08 ta' April 2007 • Nr 23

Arkivji




 

 

 

08 ta' April 2007

L-inċertezza

Ma jgħaddix jum li ma jiġix xi ħadd għandi u jsaqsini x’se jiġri. Lin-negozjant l-instabbiltà politika tħawdu.
Għal ħafna sidien tan-negozji, jekk ikunx Gvern ta’ Sant jew Gvern ta’ Gonzi ma tantx tinfluwenzahom. Imma l-inċertezza iva.
Illum nistgħu ngħidu li m’hawnx inċertezza?
Ir-riżultati ta’ l-elezzjonijiet lokali u l-ħafna surveys li qed isiru jħawdu n-nies. Jien bħal kulħadd ma nafx xi Gvern se jkollna wara l-elezzjoni li jmiss iżda żgur naċċetta li hawn taħwida.
Il-punt li rrid inqajjem hu jekk jagħmilx sens li nġennu n-nies minn daqshekk kmieni jekk jidher li hemm kunsens li l-elezzjoni ssir bħal dan iż-żmien sena. Għalfejn noħolqu ħafna inċertezza meta l-affarijiet nistgħu nagħmluhom b’aktar sens?
Il-partiti politiċi possibbli ma jistgħux jaqblu bejniethom fuq proċess għall-countdown ta’ l-elezzjoni b’mod miftiehem? Jekk ma jsirx hekk il-programm se jitfassal waħdu għax ċar x’se jiġri.
Issa jibda d-diskors dwar il-baġit li ġej. Kulħadd jibda jfajjar u jipproponi. Il-Gvern jgħolli kollox għal-livell tas-superlattiva: kollox l-aqwa, kollox l-aħjar, qatt ma’ rajna ġid daqs issa, u dan mhu xejn għax il-kbir għadu ġej. Il-Gvern jirraġuna li mhux talli ma għajjiex talli jinsab frisk daqs ħassa.
L-Oppożizzjoni min-naħa l-oħra tibda teqred dejjem aktar. Kollox nieżel. Kollox qed jitfarrak. Kulħadd jagħlaq. Dwejjaq kbar. Irrabjati għall-mewt. Ħallu f’idejna. Nitilgħu aħna u kollox ħarir. U l-bqija jiżfnu fin-nofs.
Sakemm int mangia passiggia, tieħu kollox ta’ li hu. Imma jekk inti fin-negozju, tħaddem in-nies u kull ħmistax trid tħallashom, tixtri l-materjali u tistenna li taħdimhom u tbigħhom, tissellef mill-bank u tistenna li taqla’ biżżejjed biex tħallas, u trid minn nies li jonfqu meta jħossuhom sewwa u joqgħodu lura meta jitħawdu, hekk ħaġ’oħra.
Għas-sid tan-negozju din atmosfera tal-ġenn. Tinkwetahom u tkiddhom.
Min għandu l-proprjetà u xtara u jrid jiżviluppa u jbiegħ, il-kliem li qed jingħad jaffettwah bil-kbir. Għax jaffettwa lin-nies li jridu jixtru u jaffettwa d-deċiżjoni ta’ min irid jiżviluppa jekk jħaddimx aktar nies, iqabbadx lill-kuntratturi u jagħtix ordnijiet. Min qiegħed fit-turiżmu l-istess: jekk jara xaqq dawl ikompli jirsisti, ikompli jżomm in-nies li għandu. Imma jekk jara dlam biss, x’jagħmel? Jissogra li l-affarijiet jiħżienu u jaqbeż fuqu l-bank u li jkun ħadem għalih jsirlu suf?
Ħafna nies ma jifhmux kif taħdem l-ekonomija. Il-mentalità hi importanti. Jekk jinbnew ħafna toroq ġodda, tara ħafna bini tiela’, tisma’ b’kuntratti kbar li qed jingħataw u tifhem li fil-pajjiż il-pass tal-progress mhux se jżomm, int bħala negozjant u investitur tibqa’ għaddej. Wara kollox tgħid, x’differenza hemm bejn Gonzi u Sant, mhux it-tnejn il-ġid tal-pajjiż iridu. U għalhekk tibqa’ għaddej. Ma tinkwetax. Tibqa’ tinvesti qiesu kollox ward u żahar.
Ikun hemm iżda min jikkalkula aktar. Min jiftakar x’sar ma’ missieru jew x’sar band’oħra. Jibża’ li l-oħrajn ma jafhomx biżżejjed għax sema’ wisq stejjer. Ikun hemm għalhekk min jibża’ mill-bidla. Jibża’ li jinbidlu l-affarjiet u jkun hawn l-inċertezza u għalhekk jgħid nistenna. Kummerċjant jistenna u deċiżjoni ma joħodhiex.
Jekk kollha jaħsbuha xorta, bejniethom inaqqsu r-ritmu tat-tkattir. Għax id-deċiżjoni ta’ l-investitur li jinvesti ġġib il-ġid, waqt li d-deċiżjoni li jistenna twaqqaf il-ġid. Agħar jekk jiddeċiedi li jieqaf bħalma qed jagħmlu ħafna. Il-Gvern jista’ jgħid u jista’ jagħmel, imma jekk dawk li għandhom is-saħħa li jiddeċiedu dwar investiment, impjieg u ħolqien ta’ ġid, jiddeċiedu li jaħsbuha, li jnaqqsu, ir-ritmu ekonomiku b’konsegwenza li jieqaf jew imajna.
Jiġifieri hawn logħba kiefra. B’disinn jew b’injuranza wieħed jista’ joħloq inċertezza u l-impatt ta’ l-inċertezza jkun li l-affarjiet flok tajbin isiru ħżiena. Il-Gvern stess jista’ jkun kompliċi għax jekk tesaġera, jekk tħalli lil min iparla bl-addoċċ u jiftaħar b’mod fieragħ jista’ jkun li tkun qed titma’ l-inċertezza. Bla disinn, imma b’injuranza. Ngħid dan biex ħadd ma jifhimni li qed ngħid li
l-inċertezza joħloqha biss min jeqred.
L-inċertezza joħloqha l-Ministru li jparla qiesu kulħadd fidil u kulħadd hu ta’ memorja qasira. L-inċertezza joħloqha l-uffiċjal pubbliku li jiġi fuq it-televiżjon u jparla qisu xi bin il-għerf u jipprova jgħaddi passata lin-nies. L-inċerteżża joħolquha dawn is-suppost “communication officers” li qisu xogħolhom hu li jpinġu l-Gvern bħala ċorma nies li jridu jgħaddu lilna lkoll biż-żmien.
Problema serja din. Għax jekk il-Gvern għandu l-magna tar-relazzjonijiet pubbliċi tiegħu iktar tispara l-auto goals milli tagħmel professjonalment dak li suppost hi mħallsa biex tagħmel. Allura mhux ta’ b’xejn li l-popolarità tal-Gvern nieżla.
Imma l-inċertezza joħolquha wkoll dawk li dejjem jeqirdu li kollox ħażin. Fl-aħħar il-ħsara tiġi fuqhom stess. Għax n-nies ma tistax iġġenninhom għalxejn għax meta wara jsibu li l-affarjiet fil-verità jkunu mod ieħor iduru kontrik. Għalhekk il-Malti jgħid il-giddieb għomru qasir.
Importanti nikkonċentraw fuq proposti ġodda. Gvern, Oppożizzjoni, korpi kostitwiti, trade unions u soċjetà ċivili, irridu nitkellmu b’mod pożittiv. L-iswed ngħidulu iswed u l-abjad, abjad u min skadielu ż-żmien għandna ngħidulu jwarrab. Min hu tajjeb ngħidulu jibqa’.
Imma rridu wkoll nippreżentaw il-proposti ġodda tagħna. Mhux biss x’sar ħażin imma x’jista’ jsir biex ngħollu lil pajjiżna ’l fuq għall-futur aħjar. Kif se nagħmlu eżerċizzu ta’ re-engineering f’diversi oqsma biex Malta tkun aħjar. Baqa’ ħafna u ħafna x’isir f’dan il-pajjiż. Jgħidulna l-partiti x’se jagħmlu. Imbagħad niddeċiedu jekk dak li jrid isir għandniex nafdawh f’idejn nies ġodda u friski jew f’nies ta’ esperjenza u ppruvati.
Nistgħu nidħlu f’kampanji elettorali bla ma nġennu n-nies u noħolqu l-inċertezza żejda li tweġġa’ lil ħafna.
Nistgħu, basta jkun hemm aktar irġulija.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt