Kurt Sansone It-toroq ta’ Bormla ‘suppost’ se jkunu festa dalgħodu bil-ġirja tradizzjonali ta’ Kristu Irxoxt li tiġbed warajha mijiet ta’ persuni minn madwar Malta kollha, inklużi t-turisti.
‘Suppost’, għax lil hinn mit-tħammim tan-nies, mill-istorbju tal-murtali u ċ-ċapċip għall-istatwa li tgħaddi riħ fuq spallejn ir-reffiegħa Bormliżi, fuq ħalq kulħadd se jkun hemm il-ġrajja tat-tarbija abbandunata li nstabet f’kaxxa taż-żraben fi Triq Guliermu bħal-lum ġimgħa.
Kienet ġrajja li Joseph Scerri, is-Sindku ta’ Bormla jgħid ixxukkjat lil kulħadd.
“Hu tajjeb li t-tarbija ma ġralha xejn. Iżda f’dawn iċ-ċirkostanzi ma nixtieqx li niġġudikaw lil omm it-tarbija. Veru li t-tarbija hi innoċenti f’dan kollu iżda jeħtieġ ukoll naraw il-każ ta’ l-omm u d-diffikultajiet li setgħu wassluha biex tagħmel xi ħaġa bħal din,” isostni Scerri b’ton ta’ diqa.
It-tarbija li ngħatat l-isem ta’ Ryan se tkun tgħix b’mod temporanju għand familja oħra wara li l-Istat ħareġ ordni ta’ ħarsien. Ryan se jissieħeb mal-213-il tifel u tifla oħra li qegħdin fil-kustodja ta’l-Istat għax ma jistgħux jgħixu mal-ġenituri naturali tagħhom.U fi Triq Guliermu llum m’hemmx ċfuf ċelesti mwaħħlin mal-bieb. Hemm biss diqa u dispjaċir għal dak li seħħ fit-3pm tal-Ħadd, 1 ta’ April. Ma kinitx ċajta li kulħadd imdorri jagħmel fl-ewwel ġurnata ta’ April.
Kienet il-bikja ta’ l-abbandun li salvat lit-tarbija mill-mewt għax ġibdet l-attenzjoni tat-tlitt itfal li kienu jilagħbu fl-isqaq. Iżda f’din il-ġrajja hemm iktar minn bikja waħda.
Hemm il-bikja ta’ l-omm, tal-komunità Bormliża u tas-soċjetà.
Is-Sindku jappella biex il-Maltin la jiġġudikaw lill-omm u lanqas lill-Bormliżi.
“Din hi r-realtà tal-Kottonera fejn jiltaqgħu konċentrazzjoni ta’ nies bi problemi soċjali. Dejjem ilqajna lil min ġie jgħix fostna iżda ma nifilħux aktar għaż-żieda kontinwa ta’ nies li jinstabilhom post f’Bormla sempliċiment għax il-kirjiet hawn huma l-irħas. Mhux lakemm persuna bi problema jinstabilha post hawnhekk. Dawn in-nies ikollhom bżonn min ikompli jgħinhom. Sfortunatament il-lokalità tieħu isem ħażin u jbati kulħadd. Hemm bżonn li l-Gvern ċentrali jifhem din is-sitwazzjoni,” isostni Scerri.
Tinħass ċerta rabja fil-kliem tas-Sindku. Rabja lejn l-awtoritajiet li matul iż-żmien ħallew sitwazzjoni diffiċli tiżviluppa f’belt li donnha ma rkuprat qatt minn wara t-Tieni Gwerra lil hawn.
Filwaqt li l-isqaq kiesaħ jostor il-ġrajjiet ta’ nies li x’aktarx jiddependu għall-għajxien tagħhom mis-servizzi soċjali jew paga minima li bilkemm twassalhom sa l-aħħar tax-xahar, il-Pulizija tissokta bl-investigazzjoni tagħha biex tipprova tifhem eżatt x’ġara u x’seta’ wassal biex omm ta’ 19-il sena tabbanduna t-tarbija tagħha fit-triq.
Joe Gerada, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali jsostni li l-ħaddiema soċjali “dejjem jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom ibbażati fuq il-kriterju dwar x’inhu l-aħjar interess tat-tarbija.”
Gerada ma jikkummentax dwar l-għajnuna li se tingħata din l-omm partikolari. “Hi xi ħaġa personali u għalhekk kunfidenzjali,” isostni iżda jispjega li f’ċirkostanzi bħal dawn l-Aġenzija Appoġġ ġeneralment tibda billi toffri counselling.
“Normalment il-counselling hu l-ewwel mezz li jintuża iżda jistgħu jkunu offruti wkoll interventi oħra skond il-bżonn li jvarjaw minn interventi mediċi sa dawk psikoloġiċi u soċjali,” isostni Gerada.
Fil-każ ta’ommijiet li jkollhom problemi soċjali marbuta mat-tqala, l-Aġenzija Appoġġ toffri s-servizz ‘Benniena’ li hu bbażat fl-Isptar San Luqa. Barraminnhekk l-Aġenzija toffri wkoll servizz ta’ pedjatra b’xejn lil dawk l-ommijiet li jinsabu f’diffikultajiet u li jkollhom bżonn servizz bħal dan.
Teżisti wkoll l-assistenza finanzjarja għal ommijiet li m’għandhomx dħul finanzjarju adegwat u li huma ommijiet single.
Iżda minkejja li l-qafas soċjali f’pajjiżna jaħseb għal każijiet delikati ta’ nisa tqal li jinsabu f’ċirkostanzi diffiċli, xorta jibqa’ jkun hemm min jiżloq mix-xibka u jispiċċa f’kaxxa ta’ żraben fi sqaq kiesaħ.
U llum, meta l-Irxoxt jgħaddi biswit il-Baċir Numru Wieħed u jaqbad in-niżla ta’ San Pawl, ftit ’il bogħod minn fejn instemgħet il-bikja ta’ l-abbandun, mhux se jkun hemm festa fi Triq Guliermu. Il-festa f’dak l-isqaq kiesaħ li welled il-ħajja tista’ tistenna.
ksansone@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt