Il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali effettivament hu żarmat. Mingħajr ħatra ta’ chairperson u nuqqas ta’ qbil bejn l-imsieħba soċjali dwar il-kompożizzjoni tiegħu u r-rwol li jrid jaqdi nistgħu ngħidu li dan il-Kunsill jinsab f’limbu. L-isfortuna hi li ma nafux kemm se ddum magħna din l-anomalija u allura kemm se ndumu fis-sitwazzjoni li ftit ftit inżarmaw dak kollu li nbena matul iż-żmien, tajjeb jew ħażin, fejn għandu x’jaqsam id-djalogu soċjali f’pajjiżna.
L-imsieħba soċjali għad m’għandhomx viżjoni u direzzjoni komuni dwar dan il-Kunsill. Il-Gvern min-naħa tiegħu baqa’ b’ħalqu magħluq u minflok tefa’ l-ħatab fin-nar u għen biex toħroġ fil-beraħ id-diverġenza assoluta li teżisti bejn il-membri li sal-lum jiffurmaw l-istess Kunsill. Jista’ jkun ukoll li b’dan l-atteġġjament il-Gvern tefa’ l-ġebla fuq saqajh u minflok naqqas problema mal-ħafna li għandu kompla jżid l-inkwiet għal wiċċu.
Fost dawk li qalu tagħhom kien hemm il-GWU. Riedet tidher friska u protagonista fid-diskussjoni dwar ir-riforma tal-Kunsill. Iżda minkejja l-isforzi li għamlet dan baqa’ ma seħħx. Mhux biss, imma l-proposti tagħha huma nieqsa mill-oriġinalità għaliex kulma għamlet hu li kkupjat l-istruttura, il-mudell u l-modus operandi tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u poġġietu f’introduzzjoni ta’ żewġ paġni u fi proposti ta’ tliet paġni.
Naturalment, għamlet punti validi fejn jidħlu ħsibijiet ġenerali u prinċipji imma meta ġiet għad-dettal u l-konkretezza baqgħet fl-arja. Sa ċertu punt dan ammettietu l-GWU stess għaliex wara li ppubblikat il-fehma tagħha u ħadet ir-reazzjonijiet tal-imsieħba soċjali l-oħra u opinjonisti oħra ħarġet tgħid li l-opinjoni tagħha kienet immirata biex tqajjem id-diskussjoni u ma kinitx se tintrabat b’mod assolut mal-fehma kollha tagħha. Filwaqt li fid-deher wieħed jista’ jieħu l-impressjoni li l-GWU kienet qed tieħu pożizzjoni moderata iżda fl-istess waqt hi ammissjoni ċara li l-homework ma kienx sar sew għax min ikun konvint minn dak li jipproponi jkun lest li jikkonvinċi lil ħaddieħor bil-pożizzjoni li jkun ħa. Jikkonvinċi bi kredibbiltà u billi jissostanza l-argumentazzjoni tiegħu.
Il-GWU qed tgħid li biex il-Kunsill jibda jaħdem b’mod effettiv irid jagħmel tliet bidliet: iżid ir-rappreżentanza numerika ta’ l-imsieħba soċjali; ma jħallix lil Gvern jieħu sehem u minfloku jidħlu għaqdiet volontarji; il-kunsill ikun konsultattiv u jfittex il-kunsens iżda l-ebda imsieħeb soċjali ma jintrabat mad-deċiżjonijiet ta’ l-istess Kunsill.
Fl-opinjoni tiegħi, dawn huma suġġerimenti li mhux se jtejbu l-livell u l-qagħda tad-djalogu soċjali li jeżisti llum anzi se mmorru minn ġot-taġen għal ġon-nar.
Ma nifhimx kif b’Kunsill b’21 rappreżentant se jiffaċilita li jintlaħaq kunsens. Qisna se nwaqqfu mini-parlament. Tant hi konxja li diffiċli jintlaħaq kunsens li l-istess GWU pproponiet li x-xogħol biex jitfasslu l-opinjonijiet isir minn Kumitati b’numru inqas ta’ rappreżentanti. ‘Negozjar f’kumitati żgħar li jippreparaw l-opinjonijiet jista’ jgħin ħafna biex iwassal lill-partijiet lejn xulxin,’ ammettiet il-GWU.
Li l-Kunsill jagħti spazju formali lis-soċjetà ċivili hu meħtieġ. Imma qabel xejn irridu niddefinixxu min huma l-għaqdiet li jiffurmaw is-soċjetà ċivili. Il-GWU semmiet l-oqsma li fihom jaħdmu għaqdiet volontarji imma ma semmietx lill-organizzazzjonijiet speċifiċi kif għamlet fil-gruppi l-oħra ta’ l-imsieħba soċjali.
Fost oħrajn ħalliet barra lil dawk li jaħdmu fil-qasam reliġjuż, sportiv, artistiku, mużikali u l-Kunsilli lokali. Bħalma ħalliet barra lill-Gvern. Fil-każ ta’ pajjiżna fejn il-Gvern għandu rwol daqstant importanti fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku hi ereżija li tħallih barra mill-forum nazzjonali tad-djaloġu soċjali. Il-Kunsill m’għandu qatt jieħu x-xeħta ta’ Gvern fuq naħa u l-kumplament tas-soċjetà fuq in-naħa l-oħra. Il-Gvern għandu jkollu l-opportunità li jiddjaloga u mhux jimponi u hu fl-interess ta’ kulħadd li l-Gvern iħoss il-polz tar-rappreżentanza wiesa’ tas-soċjetà. Għalhekk postu hu fil-Kunsill.
Hemm differenza bejn issawwar deċiżjoni billi tieħu sehem fid-diskussjoni għal li taġixxi wara li taqra sempliċi rapport. L-istess proposta tammetti l-importanza tal-Gvern meta tgħid li ‘...id-diversi aġenziji u dipartimenti tal-Gvern għandhom jagħtu l-assistenza u l-informazzjoni kollha neċessarja biex l-istess opinjonijiet ikunu aktar reali u studjati sew.’ U dan apparti li l-Gvern irid jagħmel tajjeb għall-ispiża tal-Kunsill b’baġit annwali.
Li l-Kunsill jibqa’ jżomm ir-rwol konsultattiv u li jaħdem biex jinkiseb l-akbar kunsens bejn il-membri m’għandux iqajjem xi kontroversja anki jekk fin-nofs hemm il-kwistjoni jekk għandux jittieħed vot jew le qabel tkun komunikata d-deċiżjoni jew l-opinjoni finali tal-Kunsill. Iżda li l-imsieħba soċjali jagħtu l-opinjoni jew jieħdu deċiżjoni mbagħad ma jkunux marbutin biha allura nkunu qegħdin ngħattu x-xemx bl-għarbiel.
X’messaġġ se ngħaddu lill-poplu meta fil-kunsill nieħdu pożizzjoni mbagħad barra mill-Kunsill nitkellmu mod ieħor?
Il-Gvern jinħtieġ li jitkellem issa u jgħid x’għandu f’moħħu. Nistenna wkoll li l-‘Gvern alternattiv’ jgħid il-verżjoni tiegħu dwar kif jaħsibha dwar dan il-Kunsill. Fil-każ, aħjar nibqgħu fil-limbu li ninsabu fih milli nagħmlu Kunsill zopp!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt