Il-mewt b’overdose ta’ tliet persuni f’temp ta’ ġimgħa hi aħbar kerha ħafna. Iżda għal min jaħdem fil-qasam tad-droga mhix xi aħbar ta’ barra minn hawn.
Kulmin imiss mal-pjaga tad-droga jaf li addict dejjem qiegħed f’dak ir-riskju kull darba li jabbuża mid-droga, iktar u iktar f’ċirkostanza fejn il-purità tad-droga tvarja skond dak li joffri s-suq kriminali. U l-emarġinazzjoni ta’ min hu addict minħabba t-timbru kriminali li hemm assoċjat mad-droga ftit jgħin biex l-għajnuna u l-informazzjoni tasal għand min verament għandu bżonnha.
Sitwazzjoni bħal dik li żviluppat din l-aħħar ġimgħa terġa’ tfakkarna li minkejja r-retorika dwar il-ġlieda bla ħniena ta’ l-Istat kontra d-droga m’aħniex nagħmlu biżżejjed għall-vittmi.
F’dawn l-aħħar snin il-Pulizija kellha ħafna suċċessi fil-qbid tad-droga u l-arrest ta’ nies involuti fit-traffikar. Iżda dawn is-suċċessi jistgħu jingannawna għax naslu biex nemmnu li l-problema hi taħt kontroll.
Il-problema mhix taħt kontroll u l-fatt li tnejn mit-tliet overdoses li seħħew din il-ġimgħa jinvolvu t-taħlit ta’ eroina ma’ pilloli psikotropiċi, li suppost jingħataw bi preskrizzjoni tat-tabib, juri li għad fadal x’naqdfu fix-xogħol li jitwettaq f’dan il-qasam.
Hemm bżonn niftħu għajnejna u nbiddlu d-diska. Anki jekk għall-mument ninjoraw id-dibattitu dwar legalizzazzjoni tad-droga li tista’ tkun mod differenti ta’ kif tkun miġġielda l-problema, jeħtieġ niżviluppaw iktar il-mod ta’ kif nilħqu lil min hu addict.
Barra minn Malta jeżistu metodi u prattiċi, uħud minnhom ukoll f’fażi ta’ studju, li jdaħħlu kunċetti ġodda dwar it-tip ta’ relazzjoni li l-Istat, is-soċjetà u l-familja għandu jkollhom ma’ l-addict.
Jeħtieġ inħarsu lejn l-addict minn lenti inqas kriminali u niffukaw b’lenti iktar medika. Jeħtieġ naraw jekk hux il-każ li l-addict ikollu aċċess għal tip ta’ antidotu fil-każ li jkollu overdose. Jeħtieġ nistudjaw metodi kunfidenzjali ta’ kif min irid jabbuża mid-droga jkun jista’ jivverifika l-purità ta’ dak li qed jikkonsma. Jeħtieġ li nagħmlu evalwazzjoni profonda tal-programmi ta’ riabilitazzjoni offruti mill-Istat u l-aġenziji non-governattivi bħall-Caritas biex naraw humiex jagħtuna r-riżultati meħtieġa u jekk le kif jistgħu jitjiebu.
Jeħtieġ naraw jekk ħidma proattiva fil-komunità direttament ma’ l-addicts u l-familji tagħhom hijiex aħjar f’xi wħud mill-każijiet. Jeħtieġ inħarsu lejn il-problema tad-droga b’mod sħiħ billi l-enfasi ma tkunx biss biex addict jirriabilità ruħu iżda wkoll issir fuq il-funzjoni soċjali tal-persuna u allura jidħlu aspetti oħra bħal xogħol, housing, l-ambjent tad-dar u affarijiet oħra bżonnjużi biex persuna tieqaf fuq saqajha t-tnejn.
It-timbru li l-politiku jrid ‘jiġġieled’ lid-droga sfortunatament jagħlaq il-bieb għal diskussjoni iktar wiesa’, serja u forsi iktar radikali li jeħtieġ li jkollna fil-pajjiż dwar dan il-qasam.
Is-siġġu molla
M’għandna l-ebda dubju li l-Ministru ta’
l-Affarijiet Barranin Michael Frendo hu persuna tajba biex jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth. Jagħmel sew il-Gvern li jipprova jikseb l-appoġġ kollu possibbli biex Frendo jkun l-ewwel Malti li jokkupa dik il-kariga prestiġjuża.
Iżda f’din il-kwistjoni kollha hemm ukoll kunsiderazzjoni oħra li ma nistgħux ninjoraw. It-timing ta’ l-elezzjoni għall-kariga fil-Commonwealth jaħbat b’mod tajjeb jew ħażin maż-żmien l-ieħor f’Malta meta trid issir elezzjoni ġenerali oħra li kollox jindika li mhux se tkun faċli għall-PN.
Il-messaġġ li ntbagħat minn Gonzi bin-nomina ta’ Frendo għall-kariga prospettiva fil-Commonwealth hu li l-Ministru se jkun qed juża din il-kariga bħala alternattiva għall-kandidatura tiegħu fl-elezzjoni ġenerali.
Hu minnu li l-Għaxar Distrett x’aktarx ma jtellax erba’ deputati Nazzjonalisti u se jara battalja qalila bejn il-kandidati tal-PN. Jekk Frendo jilħaq Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth tassew jista’ jkun il-każ li r-Reġina tkun ġabritu minn xagħru.
Hi x’inhi r-raġuni għalfejn saret din in-nomina f’dan il-mument kruċjali ta’ qabel elezzjoni d-deċiżjoni tpoġġi lil Frendo f’pożizzjoni xejn komda ma’ l-elettorat tiegħu, wisq iktar jekk ma jkunx elett fil-kariga l-ġdida.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt