Hu fatt magħruf li s-sena 2006 ma kinitx waħda mill-aħjar fir-rigward ta’ l-attivitajiet kummerċjali f’San Pawl il-Baħar, speċjalment għal min għandu negozju f’Buġibba u l-Qawra.
Il-maġġoranza tas-sidien tan-negozji lmentaw minn tnaqqis qawwi fil-kummerċ u kien hemm numru ta’ lukandi li għalqu l-bibien jew biddlu n-natura ta’ l-attività tagħhom.
Dan ġie rifless ukoll f’kummenti minn assoċjazzjonijiet u għaqdiet li jirrappreżentaw lis-sidien ta’ dawn in-negozji. Tajjeb li nżommu f’moħħna li din il-parti ta’ Malta tospita fiha madwar 40 fil-mija tat-turisti li jżuru pajjiżna.
Nemmen li jkun kollu inutli li tgerger u ma tiħux azzjoni għalhekk bħala persuna li għal dawn l-aħħar 30 sena għamilt l-eperjenza tiegħi fis-settur turistiku u fuq kollox bħala Sindku tal-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar ħassejt id-dmir li nagħti l-kontribut tiegħi kif nista’ biex tibda tingħeleb din il-problema.
F’lokalità bħal tagħna kultant hu diffiċli li ssib bilanċ bejn l-interessi tas-settur kummerċjali u dawk tar-residenti. Imma għall-grazzja t’Alla b’daqsxejn sens komun issib soluzzjonijiet li minnhom igawdi kulħadd.
L-għan ewlieni li n-negozju fiż-żona jingħata l-għajnuna bil-mezzi kollha possibbli hu biex jitħarsu l-impjiegi ta’ eluf ta’ ħaddiema. Kien dan il-ħsieb li wassal biex fil-Każin tal-Banda San Pawl saret laqgħa għas-sidien ta’ l-istabbilimenti biex ningħaqdu ħa nerġgħu nagħtu nifs ġdid lil San Pawl il-Baħar u l-inħawi tiegħu.
Għalkemm il-kumitat kien iffurmat f’Marzu tas-sena l-oħra ma tantx seta’ jwettaq wisq minħabba li l-istaġun turistiku kien fil-viċin. Din is-sena l-affarijiet ġew ppjanati aktar minn quddiem. Il-Kunsill Lokali, flimkien ma’ din l-Assoċjazzjoni, bdew mill-ewwel jaħdmu biex jitfassal pjan ta’ ħidma għall-benefiċċju tas-settur kummerċjali, mingħajr ma jintesew il-bżonnijiet tar-residenti, li fuq kollox huma n-nies li jgħixu fil-lokalità s-sena kollha.
Problema li tikkawża uġigħ ta’ ras, f’postijiet bħal Buġibba u l-Qawra, fejn għandek taħlita ta’ stabbilimenti kummerċjali u residenzi, ċertament hi dik tal-mużika. Minn naħa għandek is-sid ta’ l-istabbiliment li jrid jattira l-klijenti u fl-istess waqt jgħix maġenbu jew fuqu hemm ir-resident li ġie għajjien mix-xogħol u jrid jorqod biex l-għada jerġa’ lura għall-ħidma. Il-bilanċ mhux faċli ssibu f’ċirkostanzi simili.
Li hu żgur li hemm esaġerazzjonijiet li jridu jiġu kkontrollati. Imma minn naħa l-oħra naħseb li jekk kulħadd josserva l-Liġi u jinżammu l-ħinijiet, ir-residenti jkunu sodisfatti wkoll.
F’dan ir-rigward, is-sena li għaddiet inħareġ Avviż Legali li jgħid li l-istabilimenti kollha li mhumiex f’żoni ċentrali turistiċi ma jistgħux idoqqu mużika wara l-11pm. Dan l-Avviż jistipula wkoll li l-Awtoritajiet jieħdu passi, inkluż l-irtirar tal-permess, lil min jabbuża. Din ma tgħoddx għal dawk l-istabbilimenti li għandhom is-soundproofing, jiġifieri li l-mużika u storbju ieħor ma jkunx jinstema minn barra. Bħalissa l-Assoċjazzjoni għaddejja b’ħidma u taħditiet biex issir distinzjoni bejn lokalitajiet turistiċi u rħula ċentrali. Dawn it-taħditiet għadhom għaddejjin.
Il-ħolqien ta’ din l-Assoċjazzjoni xpruna l-ħtieġa li jkun iffurmat kumitat ta’ azzjoni li jiġbor fih il-partijiet kollha nvoluti. F’dan il-kumitat hemm rappreżentanti ta’ l-Assocjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti, il-GRTU u l-Awtorità Maltija tat-Turizmu. F’dan il-Kumitat qed jipparteċipa wkoll il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, permezz tas-Sindku u l-Viċi Sindku.
Fost l-attivitajiet li ttellgħu kien hemm l-attività tal-Karnival 2007, kif ukoll il-parata li saret l-għada ta’ l-Għid. Dawn kienu ta’ suċċess għax in-nies resqu lejn il-lokalità.
Għall-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar, ir-residenti se jibqgħu jingħataw prijorità bil-prinċipju li l-interessi tagħhom jiġu l-ewwel. Dan ma jfissirx li se nagħtu l-ġenb lis-settur tat-turiżmu li minnu jiddependi l-għixien ta’ eluf ta’ Maltin, inkluż mijiet ta’ residenti fil-lokalità tagħna. Jekk kulħadd jikkopera, flimkien nibnu futur sabiħ.
Irridu nifhmu lkoll li dawn l-isforzi jisfumaw jekk mhux se nitgħallmu nieħdu ħsieb barra, kif nieħdu ħsieb id-djar tagħna.
Il-proġetti li jitwettqu qed jiġu ffinanzjati mit-taxxi li nħallsu aħna lkoll, għalhekk ma jagħmilx sens il-vandaliżmu. Il-ħmieġ u t-tkissir qed jagħtu stampa negattiva tagħna ma’ dawk li jiġu jżuruna. Fuq kollox jekk ma tħammiġx barra tkun int l-ewwel li tibbenefika għax tgħix f’ambjent aħjar.
Minkejja li qed isiru sforzi kbar biex il-poplu jiġi edukat, naħseb li għadna mhux konxji biżżejjed ta’ l-ambjent li hawn madwarna, li fih innifsu diġà hu ta’ attrazzjoni.
Dak li nitilfu mhux se nerġgħu nakkwistawh.
Paul Bugeja hu Sindku ta’ San Pawl il-Baħar
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt