08 ta' April 2007
Sindku Laburista jiddefendi Ministru li għalaq l-aċċess ta’ Wied Babu
Julia Farrugia
Il-Ministeru ta’ Ninu Zammit, reponsabbli mill-proġett tal-Belveder fuq il-ħnejja magħrufa bħala ‘Ta’ Wied iż-Żurrieq’, għalaq l-aċċess għall-Wied Babu.
Dan il-wied hu l-uniku tax-xorta tiegħu fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Għal mijiet ta’ snin il-wied kien aċċessibbli għall-poplu u mfittex mhux biss mill-familji ta’ l-irħula tal-madwar iżda wkoll minn diversi gruppi fosthom ta’ l-iscouts u tal-MUSEUM li jagħżlu lil dan il-wied bħala post ta’ rikreazzjoni għat-tfal Maltin.
Iżda f’dawn l-aħħar xhur il-wied iddawwar minn poġġaman ta’ ġebel u ħadid bħala parti mill-proġett immexxi mill-Ministru Zammit. Fejn qabel kien hemm bokka li twassal għall-mogħdijiet antiki issa din ingħalqet. L-istess mogħdijiet iddawru b’ġebel żgħir biex issa l-wied m’għadux aktar aċċessibbli. L-uniku mezz biex wieħed jinżel f’Wied Babu hu billi jgħaddi mill-kamra tan-nar tal-Karmnu taż-Żurrieq li f’Mejju 1989 kienet splodiet u ħalliet żewġ vittmi.
Din il-gazzetta investigat jekk il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq ħax azzjoni dwar din l-illegalità.
Mitlub jikkummenta s-Sindku Ignatius Farrugia qal biss li “kellimt verbalment lil Ministru Ninu Zammit”.
Fir-realtà din il-kwistjoni ilha li tqajmet fil-laqgħat tal-Kunsill madwar xahar u nofs ilu. Skond is-Sindku kien hemm żewġ kunsilliera, Raymond Grixti u Joseph D’Amato, li semmew din il-kwistjoni fil-Kunsill.
Farrugia jaqbel li “hu ta’ periklu li familji jkollhom jgħaddu biss minn ħdejn il-kamra tan-nar biex jinżlu Wied Babu.”
Mistoqsi jekk talabx bil-miktub biex l-aċċess oriġinali għal Wied Babu jinfetaħ Farrugia qal li “ma kienx hemm il-ħtieġa għax naħseb li ma’ Ninu Zammit bil-kliem biżżejjed.” Mistoqsi għal darba tnejn kemm hu aċċettabbli li minn fuq din il-kwistjoni minkejja l-kliem ‘verbali’ Wied Babu għadu magħluq għall-pubbliku, is-Sindku ddefenda lill-Ministru Ninu Zammit. Skond is-Sindku Laburista “żgur li Ninu Zammit għalaq l-aċċess għal Wied Babu b’misunderstanding.”
Għall-pressjoni ta’ din il-gazzetta Farrugia wiegħed li jekk jara li ma tittiħidx azzjoni se jagħmel kollox bil-miktub. Mistoqsi x’ultimatum se jagħti, hu baqa’ ma weġibx. Id-dettalji dwar dan il-każ u r-rapporti li rċevejna minn nies tal-madwar għaddejnihom lill-MEPA għall-investigazzjoni tagħha.
Fl-imgħoddi kienet tgħaddi xmara minn Wied Babu. Ħafna bdiewa kellhom l-għelieqi tagħhom fil-wied u fl-inħawi. L-art kienet imfittxija għall-kwalitajiet sinjuri tal-ħamrija li jingħad li kellha livell għoli ta’ ħadid u minerali.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt