15 ta' April 2007 • Nr 24

Arkivji




 

 

 

15 ta' April 2007
“Jien katalist mhux protagonist”

Kurt Sansone jintervista lil Lino Spiteri

Hemm diversi ċirkostanzi importanti u oħrajn inqas importanti fil-ktieb ta’ Lino Spiteri, Jien u Għaddej fil-Politika, li jagħtu x’jifhmu li l-awtur kien protagonist minn wara l-kwinti f’diversi sitwazzjonijiet li nqalgħu matul il-mixja tiegħu fil-politika u ftit ’l hinn minnha.
Iżda meta nuża l-kelma ‘protagonist’ ma’ Lino Spiteri jinġibed ftit. “Ma nqisx ruħi protagonist, iktar bħala katalist,” jgħidli. F’leħnu nilmaħ leħħa ta’ mistħija li mill-ewwel tinbidel f’ton assertiv.
Fil-ktieb Spiteri iqis lilu nnifsu bħala persuna li kellha sehem importanti biex għaddiet l-emenda kostituzzjonali fl-1987 li ppermettiet lill-partit li jġib il-maġġoranza assoluta tal-voti jkollu maġġoranza assoluta ta’ siġġijiet fil-Parlament biex issewwiet l-anomalija li seħħet fl-elezzjoni ta’ l-1981.
Iżda mhux hekk biss. Spiteri għandu wkoll il-marki ta’ subgħajh fuq il-birra ta’ Farsons. Skond li kiteb, meta kien Ministru tal-Kummerċ fis-snin 80 ta l-permess, kontra l-parir li ngħatalu minn diriġent fiċ-ċivil, biex Farsons ikun jista’ jdaħħal makkinarju iktar modern f’Malta biex jaħdem il-birra u jtejbilha l-kwalità.
Kien il-bniedem li ssuġerixxa l-isem Easysell lil Tumas Fenech meta bena l-ewwel showroom tiegħu. U biex iżomm ‘it-tradizzjoni’ ta’ wieħed li jagħti l-ismijiet, kien ukoll ħareġ bl-ismijiet ta’ Mid-Med Bank, minflok l-ewwel suġġeriment ta’ Dom Mintoff li jkun Mid-Mediterranean Bank, u MV Pinto, vapur tas-Sea Malta li skond Lino kien “varat fuq l-għatba ta’ forn” fi Triq Pinto f’Ħal Qormi.
Madankollu ma jħossx li hu protagonist anki jekk min jaqra l-ktieb jieħu impressjoni bil-kontra.
Lino jammetti li d-diżabbiltà fiżika kienet fattur importanti fl-għaġna tal-karattru assertiv u ‘ġellied’ tiegħu li anki għenu jkun indipendenti fiżikament u fil-ħsieb.
“Kelli nirreżisti kemm-il darba għall-inkejja u t-tinbix tan-nies u allura sawwart karattru daqxejn supperv anki biex inpatti għall-mistħija. Iżda anki fuq livell fiżiku qatt ma bżajt nieqaf lil min ipprova jweġġagħni,” iweġibni meta naqbadlu fuq is-suġġett.
Ikompli jgħid: “Inħobb nuża lili nnifsi bħala eżempju biex ninkoraġġixxi lil ġenituri ta’ tfal b’diżabbiltà ħalli jemmnu f’uliedhom bħalma emmnu fija l-ġenituri tiegħi li rabbewni indipendenti minkejja kollox.”
Lura għall-politika.
L-isem ta’ Lino Spiteri fil-ġrajja li wasslet għat-tibdil tal-Kostituzzjoni fl-1987 qatt ma kien issemma’ sal-lum. Il-protagonisti f’dik il-ġrajja dejjem kienu Dom Mintoff u Guido de Marco li mexxew id-diskussjonijiet fil-magħluq.
Nistaqsi lil Lino għalfejn, jekk kellu rwol tant importanti f’dak il-mument kruċjali għall-pajjiż, ismu baqa’ mistur.
“Għax Lino mhux tant importanti. Ma kontx protagonist iżda katalist fil-konfini tal-Kabinett. Meta Edgar Mizzi kiteb li t-tibdil kostituzzjonali kien frott il-ħidma bejn Mintoff u de Marco, kiteb dak li kien jaf hu. Iżda x’ġara fil-kabinett nafu aħna li konna hemm u Edgar ma kienx fil-Kabinett f’dik il-ħabta. Fil-Kabinett ma kienx hemm xewqa li jsir tibdil fil-kostituzzjoni biex tinbidel il-liġi elettorali u bid-dikjarazzjoni tiegħi nemmen li kont katalist biex jiċċaqalqu l-affarijiet,” isostni Lino.
Fil-ktieb jgħid li kien widdeb li jekk l-MLP kellu jirbaħ l-elezzjoni li kellha ssir fi żmien qasir u l-Prim Ministru jogħġbu jaħtru ministru, hu ma kienx jaċċetta u kien lest joħroġ jgħid dan fil-pubbliku.
“Kien il-parir li tagħni Michael Zammit Cutajar li fetaħli għajnejja dwar x’jista’ jsir biex il-kwistjoni elettorali ma tibqax tkarkar. Kien wieħed minn dawk il-mumenti fejn tħoss li hemm triq oħra quddiemek. Kont nipprova nċaqlaq il-kwistjoni fil-Kabinett. Għalkemm nemmen li kien hemm oħrajn li jaħsbuha bħali dawn baqgħu siekta,” ikompli Lino.
Fil-ktieb Lino jammetti li rriżenja mill-Kabinett fl-1997 għax kellu piż fuq il-kuxjenza tiegħu minħabba t-tneħħija tal-VAT. Meta tqis li l-kwistjonijiet fl-1987 u qabel kienu ferm iktar serji, ma ħassx li dakinhar kellu verament għalfejn jirriżenja?
“Meta dħalt lura fil-politika fl-1981 ikkontestajt l-elezzjoni skond il-liġijiet elettorali ta’ dak iż-żmien. Iżda s-sitwazzjoni kienet ilha tindika li setgħet tinqala’ anomalija. Fl-1971 bi żbrixx ma ġarax lill-MLP dak li ġara lill-PN fl-1981. Il-ġarra ġejja u sejra fl-aħħar tinkiser u hekk ġara fl-1981.
“Ma ħassejtx li kelli nirriżenja minħabba l-kwistjoni tal-Kostituzzjoni iżda kont ħadt il-parir ta’ Michael Zammit Cutajar u għamilt xi ħaġa dwar is-sitwazzjoni billi qajjimtha fil-Kabinett,” isostni Lino.
Pawsa qasira. “Filwaqt li nġorr parti mir-responsabbiltà kollettiva tal-Kabinett ħriġt għonqi biex is-sitwazzjoni titranġa. Sfortunatament kellha tkun il-mewt ta’ Raymond Caruana li fl-aħħar qanqlet lill-oħrajn fil-Kabinett biex idawru fehimthom, fosthom Ġużè Cassar.”
Nistaqsih jekk il-vjolenza u l-korruzzjoni li kkaratterizzaw it-Tmeninijiet kinux raġunijiet oħra valida għalfejn kellu jirriżenja. Jistqar li kien imdejjaq bih innifsu minħabba ċerti ġrajjiet li seħħew.
“Kien hemm ħafna allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u nuża l-kelma ‘allegazzjonijiet’ għax anki fil-konfront tiegħi kienu saru allegazzjonijiet li wara rriżulta li ma kinux minnhom. Madankollu nemmen li kien hemm xi nies li setgħu waqgħu għat-tentazzjoni. Tant hu hekk li meta leħaq Karmenu Mifsud Bonnici prim ministru kont tajtu żewġ pariri. L-ewwel parir kien biex jieħu l-passi ħalli titranġa l-Kostituzzjoni u t-tieni wieħed kien biex ineħħi żewġ ministri u lili magħhom.”
Nistaqsih għall-ismijiet taż-żewġ ministri iżda ma jgħidlix. “Għalfejn għandi noqgħod insemmihom qisni qed nakkużahom?”, jgħidli filwaqt li jispjega li daħħal lilu nnifsu fil-kredu biex Mifsud Bonnici ma jidhirx qisu qed jaqbad ma’ żewġ persuni partikolari.
“Forsi llum meta tħares lura tgħid imissni rriżenjajt imma bqajt hemm biex nagħmel il-ġlieda interna biex tinbidel il-Kostituzzjoni għax li kieku ma ġarax hekk u fl-1987 reġa’ rrepeta r-riżultat ta’ l-1981 Alla biss jaf x’seta’ jinqala’ fil-pajjiż,” isostni.
Lino jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu f’dak il-Kabinett billi jtenni li hu ma żammx ħalqu magħluq. Jerġa’ jsemmili l-passaġġ fil-ktieb fejn hu kien qal lill-Kabinett li ma jaqbilx mal-parir tal-Pulizija li ma jinħariġx il-permess biex il-PN jagħmel meeting fiż-Żejtun.
“Dawn it-tip ta’ dikjarazzjonijiet kienu jqallgħuli ħars ikrah ħafna u xi minn daqqiet anki kliem iebes minn xi wħud mill-kollegi fil-Kabinett.”
Fil-ktieb Lino jitkellem ukoll dwar l-esperjenza morra fit-tellieqa tiegħu ma’ Alfred Sant għat-tmexxija tal-Partit fl-1992 u jsemmi b’dispjaċir is-sehem tal-Bord tal-Viġilanza u d-Dixxiplina.
Ma jsemmi xejn iżda dwar it-tkeċċija mill-MLP ta’ Wenzu Mintoff u Toni Abela ftit wara l-elezzjoni ta’ l-1987, ġrajja li fiha kien ukoll imdaħħal il-Bord tal-Viġilanza li ironikament kien struttura li twaqqfet fuq suġġeriment ta’ Wenzu u Toni.
“Hu veru li fil-ktieb ma semmejt xejn dwar dik il-ġrajja iżda kont jien li fl-eżekuttiv iddefendejthom meta kien hemm min ried iħebb għalihom fiżikament wara li resqu bil-proposta li jitwaqqaf dan il-bord ġdid biex il-partit jissaffa mill-ħmieġ. Meta mbagħad Wenzu u Toni ttellgħu quddiem il-konferenza ġenerali biex jitkeċċew ma kinux se jitħallew jitkellmu u kont jien li nsistejt biex il-konferenza tagħtihom iċ-ċans li jitkellmu,” isostni Lino.
Jien u naqra l-ktieb rajt ħafna parallelliżmu bejn Lino u Alfred Sant: it-tnejn huma suppervi u jinġibdu lura mill-folla, huma ekonomisti li studjaw barra u anki servew f’karigi mhux politiċi, it-tnejn huma kittieba u t-tnejn riedu jilħqu mexxejja ta’ l-MLP.
Nistaqsih x’differenza tgħaddi bejnu u Alfred Sant.
Wara pawsa qasira jwieġeb għal darba oħra bi kliem meqjus. “Alfred għandu iktar grinta minni fl-ambizzjoni tiegħu li jilħaq l-oġġettivi leġittimi tiegħu. Jien miniex it-tip ta’ persuna li nara kollox ħażin f’dak li jagħmel l-avversarju politiku tiegħi u f’għajnejn in-nies tnaqqassli s-saħħa u l-grinta.”
Lino jammetti fil-ktieb li l-ikbar żball politiku li għamel kien dak li kkontesta l-elezzjoni ta’ l-1996 minkejja li ma qabilx mal-pożizzjoni tal-partit favur it-tneħħija tal-VAT.
Minn meta ddaħħlet il-VAT fl-1995 u d-dikjarazzjoni ta’ Sant li kkommettiet il-partit, dakinhar fl-Oppożizzjoni kien hemm żmien biżżejjed biex Lino Spiteri jgħarbel is-sitwazzjoni anki b’mod tekniku u jiddeċiedi li ma jikkontestax għax ma kienx hemm alternattiva għall-VAT.
“Ħassejt li kieku tlaqt mill-partit qabel l-elezzjoni kienet issir iktar ħsara lill-MLP. Tista’ tgħidli li l-ħsara xorta waħda saret wara, tant li l-Gvern dam biss 22 xahar. Jista’ jkun ukoll. Iżda sal-lum għadni ma nistax nifhem kif il-maġġoranza li kellu l-MLP fl-1996 svintat fix-xejn u saħansitra l-PN kabbar dik il-maġġoranza fl-1998. Alfred Sant kellu raġun jgħid li ma setax jiggverna b’Mintoff jorbotlu jdejh wara dahru. Iżda nħoss li t-timing ta’ l-elezzjoni bikrija kien ħażin. Alfred kien konvint li seta jirbaħ dik l-elezzjoni għax ħass li bir-rabja li kien hemm kontra Mintoff fost il-Laburisti l-mument kien opportun biex tisfruttah. Nemmen li dak kien l-iktar kalkolu politiku żbaljat ta’ Alfred Sant.”
Nistaqsi lil Lino dwar dak li għamel Dom Mintoff f’dawk it-22 xahar imqallba u x’jaħseb li kienu l-intenzjonijiet tal-Perit.
“Nemmen li Mintoff ma ridx iwaqqa’ Gvern. Ried iġib sitwazzjoni fejn Alfred Sant iwarrab biex minfloku jmexxi xi ħaddieħor li kien ikollu maġġoranza Laburista garantita fil-Parlament. Iżda Mintoff ma sab lil ħadd jilgħablu l-logħba.”
Dak iż-żmien kienu ħafna li spekulaw dwar dan dan l-oġġettiv ta’ Mintoff u l-possibbiltà li Lino Spiteri jieħu post Sant fit-tmexxija tal-partit. Lino jgħid bla tlaqliq li probabbilment l-oġġettiv ta’ Mintoff kien li jħajjar lilu biex jieħu post Sant.
“Fil-ktieb għedt li Mintoff kien bagħat għalija biex niltaqa’ miegħu. Ma kontx aċċettajt u ma nafx x’ried jgħidli iżda nista’ nobsor x’kien it-tir tiegħu. Dakinhar kont anki rrappurtajt lil Alfred Sant li l-Perit ried jiltaqa’ miegħi u għalhekk ħadtha bi kbira meta dakinhar stess li jien tkellimt ma’ Alfred Sant u anki tajtu xi pariri tekniċi, filgħaxija fil-Parlament semma lil wieħed mill-ħbieb tiegħi, Tony Nicholl, bla bżonn,” isostni Lino b’ċertu mrar li jinħass fi kliemu.
Eddie Fenech Adami, l-avversarju ewlieni politiku ta’ Lino għal numru ta’ snin, jissemma biss tliet darbiet fil-ktieb. “Semmejtu biss f’dawk it-tliet okkażjonijiet fejn il-passaġġi tagħna fil-politika qasmu lil xulxin.”
Mit-tweġiba diretta nifhem li fil-ktieb Lino rrakkonta biss dawk l-affarijiet u s-sitwazzjonijiet fil-politika li laqtuh direttament. Meta nistaqsih dwar kif għażel lil min isemmi jgħidli ċar u tond: “Il-ktieb ktibtu kif ridt jien u mhux kif riedni ħaddieħor. In-nies li semmejt b’isimhom semmejthom fil-kuntest politiku u kif daħlu fil-passaġġ dejjaq tiegħi fil-politika.”
Iżda qabel ma nitilqu lil xulxin jirrakkonta ġrajja żgħira dwar Fenech Adami li mhix fil-ktieb.
“Niftakar kont qiegħed f’laqgħa mal-Perit Mintoff f’Kastilja fil-kapaċita tiegħi bħala uffiċjal tal-Bank Ċentrali. Daħal xi ħadd u tgħarraf lil Mintoff min kien rebaħ it-tellieqa għat-tmexxija tal-PN. Niftakar lil Mintoff jirrimarka li n-Nazzjonalisti kienu għamlu żball li ħatru lil Fenech Adami. ‘Dak m’għandux kostitwenza, dak f’Birkirkara biss magħruf’, kien sostna Mintoff. Naħseb li dak kien l-ikbar kalkolu politiku żbaljat li qatt għamel Mintoff.”

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt