15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
Il-protezzjoni ta’ l-investitur u l-azzjonist

Minn Joseph Bonett, Għajnsielem

F’ċerti pajjiżi fundamentalisti fin-negozju l-irġiel jitkellmu ma’ l-irġiel u n-nisa man-nisa. Dan l-estrem ma naħsibx li hu tajjeb imma lanqas huma tajba t-tattiċi wżati minn xi kumpaniji li jqabbdu nisa biex jikkanvasjaw klijenti irġiel biex jinvestu u jqabbdu rġiel biex jikkonvinċu nisa tad-dar u ħaddiema feminili biex ‘jixtru’ jew iqiegħdu flus fit-tul li għalihom id-dividend mhux dejjem ikun kif proġettat.
Wieħed ma jiġihx suspett fundat li l-bejgħ iżjed jingħalaq malajr bil-kliem ħelu li jinbidel milli fuq bażi ta’ saħħa u adattibiltà ta’ dak l-investiment partikulari għall-ħtiġijiet partikulari ta’ dak il-klijent jew klijenta?
Dan apparti l-fatt li bejgħ bħal dan jista’ jkun qed jikser il-liġi li għal spejjeż kbar jew investiment kapitali jenħtieg il-kunsens tal-konjugi. Il-koppji għandhom biżżejjed ma xiex iħabbtu wiċċhom bla ma jsibu ntoppi oħra bħal dawn.
Fir-Renju Unit fejn hemm Ombudsman Finanzjarju u istituzzjoni governattiva li tissorvelja l-andament finanzjarju, mhux l-ewwel darba li ditti twaħħlu multi talli nstabu ħatja li wettqu mis-selling, jew użaw prattiċi mhux ġusti mal-klijenti. Jiddispjaċik tinnota li bosta Maltin marru ferm minn taħt mhux żmien twil ilu meta tilfu flejjes kbar investiti barra u jistgħu jitilfu ħafna mgħax meta jitħajru jinvestu somom f’dak li fl-ewwel sena jagħtik l-imgħax u fis-snin ta’ wara ma jkollok l-ebda garanzija li jkollok ritorn fuq il-kapital.
L-istess nista’ ngħid dwar dawk li jitħajru jinvestu f’ċerti ġurisdizzjonijiet, speċjalment li ma jaqgħux taħt ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea, għalkemm ġeografikament jagħmlu ma’ l-Ewropa, fejn m’hemmx protezzjoni għall-investitur u jekk l-investiment ifalli jibqgħu mhux kumpensati.
Ktibt mhux biex nagħti parir kif wieħed għandu jinvesti imma għax nemmen li l-investituri u l-azzjonisti għandhom jgħinu lil xulxin biex iħarsu l-interessi tagħhom għax fl-Ewropa qed jikber l-għarfien li l-investitur u l-azzjonist għandu jitqies bħala konsumatur ta’ servizzi finanzjarji u għalhekk igawdi mill-protezzjoni u d-difiża ta’ għaqdiet volontarji mwaqqfa b’dan l-iskop.
L-indirizz tal-Malta & Gozo Shareholders Association (MAGOSA) jew l-Għaqda Azzjonisti Maltin u Għawdxin (GAMX) hu MAGOSA c/o J. Bonett ‘Saint Joseph Therese’, Triq Simirat, Għajnsielem.
Inħeġġeġ lil min hu interessat biex jissieħeb fl-għaqda biex jitkattar iktar l-għarfien u l-qsim ta’ informazzjoni bejn investituri u azzjonisti.
L-abbonament hu ta’ Lm3 fis-sena u l-ħlas jista’ jsir b’ċekk jew money order.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt