15 ta' April 2007
Mater Dei: sptar ta’ klassi mondjali
Minn Chris Scicluna, PR & Communications Unit, Sptar Mater Dei
Nirreferi għall-artiklu ffirmat mis-Segretarju Edukattiv tal-Partit Laburista Dr Wenzu Mintoff, ippubblikat fil-gazzetta ta’ nhar il-Ħadd 18 ta’ Marzu.
B’dispjaċir ninnota li dan l-artiklu ntiseġ b’mod negattiv wisq. Mhux l-iskop tiegħi li nwieġeb għall-kummenti msejsa fuq perspettiva partiġjana. Madankollu nemmen li l-qarrejja jistħoqqilhom jingħataw verżjoni vera tal-fatti.
Meta nitkellmu fuq migrazzjoni aħna nifhmu l-proċess ta’ trasferiment ta’ servizzi u faċilitajiet mill-Isptar San Luqa għall-Isptar Mater Dei. Dan il-proċess qiegħed isir skond pjan dettaljat.
Xhur ilu beda eżerċizzju mill-aktar dettaljat biex titfassal sekwenza ta’ kif se jsir it-trasferiment ta’ kull dipartiment minn San Luqa għall-Mater Dei. Is-sekwenza ta’ trasferiment tibda minn Lulju hekk kif il-proġett ta’ Sptar Mater Dei jitlesta u jgħaddi f’idejn il-Gvern.
It-trasferiment hu proċess kumpless li mistenni jieħu bejn tlieta u erba’ xhur biex jitlesta. Preparazzjonijiet estensivi ilhom li bdew numru ta’ xhur ilu u dan qed isir minn tim ta’ nies esperti, u oħrajn minn fost l-istaff, li nħatru apposta biex imexxu dan il-proċess fi ħdan struttura li tinkludi s-servizzi kollha offruti fl-isptar.
Is-sigurtà tal-pazjent qed tingħata importanza assoluta u tpoġġiet fil-qofol ta’ dan il-proċess. Il-pjan kollu hu disinjat b’mod li jiżgura li l-pazjenti fl-ebda ħin ma jitpoġġew f’riskju. Diġà beda proċess ta’ testijiet li jassiguraw li s-sistemi ġodda u apparat jiffunzjonaw tajjeb u li jaqblu mal-kriterji mitluba. Dan il-proċess isir f’kull sala, dipartiment u sezzjoni mill-inġiniera, kapijiet tad-dipartimenti u tekniċi tal-kuntratturi biex b’hekk id-dipartimenti li tlestew u sarulhom it-testijiet meħtieġa jkunu jistgħu jgħaddu f’idejn il-kapijiet li se jmexxuhom.
Fl-istess ħin l-istruttura maniġerjali li qed tmexxi l-proċess tħares ukoll lejn il-bżonnijiet ta’ l-istaff u tindirizza dawk il-materji li bilfors jinqalgħu fi proċess tant kumpless bħalma hu t-trasferiment ta’ sptar li jservi bħala l-istituzzjoni medika ewlenija għall-pajjiż kollu.
L-Isptar San Luqa ma jistax jiċċaqlaq kollu f’daqqa. Waqt li kaxxi ta’ files u karti forsi tista’ ċċaqlaqhom min-naħa għall-oħra mingħajr wisq ħsieb, it-trasferiment ta’ l-istituzzjoni medika ewlenija tal-pajjiż jeħtieġ pjanar serju, preparazzjoni u taħriġ speċifiku għall-istaff fuq l-apparat mediku ġdid, orjentazzjoni mal-bini u prattiċi ġodda.
Il-proċess ta’ l-ippjanar għall-migrazzjoni jindirizza wkoll sfidi bħalma hu l-kontroll tal-firxa tal-virus msejjaħ MRSA kemm waqt il-migrazzjoni kif ukoll hekk kif is-servizzi kollha jibdew joperaw minn Mater Dei b’mod normali. Xhur ilu twaqqaf MRSA Control Working Group fi ħdan l-istruttura li qed tmexxi l-proċess ta’ migrazzjoni biex tnaqqas ir-riskji li jinfirex dan il-mikrobu. Twaqqfu wkoll Working Groups oħra dwar aspetti partikolari oħrajn.
Bdiet ukoll l-aħħar fażi ta’ taħriġ għall-istaff fejn fi żmien 15-il ġurnata ’l fuq minn 300 membru ta’ l-istaff ingħataw taħriġ fuq diversi sistemi ġodda f’Mater Dei. Dawn il-persuni issa se jgħaddu t-taħriġ li rċevew lill-kollegi tagħhom fid-dipartimenti speċifiċi.
Il-proċess ta’ trasferiment ta’ faċilitajiet diġà beda wkoll, bl-ewwel pass iseħħ l-Erbgħa 4 ta’ April meta bdew jinqalbu l-extension numbers mill-istruttura antika ta’ San Luqa għall-iskema ġdida ta’ extension numbers li se juża Mater Dei.
Dr Mintoff ikun qed jgħid nofs verità meta jikteb li dan l-isptar ilu ġej 14-il sena. Il-fatti juru li l-Gvern iffirma l-ftehim mal-konsorzju Skanska għad-disinn u l-bini ta’ Sptar Mater Dei fi Frar tas-sena 2000, jiġifieri seba’ snin ilu. Dan hu perjodu aktar minn aċċettabli għall-bini ta’ sptar ta’ din l-entità. Ix-xogħol li sar qabel kien marbut ma’ Sptar San Raffaele li kellu jkun sptar żgħir speċjalizzat ta’ 480 sodda li jikkumplimenta, u mhux jieħu post, l-Isptar San Luqa.
Id-dimensjoni ta’ l-isptar il-ġdid inbidlet minn wieħed speċjalizzat għal wieħed ġenerali akut wara bidla fl-amministrazzjoni fl-1996. L-implikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni ma kinitx sempliċiment l-irduppjar tas-sodod iżda wkoll żieda qawwija fis-servizzi meħtieġa, fl-ispazju u fin-nefqa.
Fl-1998, wara bidla oħra fil-Gvern, saret evalwazzjoni oħra tal-proġett li wasslet għal numru ta’ tibdiliet. Iżda nħass li l-għaqal kien jitlob li l-isptar il-ġdid kellu jibqa’ wieħed ġenerali akut.
Nistieden lil Dr Mintoff biex qabel ma jikteb l-artikli tiegħu jivverifika l-fatti sew biex jevita li jwassal informazzjoni ħażina lill-qarrejja tiegħu. Mhux minnu li l-ispiża ta’ dan il-proġett inżammet mistura. Iċ-ċifra ta’ Lm250 miljun ingħatat lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fi ħdan il-Parlament Malti madwar 16-il xahar ilu. Dan il-Kumitat hu mmexxi mid-Deputat Mexxej ta’ l-Oppożizzjoni u jinkludi membri miż-żewġ naħat tal-Kamra.
L-istima msemmija kienet tinkludi n-nefqa fuq dak li kellu jkun San Raffaele, l-esproprazzjoni u x-xiri ta’ l-art, l-apparat mediku, is-sistemi ta’ l-IT, l-għamara, management fees, pjanti u disinji, u l-VAT fost l-oħrajn.
Minn din is-somma, iċ-ċifra lump sum maqbula ma’ Skanska f’Novembru 2004 għall-bini u d-disinn biss hija ta’ Lm139 miljun, spiża li ma tinkludix Lm6.5 miljun f’xogħlijiet li skond il-kuntratt tas-sena 2000 kellhom jitlestew sas-sena 2010, il-VAT, in-nefqa fuq l-apparat mediku, IT u l-għamara fost oħrajn. Joħroġ biċ-ċar li, biex wieħed ikun ġust, ma jistax iqabbel in-nefqa fuq il-bini man-nefqa ta’ Lm250 miljun, li hi s-somma totali.
Filwaqt li wieħed jirrikonoxxi li hemm bżonn bidliet ta’ prattiċi, mhux minnu li l-bini ta’ Sptar Mater Dei waħdu ma jagħmilx differenza. Sa mill-konċepiment tiegħu, Mater Dei ġie disinjat u maħsub biex juża sistemi teknoloġikament avvanzati u apparat state of the art li waħedhom diġà jgħinu biex tiżdied l-effiċjenza fix-xogħol ta’ l-istaff. Żieda fl-effiċjenza tfisser li l-istaff iqatta’ inqas ħin f’xogħol anċillari u amministrattiv, biex jiddedika iktar ħin lill-pazjenti. Dan ifisser titjib kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-pazjenti.
Sistema partikolari tippermetti li per eżempju, testijiet tad-demm, mediċini u dokumenti sa piż ta’ ħames kilogrammi, jintbagħtu sa kważi nofs kilometru bogħod permezz ta’ sistema ta’ pajpijiet li jgħaqqdu flimkien diversi partijiet ta’ Sptar Mater Dei.
Din mhix l-unika sistema li se twassal għal żieda fl-effiċjenza. In-Nurse Call System tippermetti li l-pazjenti u l-istaff jitkellmu bejniethom permezz ta’ handset li jixbah sistema ta’ intercom. B’hekk il-pazjent jinqeda aħjar u aktar malajr u l-istaff jiffranka traġitt kull darba li jissejjaħ minn pazjent.
Sptar Mater Dei mhux se jospita każi soċjali u ta’ rijabilitazzjoni fit-tul għaliex dawn se jkunu konċentrati fi sptarijiet oħra. Il-Gvern diġà ħabbar pjani biex jinbena sptar ġdid ta’ rijabilitazzjoni b’280 sodda f’Ħal Luqa.
Sakemm dan l-isptar jinbena Sptar San Luqa se jservi ta’ faċilità temporanja ta’ rijabilitazzjoni filwaqt li se jsiru xogħlijiet fi Sptar Zammit Clapp biex jilqa’ fih 60 sodda għall-każijiet ta’ l-onkoloġija li bħalissa jingħataw il-kura fi Sptar Boffa.
Ħafna mill-problemi ta’ overcrowding u waiting lists fi Sptar San Luqa jitwieldu minn każijiet soċjali u ta’ rijabilitazzjoni fit-tul li jokkupaw sodod għal żmien twil. Bis-sistema l-gdida Mater Dei se jkollu turnover ikbar ta’ pazjenti kull sena peress li mhux se jittratta każijiet bħal dawn. Din ir-riforma fl-isptarijiet mhix xi sigriet. Ilha fil-pubbliku għal żmien twil.
Niskanta kif Dr Mintoff ma aġġornax ruħu qabel ma ppublika l-artiklu tiegħu.
Dr Mintoff jidher li lanqas ma huwa nfurmat tajjeb dwar l-iskop u s-servizzi li se jingħataw minn Mater Dei. Hi kompletament bla bażi l-allegazzjoni tiegħu li n-nuqqas ta’ pool f’Mater Dei se jwassal għal żieda “fl-overheads, l-iskariġġ u l-isparpaljar”. Il-pool hu parti mit-terapija ta’ rijabilitazzjoni u allura postu hu fl-isptar li se jospita lill-pazjenti fil-fażi ta’ rijabilitazzjoni.
Sptar Mater Dei hu sptar ta’ klassi mondjali li se jfisser qabża fil-kwalità tas-servizzi tas-saħħa offruti f’pajjiżna. Mater Dei se joffri l-livelli u l-istandards li wieħed jistenna f’pajjiż modern tas-Seklu 21.
Hi ħasra li Dr Mintoff jinqeda b’kundizzjoni medika partikolari tal-għajnejn biex jipprova jnaqqas il-valur tat-titjib fil-kwalità tas-servizz li se jġib miegħu Sptar Mater Dei, inkluż l-aċċess għall-internet mis-sodda tal-pazjent stess. Hi ħasra għaliex Mater Dei hu proġett nazzjonali li bħala tali aktar jixraqlu jkun trattat minn aspett edukattiv u informattiv milli mill-perspettiva dejqa tal-frivolitajiet tal-politika partiġjana.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt