Tlettax fil-mija biss tan-nies qed jgħixu aħjar wara l-baġit ippreżentat f’Ottubru li għadda u li fih tħabbar tnaqqis fit-taxxa tad-dħul li minnu bdew igawdu l-familji minn Jannar li għadda. Dan ħareġ minn stħarriġ li għamlet il-gazzetta Illum.
Ħames xhur wara l-baġit, 83 fil-mija tal-Maltin mhux qed iħossuhom jgħixu aħjar minkejja d-diversi stqarrijiet tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi li l-Maltin qed jgħixu aħjar.
Anki fost dawk li jissimpatizzaw mal-Partit Nazzjonalista hemm maġġoranza ta’ 55 fil-mija li ma rat l-ebda titjib fil-ħajja tagħha wara l-baġit. Fost in-Nazzjonalisti 41 fil-mija qed jgħixu aħjar.
Dan jista’ jkun indikazzjoni li t-tnaqqis fit-taxxa tad-dħul imħabbra fil-baġit laqat b’mod l-iktar pożittiv lill-votanti tradizzjonali Nazzjonalisti. Il-baġit laqat b’mod l-iktar tajjeb lil dawk li jaqilgħu iktar minn Lm7,000 fis-sena.
Huma biss wieħed fil-mija tal-Laburista li jħossuhom qed jgħixu aħjar wara l-baġit. Iżda l-iktar li għandu jinkwieta lill-Prim Ministru hu l-fatt li mhux qed jaraw titjib fil-ħajja tagħhom 88 fil-mija ta’ dawk li mhux se jivvutaw lill-MLP jew lill-PN jew li għadhom ma jafux x’se jagħmlu f’elezzjoni ġenerali.
Fost din il-kategorija ta’ nies, li tkun hi li tiddeċiedi fejn se tmur l-elezzjoni, huma biss ħamsa fil-mija li raw xi titjib f’ħajjithom minn wara l-baġit sa llum.
Dan l-istħarriġ juri li l-baġit serva aktar biex jgħolli l-moral ta’ min se jivvota lill-PN iżda ftit li xejn affettwa l-votanti l-oħra.
Il-gvern ta’ Gonzi baqgħalu ċans ta’ baġit ieħor biex iroxx qabel l-elezzjoni ġenerali.
Madankollu l-Prim Ministru jaf li se jkollu jdejh marbutin bid-dixxiplina finanzjarja li titlob minna s-sħubija fl-ewro.
Sa llum il-Prim Ministru jista’ jiftaħar li l-finanzi tal-pajjiż huma fis-sod, iżda l-indikazzjonijiet juru li huma ftit wisq dawk li qed iduqu l-frott tas-sagrifiċċji li l-pajjiż intalab jagħmel f’dawn l-aħħar erba’ snin.
L-istħarriġ fost 300 persuna magħżula b’mod xjentifiku mid-direttorju sar bejn is-27 u d-29 ta’ Marzu.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt