva u tad-dwejjaq li għandi f’ħajti tibqa’ dik ta’ l-1993 meta l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kienu saru f’pajjiżna. Irbaħna l-midalja tal-bronz fir-relay. Jien tlaqt l-ewwel. Kif Roberta Stellini misset il-ħajt indunajt li konna ġejna t-tielet u bil-ferħ qbiżt fil-pixxina biex ngħannaqha. Ma ndunajtx li kien għad hemm atleti oħra li ma spiċċawx it-tellieqa. Ġejna skwalifikati u ħadulna l-midalja. Kulmin kien preżenti beka magħna. Ma ndunajtx li kien għad hemm l-atleti ta’ San Marino u Monaco mhux lesti. Bla dubju jibqa’ l-ikbar żball li qatt għamilt u l-ikbar dispjaċir li għandi. U fih ma kontx waħdi, għax l-oħrajn, kif rawni naqbeż qabżu warajja. Kelli biss 14-il sena. Fil-ħajja titgħallem mill-iżbalji. Niftakar li kulmin kien preżenti beda jibki magħna. Imma nammetti mija fil-mija li kien żball tagħna. Illum meta t-tfal li ngħallem jagħmlu xi żball hekk tgħidx kemm noħodha bi kbira u ngħajjat magħhom. Naf x’konsegwenzi jista’ jġib żball bħal dan.”
U hemm xi tellieqa li ma tinsa qatt?
“L-aktar waħda pożittiva kienet fit-tellieqa backstroke, fl-Olimpjadi ta’ l-1996. Ġejt it-tieni fit-tellieqa tal-heat u ksirt rekord Nazzjonali. Naħseb li dik kienet l-akbar tellieqa li qatt għamilt.”
Insaqsiha x’relazzjoni dejjem kellha hi ma’ l-assoċjazzjonijiet Maltin. Tgħidli l-pożittiv u n-negattiv.
“Dejjem sibna għajnuna mill-Kumitat Olimpiku Malti u mill-Kunsill Malti għall-isports. Mingħandhom għandna għajnuna finanzjarja biex inaqssmuha bejn l-għawwiema u forsi nsifruhom tliet darbiet fis-sena. Jgħinuna wkoll meta jġibulna xi kowċ barrani biex nieħdu aktar esperjenza.
“L-uniku diżappunt żgħir li għandi hu li l-pixxina qed tagħlaq kważi kull sena għat-tliet xhur tax-xitwa. M’għandnix triq oħra ħlief li mmorru Ta’ Qali. Il-pixxina ta’ l-MFA hi tajba ħafna imma żgħira wisq għall-ammont ta’ għawwiema li jkun hemm fiha. Nixtieq li kieku l-pixxina ta’ tal-Qroqq tibqa’ miftuħa anki fit-xitwa biex inkomplu nitħarrġu kif suppost. Hawnhekk għandna pixxina ta’ 50 metru u tajba ħafna. Hi ħasra li nbniet fl-1993 u llum tinsab f’dan l-istat. Imma ma naħsibx li f’pajjiż żgħir bħal Malta għandna bżonn ta’ pixxina oħra. M’hemmx għalfejn ta’ spejjeż żejda. Imma jeħtieġ li nibżgħu aktar għaliha.”
Gail tgħidli li issa wasal is-sajf u ’l hena tagħha ssegwi l-kampjonat tal-Waterpolo. Tħeġġiġni biex nagħmel bħalha u nibda nattendi. Ngħidilha li kemm għandi għomor m’attendejtx għal aktar minn erba’ partiti. Ngħidilha li ma nafx għaliex inżomm man-Neptunes, anke jekk ma nafx plejer wieħed li jilgħab ma’ dan it-tim. Mir-risposta tagħha ndunajt li naqblu f’xi ħaġa żgur u ta’ l-anqas sirt naf bi plejer wieħed li jilgħab mat-tim li nappoġġja jien. Taħsadni kif tgħidli li kienet tilgħab ukoll il-waterpolo.
“Il-waterpolo inħobbu daqs l-għawm. Ili ninteressa ruħi fil-logħba minn żmien missieri u dejjem segwejt il-kampjonat b’reqqa kbira. Jien partitarja kbira ta’ Neptunes. U m’għandi l-ebda problema biex ngħid li Nicky Lanzon ta’ Neptunes hu l-plejer favorit tiegħi minbarra li ħabib kbir tiegħi wkoll. Għalija hu wieħed mill-aktar plejers bravi li hawn. Playmaker kbir u jaf il-logħba bl-amment. Dejjem issibu pass qabel l-avversarji tiegħu u jkun jaf x’se jagħmlu minn qabel. Jaf jiddefendi u jattakka u jgħum b’veloċità kbira.
F’Malta hawn ħafna plejers tajbin u bla dubju Nicky hu wieħed minnhom. Jibqa’ dejjem il-favorit tiegħi.
“Hi ħasra li m’għadniex nilgħab il-waterpolo għax m’hemmx interess fuq in-naħa tan-nisa. Minn dejjem kelli ħolma oħra li nirrappreżenta lil pajjiżi fit-tim tan-nisa tal-waterpolo.”
Għax bħal li kieku, dak li għamlet fl-għawm mhux biżżejjed… imma għal Gail Rizzo, min hi l-aqwa għawwiema ta’ sess feminili li qatt ħarġet minn Malta?
“Gail Rizzo.”
Tħares lejja b’mod inkejjuż minn taħt il-għajn bħal li kieku qed tistaqsini jekk it-tweġiba hux aċċettata. Jien ma nitniffisx. Tidħak kemm tiflaħ. Tisserja u tkompli...
“Angela Galea rebħet midalja tad-deheb. Minn dan il-lat, aħjar minni żgur. Għamlet dan fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.”
Nitlob l-opinjoni tagħha wkoll fuq min taħseb li hu l-aqwa għawwiem li hawn fid-dinja fil-mument.
“Kien Ian Thorpe imma bla dubju fil-preżent Michael Phelps hu fenomenu. Jekk tkun tifhem f’dan l-isport u tarah jgħum tinduna li għandu xi ħaġa aktar minn kull għawwiem ieħor li qatt eżista. Meta jgħum il-butterfly ikun speċjalità u xi ħaġa ta’ barra minn din id-dinja. It-teknika u s-saħħa tiegħu huma inkredibbli.”
Tiġini f’moħħi mistoqsija ta’ kurżità. Imma li kieku Gail kienet sirena, f’liema bajja Maltija tgħum l-aktar?
“Naħseb kieku ma niċċaqlaqx mill-bajja ta’ Għajn Tuffieħa. Għalija l-isbaħ bajja li għandna Malta u kull ċans li nsib fis-sajf tarani hemm. Kultant fil-pre-season intella’ t-tfal li nikkowċja hemm. Li kont sirena nintefa hemm nirrilassa u ma nagħmel xejn aktar.”
Qabel ma nqumu, nsaqsiha x’għandha ppjanat għall-futur u tgħidli b’żewġ ħolmiet li tixtieq li jkollha `l quddiem f’ħajjitha.
“Il-futur tiegħi se jibqa’ fl-għawm. Ma nimmaġinanix ngħix mingħajr dan l-isport għax ħajti tkun waħda mdallma u medjokri.
“Il-ħolma tiegħi hi li xi darba jkolli għawwiema li tkun tħarrġet miegħi li tilħaq xi finali ta’ kompetizzjoni Ewropea. U ħolma oħra li għandi hi dik li ’l quddiem inkun il-kowċ Nazzjonali.
Filwaqt li ħerġien il-barra lejn il-parkeġġ, Gail terġa’ tkellimni fuq tfulitha.
“Hi ħaġa ovvja li mxejt wara l-passi ta’ missieri. Missieri kien plejer tal-waterpolo u rebaħ il-Plejer tas-Sena darbtejn. In-nannu wkoll kien plejer Nazzjonali u ħija kien jilgħab ukoll. Il-familja Rizzo jabbinawha ħafna mal-baħar. Meta kont żgħira dejjem ġrejt f’pixxini u ibħra differenti ma’ missieri. Nirringrazzja ’l Alla li twelidt bit-talent u sibt ċans niżviluppah.
“Li ma kienx missieri ma kontx inġib is-suċċessi li ġibt fil-karriera tiegħi. Missieri influwenzani ħafna tant li llum ngħid li hu bis-saħħa tiegħu li jien ilħaqt il-quċċata. Lill-ġenituri tiegħi nqishom bħala eroj f’ħajti. Għenuni ħafna mentalment u finanzjarjament. Sibt għajnuna kbira wkoll minn diversi coaches, assoċjazzjonijiet u sponsors lokali bħall-Arena.”
Naslu ħdejn il-karozzi u ninfirdu. Sakemm nimxi lejn il-karozza naħseb minn jaf kemm-il darba Gail għaddiet minn din it-triq biex setgħet tipprattika u tpaxxi eluf kbar ta’ sportivi Maltin. U tista’ tkun l-istess triq li twassal l-atleti żgħar tal-mument jagħmlu l-istess bħalha. Min jaf…forsi fihom ikollha wkoll it-timbru tas-suċċess li xi darba f’ħajjitha tkun ħarġithom.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt