08 ta' April 2007 • Nr 23

Arkivji




 

 

 

08 ta' April 2007

Kieku Kristu għażel lil Malta

TONI

Immaġinaw li Kristu qatt ma ġie la f’din id-dinja u lanqas f’Malta. Immaġinaw li fettillu jagħżel li jżur lill-bniedem għall-ewwel darba f’Malta. Dan kollu se jingħad, b’apoloġija għal Carlo Levi għall-ktieb tiegħu, “Cristo si e’ fermato ad Eboli.”
Fil-Belt quddiem il-Qorti nġemgħu n-nies biex jisimgħu lil wieħed stramb għall-aħħar, iżda li kliemu kien jinżel għasel ma’ min kien jisimgħu.
Bil-wieqfa fuq kaxxa tal-luminata, jgħaqqad il-ponn u jindirizza lil kulmin kien hemm fil-Qrati, beda jixli hekk: “Lilkom, ja skribi, tagħmlu biss il-ħaqq ma’ min jaqbel lilkom! Għad isir magħkom ukoll meta nerġa’ niġi lura fuq in-naħa tal-Lemin ta’ Missieri!
“Wieħed li kien fil-folla qal lill-ieħor, “Naħseb li tilef kawża dan!” filwaqt li l-ieħor wieġbu, “Naħseb, anki xi rota. Iżda hemm xi ħaġa fi kliemu li tqanqlek.”
Dan l-istramb ma waqafx jakkuża u jispjega li l-ħaqq tal-bniedem hu werċ.
Fl-aħħar ħarġu l-Pulizija u l-Marixxalli mill-Qorti u kaxkruh għall-Għassa tal-Belt.
Ftit jiem wara dan ir-raġel għamel storja akbar.
Għal darb’oħra nġabru n-nies u għal darb’oħra b’folla akbar u quddiem il-Kurja tal-Belt.
Reġa’ beda jixli bl-istess qilla u għadab: “Oħroġ, ja Qassis il-Kbir! Araw daqsxejn kemm hawn mingħajr saqaf! X’qed tagħmlu b’dawk l-artijiet kollha li ħallew il-fidili tiegħi!” Minn wara l-persjani tal-Kurja l-Vigarju qal lil wieħed li kien ħdejh, li dan kien raġel perikoluż, jista’ jkun li kien miġnun iżda jaf jimbarazzak.
Dan l-istramb baqa’ sejjer lejn Triq Sant’Anna fi Floriana bil-miġemgħa tiġri warajh. Daħal fil-Bank tal-Knisja u beda jwerżaq: “Missieri mqades tal-qima jrid u mhux tal-flus! Jewilla mhux kulħadd ħaseb issa fl-għasafar u issa fl-ilpup u l-ħut, u banek la hemm fl-imsaġar u lanqas f’qiegħ il-baħar!” Beda jaqleb l-imwejjed u s-siġġijiet bħal miġnun. Wieħed li segwih mill-bidu qallu: “Mgħallem, se jitfgħuk hemm fuq jekk tibqa’ sejjer hekk. Għandek raġun iżda dan mhux il-mod!”
Għal darb’oħra kaxkruh l-Għassa. Li ma kienx għall-għajjat tan-nies barra u biex minnu ma jagħmlux vittma, ma kinux jeħilsuh kif ġieb u laħaq.
Il-qilla li kellu fih ma ħallitux bi kwietu u ħaditu G’Manġia quddiem Dar ix-Xandir.
Hemm beda jinsisti b’leħen għoli: “Xandru l-kelma ta’ Alla! Tonqsux milli tiżirgħu s-sewwa! Tkomplux tidħku bin-nies ja ulied it-trombi ta’ Jericho!” Dak il-ħin inżerta ħerġin mill-PBS Peppi u sieħbu Lou.
Peppi mill-ewwel fassalha li jistiednu f’Xarabank: “Karattru li jkabbar l-udjenza, inġibuh!” Lou fil-pront wieġbu: “Ħallina! Dak miġunun jew aġent provokatur Laburista! Żomm ’il bogħod minnu. Mela ma smajtx b’li qed jagħmel? Anki l-id li qed titimgħu qed jigdem!” It-tnejn baxxew rashom u għamlu ta bir-ruħhom li la rawh u lanqas semgħuh.
Dan l-istramb ma kienx jiddejjaq mill-isfida ta’ l-awtoritajiet. Kellu għadab kbir kontra dawk li m’għamlux użu tajjeb tal-poter meta lilhom ġie misluf.
Bil-folla dejjem tikber, mar għall-okkażjoni tal-ftuħ tal-Parlament. Dak il-ħin kien dieħel il-President li xejjer lill-folla li mingħalih kienet ġiet għalih sakemm inħasad meta sab lil dan l-istramb ma’ wiċċu li qallu: “Ieqaf! Aħseb! Anke d-dielja torqod fix-xitwa biex fis-sajf tagħti l-frott. Anki t-tina jiġi ż-żmien meta ma tibqax tarmi u tmut bil-wieqfa! Inti!...Inti! Meta se tagħmel bħad-dielja u dik id-dielja?”
Il-President, maħsud kif kien, dar fuq ta’ ħdejh u staqsieh dan min kien. L-ieħor wieġbu: “Mela qatt ma smajt bih? Dan dak li jġħid li bagħtu Missieru!” Il-President mill-ewwel qal li kellu raġun jaħseb ħażin. Din kienet kwistjoni ta’ nepotiżmu u kompla jgħid: “Mela l-Mental Health Act qiegħed hemm għalxejn? Kif nies bħal dawn iħalluhom jiġru mas-saqajn? Kif nitilgħu fuq għid lil Lorry jċempilli!”
Għamel waħda mill-kbar fiċ-ċerimonja tas-Sette Giugno. Inqata’ minn mal-ġemgħa fil-mument li l-mexxejja politiċi kienu qed iserrħu l-kuruni tar-rand mal-monument u ndirizzahom hekk: “Int li dejjem tidħak u int li dejjem tħares laġenba! Ara x’qed jiġri lill-ħaddiema mingħajr impjieg jew wieħed imdendel! Jewilla tista’ tifred il-ħalib minn mat-tè. Daqshekk tista’ żżarma l-ħażin li sar!”
Lawrence Gonzi qal lil Alfred: “Dan miġnun!” u Alfred reġa’ wieġbu: “Hu jaf xi jħoss,” u dar lejn dak ir-raġel u qallu: “Lili għalxejn tkellimni għax il-Partit Laburista ilu ma jkun fil-Gvern għal 20 sena!”
Reġgħu arrestawh u wara ftit jiem reġgħu telquh.
Bdiet tiġri l-aħbar li issa beda jagħmel il-mirakli. Wieħed li kien ilu sentejn jistenna biex jagħmel operazzjoni tal-katarretti poġġielu jdejh fuq l-għata ta’ għajnejn u neħħihomlu. Ieħor li kien waqa’ f’dipressjoni wara li għaddewh PSC għaliex seraq gomma meta oħrajn serqu ħanut u ħadu promozzjoni daħal għandu raġel u ħareġ ieħor. Tant ħassu tajjeb li emigra.
Dan kollu beda jinkwieta lill-awtoritajiet u riedu jsibu mezz kif iwarrbuh darba għal dejjem għaliex il-popolarità tiegħu aktar ma tmur aktar bdiet tikber.
F’wieħed li dejjem kien ikun ma’ djulu, u jħobb il-flus, sabu l-għodda biex jisbarazzawh.
Dan it-tali ħeba ftit eroina fil-post fejn kien jgħammar dan l-istramb u waqt li kien ma’ wħud minn ħbiebu fil-ħin ta’ l-ikel il-Pulizija rrambawh u l-Ispettur li kien qsajjar, oħxon u bil-mustaċċi bħal donnhom imdendlin minn ma’ mnieħru u li kien ilu biex jilħaq, mexxa l-operazzjoni.
Il-Pulizija mingħajr ma qallbu mkien marru dritt għal kikkra rasha ’l isfel fil-vetrina u li taħta sabu pakkett żgħir ta’ l-eroina.
L-Ispettur b’leħen li qisu skopra l-Amerika staqsieh: “Dan x’inhu, galantom?” u wieġbu b’mod kalm u seren, “Staqsi lil min poġġiha hemm!” L-Ispettur inħasad u għamel ta’ bir-ruħu li ma ntebaħx li dan ir-raġel kien jaf bil-frame-up.
Ressquh il-Qorti u akkużawh bi traffikar tad-droga. Xandruh fl-ewwel faċcata ta’ kull gazzetta u r-radju tal-Knisja saħansitra qal li fl-aħħar xirfet il-verità għaliex dan ir-raġel kien jagħmilha ta’ qaddis.
Inġaġġawlu Avukat tal-fqar li kien bravu ħafna li tah parir biex jammetti u jgħid li kien miġnun biex jiffranka xeba’ ħabs.
Ma qalx kelma, għamel dak li qalulu u qal lill-Avukat tiegħu, “Waslet is-siegħa tiegħi! Qed isseħħ il-profeżija!” L-Avukat, ta’ bravu li hu, ma fehmx kelma minn dak li qallu.
L-Imħallef għamel l-akbar żball ta’ ħajtu. Biex jidher li ma għandu minn ħadd staqsih: “Għandek xi ħaġa xi tgħid qabel ma ngħaddi għall-kundanna?” Ir-raġel wieġbu: “Il-kundanni ta’ din id-dinja huma bombli tal-fuħħar battala. Missieri biss jista’ jagħmel ħaqq minni u int mhux Missieri!”
L-Imħallef, kollu kurżità staqsih: “Int li dejjem issemmi lil Missierek, tista’ tgħidli dan min hu?” Ir-raġel wieġeb: “Missieri hu Missierek!” u l-Imħallef intilef jgħajjat: “Tkunx kiesaħ, Missieri mejjet!”
Spiċċa fl-Isptar Monte Carmeli.
Wara ftit xhur għadda għall-agħar bil-mediċini li ppumpjaw ġo fih.
Jum fost l-oħrajn sabuh mejjet fis-sodda għaliex baqa’ taħtha! U wara tlett ijiem ma qamx minnha!

PEPPI

Inħossni prużuntuż ngħid x’kien jagħmel Kristu kieku kellu jiġi fid-dinja illum, fl-2007. Ma nafx kienx jagħżel lil Malta Kattolika biex jitwieled. Imma ma tistax tgħid. Jista’ forsi jagħżel li jitwieled f’xi pajjiż fqir u ommu u missieru jiddeċiedu li jaħarbu. Għax inkella joqtluhom. Jafu jaħarbu b’xi dgħajsa u jispiċċaw jinkaljaw f’Malta. Inkun onest li bħala Maltin ma naħsibx li kieku nilqgħuh bi ħġarna wisq. Mill-ewwel naħseb li kieku kien isib ħafna minna nħarsu lejn din il-familja b’rabja għal San Ġużepp talli jkun se jieħu x-xogħol tal-mastrudaxxi Maltin.
Naħseb li meta jibda jitfarfar, Ġesù ikun tifel bħat-tfal l-oħrajn għalkemm ma neħodhiex bi kbira li anke l-iskola jibda jimmolla ma’ xi għalliema li mhux imdorrija b’xi ħadd imerihom. Naqtgħu kieku jmur tajjeb fl-eżamijiet iżda ma naħsibx li jkun wieħed minn dawk li jieħu hafna premijiet f’Jum il-Premjazzjoni. Jaf anki jirrifjuta li jitla’ għal xi premju għax iħoss li jum il-premjazzjoni hu jum inġust li jigglorifika l-kompetizzjoni miġnuna li jgħixu fiha t-tfal Maltin u Għawdxin.
Jikber u jibda jippriedka. Naħseb ikun kontroversjali f’dak li jgħid u allura jibda jkun mistieden f’ħafna diskussjonijiet fuq it-televixin. Ħa npoġġuha hekk. Jiena kieku nistiednu anke waħdu fil-panel, bin-nies kollha li qatt ġew f’Xarabank jikkwotawh u jgħidu x’ried u ma riedx jgħid. Ma nafx jekk b’dak li jgħid il-Knisja f’Malta tkunx komda għax ikolli ngħid jimbarazzahom xi daqsxejn.
Jiena naħseb li Kristu jirrabja u jirribella kontra tagħna meta jiskopri li aħna nwaddbu lin-nies li jieħdu d-drogi fil-ħabs. Jippriedka l-imħabba u mhux il-kastig u jħares żgur f’għajnejna lkoll u jistedinna biex ‘Min mhux ħati jitfa’ l-ewwel ġebla’ Ma nafx iżda ma naħsibx li jifhem kif persuna li m’għandhiex aktar vini f’idejha x’itaqqab jispiċċa fil-ħabs ‘għax għadna gwerra qaddisa kontra d-droga’.
Naħseb li jekk kellu jerġa’ jqajjem lil xi ħadd mill-mewt kif jingħad li għamel żgur iqajjem lil xi ħadd li miet b’overdose wara li s-soċjetà nisranija li suppost ngħixu fiha tkun warrbitu f’xi ċella biex ma jibqax fin-nofs ifixkilna. Waqt li aħna nibqgħu għaddejjin naħdmu biex nixtru l-aħħar mudell ta’ karozza u sufani u ġonna anke fuq il-bejt.
Ma nafx kif jeħodha meta jibda jmur il-festi li niċċelebraw f’ismu u f’isem il-qaddisin. Frankament naħseb li jibqa’ d-dar u ma jkunx jixtieq jieħu sehem. Jipprotesta kieku tad-Data Protection li jkunu qed jużaw l-immaġni tiegħu biex jagħmlu festi li fihom ħafna drabi n-nies jiċċelebraw l-istatwi u jimpikaw mal-każin l-ieħor. Ara ommu kif tibqa’ meta tisma’ li tal-każin ta’ fuq joffendu lilha għax huma għandhom lilha aqwa minn ta’ l-oħrajn.

Naħseb li ommu tweġġa’ ħafna meta tibda tisma’ li qabel ma ġiet kienu qed jgħidu li kienet qed tidher f’ħafna postijiet titlobna biex ngħidu r-rużarju. Jaf jaqbadha d-daħk x’ħin fil-gazzetti taqra li hemm statwa tagħha qed tibki d-demm, fl-istatwa l-oħra qed iċċaqlaq għajnejha, fl-istawa l-oħra bdiet tnixxi l-ilma mbierek. Naħseb li ommu tkun tissaporti ħafna affarijiet iżda mhux li jużawha b’dan il-mod biex joħolqu biża’ u forsi anke jagħmlu l-flus.
Ovvja li Kristu jkollu jispjega x’ried jgħid meta kien tkellem 2000 sena ilu. Il-mistoqsijiet ikunu diffiċli iżda m’għandix dubju li t-tweġibiet ikaxkru ħafna minna warajh. Naħseb ħafna aktar nies jibdew iħossuhom komdi jimxu warajh għalkemm jekk jerġa’ jgħidilna ‘biex inħallu kollox’ se jkollna problema serja.
Ma naħsibx li kien jagħżel 12-il appostlu kollha rġiel. Żgur kieku n-nies tibda tallega li hu omossewali. U jekk, kif naħseb jiena, jitkellem b’imħabba lejn l-omosesswali u t-trasvestiti. Iżda Kristu ma jkunx jikkonfondi.
Ma naħsibx li se joqgħod iwieġeb għall-kritika fil-gazzetti. Iħallihom jiktbu u hu jibqa’ jgħix dak li jemmen. Allura ma jagħżilhomx kollha rġiel mhux biex ma jivvintawx dwaru iżda għax nahseb li jagħmel minn kollox biex in-nisa fil-Knisja jkunu stmati bħall-irġiel.
Naħseb li jinħaraq ftit meta jsir jaf li hawn min jikkwota lilu biex jgħidu li n-nisa ma jistgħux isiru qassisin. Ikolli ngħid li qabel ma jitlaq il-Papa li jħalli warajh tkun mara.
Noqtluh? Le, ma naħsibx li noqtluh għax għalkemm ħafna għadhom jemmnu bil-piena kapitali, ma naħsibx li jkunu lesti jużawha ma’ dawk li jkunu qed jippriedkaw u jagħmilna skomdi. Allura tgħid x’nagħmlulu? Naħseb li min jittradih isib bla diffikultà. Mhux daqstant għall-flus iżda aktar b’riżultat ta’ għira ghalih. Jiena naħseb li kif ngħidu tajjeb aħna l-Maltin kieku ‘Noqtluh bla sikkina’. Ninjorawh, ngħadduh b’miġnun l-aktar jekk jerġa’ jfettillu jgħid ‘Ħobb lil min jobogħdok’. X’inhu? Dan mhux f’sensieh? Jiena irrid inħobb lil min abbuża sesswalment minn binti? X’inhu jgħid dan? Inħobb lil tal-Partit l-ieħor bħalma nħobb lil tal-Partit tagħna? Dan qed jispissja jew?
Jiena naħseb li lil Kristu ma nsallbuħx għax nibżgħu li nagħmluh ‘hero’ u dak li jkun qal, jispiċċa headlines. U aħna ma jaqblilniex.. Speċjalment jekk jibda jitkellem fuq il-faqar li hawn madwarna. Naħseb li jkun jaqblilna ninjorawh u nkomplu naħsbu li l-ikbar problema li hawn f’Malta hi l-MEPA.

 

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt