15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Ophelia’s Maids
Intervista maż-żewġ atturi tad-dramm

Franica Pulis
fpulis@mediatoday.com.mt

Illum hu l-aħħar jum li fih qed tittella’ Ophelia’s Maids, xogħol oriġinali miktub minn l-Iskoċċiża Lizzie Eldridge. Il-ġeneru tad-dramm hu teatru ta’ l-assurd, ġeneru li filli qed jitkellem dwar kwistjonijiet umani veru intensi u filli jdaħħaq l-udjenza – assurd! Għaż-żewġ atturi kien naturali jaħdmu fuqu minħabba li Lizzie tħobb taħdem fih u Annabelle Galea minn dejjem xtaqet li tesperimenta bih.

Kif ħassejtek taħdem ma’ persuna oħra biss?
A: Hi iktar faċli biex tikkoordina l-ħin aħjar, inqas ma jkollok nies iktar hemm ċans li taqbel u ma jinqalgħux polemiċi. Hemm l-element ta’ iktar attenzjoni individwali u iktar konċentrazzjoni fuq ix-xogħol ukoll. Hi iktar diffiċli għax l-ammont ta’ enerġija jinqasam bejn tnejn u għalhekk hemm ħafna aktar fuq xiex taħdem.
Ir-relazzjoni nnifisha, kemm minn aspett ta’ xogħol kif ukoll minn aspett personali, hi ħafna aktar intensa. Hemm ħafna sfidi bħal li ma taqax fir-ritmu ta’ xulxin u li toħloq kuntrast bejn iż-żewġ karattri. Imma l-akbar sfida fl-aħħar mill-aħħar hi li jirnexxilek toħloq biżżejjed ħajja, ritmu u enerġija bejn tnejn min-nies għal aktar minn siegħa.

Għaliex teatru ta’ l-assurd? Kif ħassejtukom tesperimentaw bih?
L: It-teatru ta’ l-assurd minn dejjem interessani u għandu influwenza kbira fuq il-bqija tax-xogħol teatrali u akkademiku tiegħi. Meta esperimentajt bih għal Ophelia’s Maids irrealizzajt kemm hemm bżonn ta’ preċiżjoni f’kull taqsima fosthom comic timing u li tagħmel sens minn linji li ma jagħmlux sens. Fhimt ukoll li għalkemm drammi assurdi jidhru sempliċi jitolbu xogħol impenjattiv minn naħa ta’ l-attur.
A: Teatru ta’ l-assurd kien dejjem jogħġobni iżda qatt ma kien ġieni ċ-ċans intella’ xi ħaġa. Ħassejtni intrigata naħdem f’dan l-istil kemm għax jippreżenta sfida u jħalli ħafna għall-immaġinazzjoni ta’ l-attur. Żgur li din hi l-akbar sfida teatrali li qatt kelli s’issa.

Għaliex Ophelia’s Maids?
A: Ophelia’s Maids minħabba diversi raġunijiet u l-ebda waħda partikulari. Li jogħġobni fit-titlu hu li jista’ jagħti ħafna ideat f’salt waqt li jħalli id-dramm innifsu pjuttost vag.

Minn fejn ġiet l-idea u kif inkitbet?
L: Ophelia’s Maids inkitbet apposta għalija u għal Annabelle. Konna ħdimna flimkien f’Most of All fl-2005 u ridna nerġgħu naħdmu flimkien. Annabelle kienet kitbet paġna jew tnejn ta’ djalogu u dan sar il-bażi tad-dramm.
Komplejt naħdem fuqha bl-istil ta’ Beckett, Genet u Ionesco. Użajt it-tip ta’ memorji li wżaw f’xi kitbiet tagħhom biex nimla l-karattri, it-temi u l-istil.

Kif tħossok taħdem ma’ barranija? Kemm tinnota affarijiet l-istess/differenti minn atturi oħra li taħdem magħhom is-soltu?
A: Kull persuna hi unika u għandha l-metodi tagħha allura ma tantx tista’ tqabbel. Diġà kont ħdimt ma’ Lizzie allavolja l-proċess kien totalment differenti. Kien hemm ħafna iktar spontanjetà filwaqt li meta ħdimt ma’ nies oħra l-proċess kien forsi iktar riġidu. Jien stess ħassejtni wisq riġida f’ċerti mumenti u forsi ġieli nkwetajt iżżejjed. Imma wieħed irid iqis ukoll li kull proġett hu differenti u kull wieħed jitlob metodu u proċess uniku.
L: Hu diffiċli niddiskrivi lil Annabella barranija għax ma narahiex differenti minn nies oħra li ħdimt magħhom. In-nazzjonalità mhix importanti: il-mod kif l-atturi jirnexxilhom jaħdmu flimkien waqt il-provi jgħodd!

Annabelle, dan hu t-tieni xogħol teatrali tiegħek li jittratta t-tema ta’ mewt/ qtil u f’Mejju ħa tieħu sehem f’oħra li tmiss ma’ din it-tema. Kif tħossok li f’sena se tkun ħadt sehem fi tliet drammi li jmissu mal-mewt?
A: Hi interessanti għax kull xogħol ittratta din it-tema minn aspett u b’enfasi differenti. Ġiet b’kumbinazzjoni. Meta ħdimt f’Weeds mal-grupp teatrali Dù, it-tema tal-mewt kienet funzjonali f’sens ta’ plot u t-trattament kien wieħed makabru. F’Ophelia’s Maids t-tema hi iktar astratta u għalkemm il-preżenza tagħha tinħass f’waqtiet mhix it-tema prinċipali u unika tax-xogħol. Iktar hi ġlied mal-ħajja li fiha innifsiha timplika t-tema tal-mewt. Whodancedit? hi iktar fantastika u l-mewt innifisha tipprovdi spunt għall-azzjoni tal-karattri.
Ix-xogħol qed jittella’ fil-Kamra tal-Mużika tal-Kavallier ta’ San Ġakbu l-Belt fit-8pm għal prezz ta’ Lm3.50. Għal aktar informazzjoni ċempel fuq 21223216.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt