M’ilux kont f’nofs diskussjoni interessanti fejn mingħajr ma kien wisq mistenni tqajjem il-punt dwar kemm għadhom relevanti l-ideoloġiji għaż-żminijiet tal-lum. Sibt lil min jgħidli l-ideoloġija hi kunċett Marxista tal-passat u allaħares għadna nemmnu li l-ideoloġija hi dik li għandha tiddistingwina bħala partit. Jien li qatt ma kont wisq midħla ta’ l-ideoloġija Marxista, b’ideoloġija dejjem fhimt twemmin bażiku, sett ta’ ideali jew prinċipji politiċi jew etiċi li huma fundamentali tant li ma tistax tirrinunzja għalihom jinbidlu kemm jinbidlu ċ-ċirkostanzi.
Karl Marx u l-Perit
Ftit qabel ma l-Partit Laburista żarma mill-Freedom Press fil-Marsa, iktar minn 30 sena ilu, kont fi grupp ta’ studenti Soċjalisti li kien jissejjaħ l-GħSSU fejn kont, fost l-oħrajn, sirt naf lil Toni Abela, Paul Dalli, Manwel Mazzitelli, Grezzju Mercieca, Joe Zarb Adami, Charles Mangion, John Vassallo, Miriam Spiteri Debono, Michael Farrugia, Anton Refalo, Leslie Vassallo u Charles Arpa, Alla jaħfirlu.
Fl-entużjażmu u bin-nuqqas ta’ ħażen li kellna mhux l-ewwel darba dħalna frontali ż-żejjed u rfisna xi kallu li ma kellniex nirfsu.
Darba minnhom waqt konferenza annwali tal-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti li matulha kienu taru x-xrar u n-nar aktar mis-soltu, xi ħadd kien irnexxielu jdaħħal fellus f’moħħ il-Perit Mintoff li l-istudenti Soċjalisti kienu qed itaqqlu l-andament tad-diskussjoni fil-konferenża b’ħafna teoriji ħerġin mill-kotba.
“Dan x’jiġifieri jkun hawn ta’ l-Università joqogħdu jinqaflu bejn erba’ ħitan mal-kotba, jintasbu jaqraw lil Karl Marx u jippretendu li joqogħdu jgħidulna x’għandna nagħmlu?” qal il-Perit Mintoff għaċ-ċapċip itarrax tal-konferenza li dak iż-żmien kienet tkun avveniment importanti annwali għal ħabta ta’ Marzu.
Ironikament sa meta sar dan il-famuż diskors tal-Perit Mintoff li kien daħħal lili u lil sħabi fi kriżi politika eżistenzjali, ma kont qatt missejt idejja mal-kotba ta’ Karl Marx. Dakinhar litteralment ridna l-art tiblagħna u biex ma niġux identifikati li kien qed jgħid għalina kellna wkoll inċapċpulu lill-Perit għal din il-ħasla papali.
Il-ġebla tax-xewka
Lil hinn mis-sentimentaliżmi u l-lingwaġġ emottiv u ffjurit, fil-fehma tiegħi l-ġebla tax-xewka ta’ partit xellugi hi l-isfida ewlenija li jrid jiffaċċja fiż-żminijiet tal-lum kif se jinħoloq ix-xogħol produttiv li ma jkunx ibbażat fuq l-isfruttament ta’ kundizzjonijiet soċjali inferjuri imma fuq il-livell għoli ta’ ħiliet ta’ min irid jaħdem. Dawk li ma jistgħux jipprovdu għall-familja tagħhom u għalihom infushom jagħmlu kemm jagħmlu l-almu tagħhom ma jistgħux jitħallew jaqdfu għal rieħhom u jrid ikun l-Istat li jaħseb għalihom u jagħtihom daqqa t’id.
Kien dan it-twemmin li serva ta’ ispirazzjoni u dawwal it-triq ta’ dawk kollha li mexxew il-partiti soċjalisti/soċjal-demokratiċi f’din in-naħa tad-dinja. Minn żmien għall-ieħor setgħu kienu differenti l-mezzi biex dan it-twemmin jitwettaq fil-prattika, kemm jekk permezz tan-nazzjonalizzazzjoni u protezzjoni tas-setturi arterjali ta’ l-ekonomija, kemm jekk permezz ta’ ekonomija mħallta bejn inizjattiva privata u interventi statali, u kemm jekk fix-xenarju mibdul tal-lum ta’ ekonomija miftuħa liberalizzata u globalizzata b’kompetizzjoni li suppost hi ġusta f’suq li suppost hu regolat fl-interessi, kemm ta’ l-operaturi ekonomiċi u anki tal-konsumaturi.
Hu proprju fuq dak li suppost hu, imma li mhux, li għandu jagħmel differenti partit tax-xellug minn partit tal-lemin. Irridu jew ma rridux ir-regoli tal-kummerċ dinji (il-WTO, l-UE, eċċ) jagħmluha impossibbli li wieħed jirritorna għal ċerti metodi tal-passat li kienu jagħmlu sens fi żmienhom, iżda xorta waħda hemm ħafna x’tiddiskuti dwar l-effiċjenza u l-effettività tagħhom.
Id-dikotomija bejn Old u New Labour fl-Ingilterra, f’Malta u f’kull pajjiż ieħor fejn tissemma’ hi waħda artifiċjalment maħluqa mill-media u l-magni tal-PR, għax ngħidu x’ngħidu, il-metodi ta’ l-antik ta’ kif kienet titmexxa l-ekonomija ma jistgħux ireġu aktar f’xenarju mibdul ta’ suq dinji liberalizzat.
Għalhekk mhux minnu li l-partiti Laburisti ċaħdu lilhom infushom u l-għeruq storiċi tagħhom, imma biex jibqgħu relevanti, kellhom ta’ bilfors jivolvu maż-żminijiet.
Tħabbil il-moħħ
L-ikbar tħabbil il-moħħ għall-partiti soċjal-demokratiċi fid-dinja tal-lum hu dwar kif se jinħoloq il-ġid ekonomiku li jġib miegħu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u li jibqa’ jsostni l-wens soċjali għal min ma jiflaħx ifendi għal rasu.
Mhux aċċettabbli li bl-iskuża li l-inizjattiva privata hi l-mutur ta’ l-ekonomija, lanqas l-istrutturi bażiċi li suppost jiżguraw minimu ta’ fair play fit-tħaddim tas-suq ma jkunux qed jiffunzjonaw kif suppost.
Awtoritajiet regolatriċi f’uffiċini mill-isbaħ, b’Chairmen u diretturi mħallsin tajjeb, b’karozzi lussużi, hawn kemm trid. Imma fil-ftit drabi li dawn jiċċaqalqu u jidħlu bejn il-basla u qoxritha, jispiċċaw iħallu lill-konsumatur, l-aktar parti dgħajfa fis-suq, b’riħitha.
Il-fatt li l-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust ilha minn Frar mhux kostitwita hi indikazzjoni ċara ta’ kemm il-Gvern preżenti mhux impenjat bis-serjetà li ’l hekk imsejjaħ suq ħieles ikun regolat b’mod ġust u effettiv bħall-bqija tal-pajjiżi Ewropej. Webbluna li se nkunu bħall-Ewropej f’kollox, imbagħad f’affarijiet importanti bħal m’huma l-għoli tal-ħajja u l-protezzjoni tal-konsumatur, ħallew lil Maltin jittewbu.
L-ikbar uġigħ ta’ ras għall-familji ġodda f’pajjiżna hu kif se jsibu x’imkien diċenti fejn joqogħdu bi prezzijiet li jintlaħqu mill-but ta’ dawk b’paga medja jew baxxa.
Din hi bla dubju l-problema numru wieħed għall-familja Maltija. Problema li qed iddaħħal lil ħafna koppji żgħażagħ f’piż ta’ dejn esaġerat u minħabba f’hekk qed ikun hemm stress u pressjonijiet kbar anki fir-relazzjoni bejn il-koppji.
Is-soluzzjoni tan-Nazzjonalisti għal din il-problema nafu x’inhi: ir-regoli tas-suq isuq u prezzijiet free for all.
Il-Partit Laburista ma jistax joqgħod idur madwar din il-problema imma jrid jaffrontaha llum qabel għada b’soluzzjonijiet kreattivi li jibdew jagħtu tama mill-ġdid lil ħafna nies li qed jaqtgħu qalbhom.
wenzumintoff@yahoo.com
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt