08 ta' April 2007
Bieb magħluq għar-Regatta... imma miftuħ għall-futbol Malti
Jekk qed taħseb li l-intervista ta’ din il-ġimgħa mhix waħda sportiva tinħasadx għalxejn. Ir-ritratt hawn fuq jurik personaġġ famuż ħafna fix-xena politika u ġurnalistika Maltija. L-istess persuna hu midħla sew fl-isport inġenerali, l-aktar il-futbol u r-Regatta. F’mument bħal dan, wara ġimgħa mir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien, rajt li kien il-mument opportun biex insir naf kif bniedem li kien midħla daqshekk ta’ dan l-isport tradizzjonali Malti kellu jispiċċa ħesrem. Flimkien sibna ħin biex nitkellmu fuq kollox u nasal ngħid li minn dak li kellu xi jgħidli tkellimna ħafna aktar fuq affarijiet oħra milli r-Regatta tradizzjonali nnifisa.
Joe Mifsud jibqa’ l-istess bniedem li kapaċi jitkellem fuq kollox. Ta’ kull mistoqsija li għamiltlu rrisponda għaliha mill-ewwel u aktar minn hekk tagħni d-diskors f’ħalqi biex nespandi aktar fuq suġġetti oħra li qatt ma kont nippretendi li se niddiskutihom miegħu qabel.
Wieħed ta’ min jammira l-kuraġġ li bih jesprimi l-prinċipji li jemmen fihom, anki ma’ nies li jistgħu ma jkunux jaqblu miegħu. Personalment inħoss li l-professjoni ta’ Avukat hi l-aktar waħda addattata għalih. Nemmen li ’l quddiem se nisimgħu aktar bil-kapaċitajiet tiegħu f’din il-professjoni.
Iltqajt miegħu t-Tnejn li għadda fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Għalkemm miegħu xi ftit fuq politika trid titkellem bilfors, ippruvajt nagħmel minn kollox biex għal din is-siegħa npoġġu bil-qiegħda f’post ’il-bogħod mid-Dar il-Ħamra. Ma rnexxilix. Nasal qablu u nsib ftit ħin biex indur is-swali tal-bini u nsellem lil xi nies li naf. Jitfaċċa u jgħidli li nqabad fit-traffiku. Għalih ma kienx każ mitluf li wasal tard!
Jgħidli li ftit mgħaġġel u f’inqas minn siegħa ried ikun preżenti għal xi laqgħa importanti. Insejt li fl-istess ġurnata kien hemm Eżekuttiv jaħraq. Nitilgħu sparati fit-tielet sular, dritt fl-uffiċċju tiegħu. Il-wiċċ taż-żewġ skrivaniji tiegħu ma jidhrux. Karti ma’ kullimkien, inkluż fl-art. Nappellalu biex jaħtar assistent bl-aktar mod urġenti! Mal-faċċata tat-tieqa li tagħti għal barra nara mwaħħla bandiera bil-kuluri tal-qawsalla u l-kelma Peace. Naħseb li ilha hemm minn żmien l-aħħar gwerra ta’ l-Iraq. Nirrifjuta grokk whiskey li ried joffrieli. Ma jafx li mhux ix-xarba favorita tiegħi! Silenzju taqtgħu b’sikkina. Nibdew…
“Jien bniedem normali li nħoss bħal kulħadd. Jekk ikolli għalxiex nifraħ, nirrabja u nitnikket nesprimi s-sentimenti tiegħi bħal ħaddieħor. Naħseb li jien bniedem iebes imma ġust. Jekk hemm ħajt u rrid ngħaddi minnu, ibqa’ ċert li xi darba jirnexxili. Parti minn ħajti f’dan ir-rigward kienet l-istudju. Dejjem ħlomt li nsir avukat. Kienet diffiċli ħafna għax għaddejt minn snin twal ta’ studju, imma sa fl-aħħar wasalt fejn kelli nasal.
“Iktar milli stramb jaħsbuni selvaġġ. U dan għax fid-dinja jekk tiġġieled għad-drittijiet tiegħek u ta’ ħaddieħor u tipprova tagħmel l-affarijiet kif suppost ma tinżilx tajjeb ma’ kulħadd.”
Joe Mifsud twieled fid-29 ta’ April 1968 taħt l-istilla Taurus. Miżżewweġ lil Maria u joqgħod in-Naxxar. Huma ħafna dawk li jabbinawh mal-Marsa.
“Għalkemm noqgħod in-Naxxar, jiena Mosti. L-unika konnessjoni tiegħi mal-Marsa kienet li għal ħames snin kont il-President tal-Club tar-Regatta. Dħalt fil-futbol Malti grazzi għall-President ta’ Naxxar Lions, Michael Zammit Tabona. Darba talabni nagħti servizz lill-club u jien aċċettajt bil-qalb kollha. Michael hu wieħed mill-ħbieb il-kbar li għandi tant li hu wieħed mix-xhieda tat-tieġ tiegħi.
“Għalkemm ħajti mżewqa b’ħafna affarijiet, il-qofol ta’ kollox tibqa’ l-professjoni għax minn hemm jiddependi l-għixien tiegħi. L-aktar importanti hu li nagħti xogħol tajjeb lill-klijenti tiegħi għax għal kull għadma hawn mitt kelb, l-aktar fix-xogħol tagħna ta’ avukati. Fil-ħin liberu tiegħi nħobb nagħti ħafna ħin lill-Partit Laburista. Ilni tesserat fil-partit mill-1986.
“Kemm ili Segretarju Internazzjonali x-xogħol tiegħi żdied ħafna. Fil-ħidma tiegħi ltqajt ma’ ħafna personalitajiet. Iżda sirt ħabib sew ta’ żewġ personalitajiet ewlenin fil-politika Taljana bħal Massimo D’Alema li dejjem ninku lil xulxin għax hu mar-Roma u jien mal-Juventus. Ma’ Piero Fassino naqbel ħafna għax Juventin bħali. Għamilt diskussjonijiet sħaħ magħhom fuq il-futbol.
“Fil-ftit ħin li jifdalli liberu nipprova nara xi logħba futbol, prefiribbilment lill-Juventus. Imma m’jienix xi wieħed minn dawk li jekk jitlef it-tim barrani tiegħi tkun waqgħet id-dinja. Nagħtu każ, meta jitilfu l-Inter u nidħol fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tkun qisha waqgħet id-dinja għal ċerti nies.
“Minbarra li ammiratur kbir ta’ Del Piero, f’Malta Gilbert Agius hu fost l-aktar favoriti tiegħi iżda nsegwi ħafna lil Michael Mifsud. Ma’ kull tim li lagħab spiċċajt insegwi l-andament tiegħu. Issa qed insegwi bil-ħerqa lil Coventry.”
Inkellmu fuq ir-Regatta. Kif spiċċa mill-kariga li kellu?
“Għamilt ħames snin President tal-Marsa u magħhom irbaħt kollox u anke rnexxielna naqsmu minn Sqallija għal Malta. Spiċċajt wara l-inċidenti li kienu ġraw meta xi dgħajjes daħlu ġo xulxin. Għamilt ġimagħtejn ma nidħolx il-Belt għax kont mhedded. Kien hemm ċerti persuni li anke allegaw li jien qabbadt lill-Kummissarju biex jarresta lil xi nies. Kont diżappuntat ħafna għax President u Kumitat ma jkunux jafu x’se jagħmlu l-qaddiefa. Rajt ħafna intimidazzjoni minn ċerti nies li kien aħjar għalija li ma nibqax aktar fir-Regatta. Jien il-vjolenza ma nistax għaliha. Wieħed għandu jiġġieled il-punt tiegħu bir-regolamenti u mhux bl-idejn. Issa Regatta żgur li daqshekk. Il-ftit ħin li għandi liberu nqattgħu fil-futbol u l-politika.”
Jgħidli kif f’dan il-pajjiż bħal donnu mhux aċċettabbli l-fatt li jekk persuna jkollha x’taqsam mal-qorti, ma tistax tkun fl-isport ukoll.
“Jien jiddispjaċini li għandna l-Kummisjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja li qed tagħmel pressjoni enormi fuq żewġ personaġġi mill-aqwa li għandha fil-qasam sportiv Malti. Qed ngħid għall-imħallef Lino Farrugia Sacco fl-MOC u għall-Maġistrat Antonio Mizzi li fil-qasam tal-Basketball. Saħħa li għandna nies bħal dawn b’morali għolja li qegħdin f’karigi sportivi qed issirilhom il-pressjoni u kważi intimidazzjoni li ħa jieħdu passi kontrihom jekk jibqgħu jmexxu dawn l-assoċjazzjonijiet. Jien infurmat li anke infurmawhom li se jittieħdu passi kontrihom.”
Minbarra membru fl-MFA, Joe Mifsud għandu wkoll rwolijiet bħala membru fil-Bord tad-Dixxiplina ta’ l-MFA u wieħed minn dawk li janalizza l-programmi li jkollha l-assoċċjazzjoni. Hu wieħed minn dawk li sal-lum il-ġurnata għadu jopponi bis-sħiħ li klabb lokali jilgħab aktar minn tliet barranin fil-kampjonat Malti. Personalment inħoss li l-MFA kienet intelliġenti kif iddur ma’ din il-klawsola imma persważ li kollox sar biex jiġu protetti l-plejers Maltin.
“Jien inħobb il-futbol Malti u l-prodott Malti. Kien hawn min qed jaħseb li għax sirna membru sħiħ ta’ l-Unjoni Ewropea se jġib tim kollu barrani u t-tfal Maltin ma jilagħbux. Jien wieħed minn dawk li nemmen li għandna nagħmlu l-protezzjoni kollha meħtieġa lill-plejers Maltin ħalli dawk li qed jitħarrġu fin-nurseries isibu posthom fil-futur. Hawn Malta ġieli kellna barranin li għandhom livell inqas u jitħallsu aktar mill-Maltin u jilagħbu huma flok it-tfal tagħna.
“Il-liġijiet ta’ l-UE qegħdin hemm u għandek kif tgħaddotahom. Jien naqbel ma’ l-MFA li qed tara kif tipproteġi lit-tfal Maltin. Hawn nies li ma nafx kif jippretendu li huma patrijotti Maltin meta l-intenzjoni tagħhom dejjem kienet li jikkritikaw lill-MFA u lilna li għandna dan l-interess.
“Ir-regola ta’ l-MFA hi attwata b’mod regolari ħafna. Ħadd s’issa għadu ma ġibed l-attenzjoni fuqha. L-UE ġibditilna l-attenzjoni fuq il-kaċċa, l-insib, id-dazji tal-karozzi, t-taxxa ta’ l-ajruport u affarijiet bħal dawn. Imma fuq din ir-regola m’hemm xejn li jmur kontra l-UE.”
Ngħidlu li hu persuna die hard tiegħu u diffiċli biex jikkritkah f’xi ħaġa. Nistaqsih jekk bħala l-akbar siġġu fl-Assoċċjazzjoni tal-futbol Malti qattx żbalja jew le. Ifaqqa’ daħka ħafifa u jkompli…
“Jien nappoġġja lil Dr. Joe Mifsud u tgħidlix li għax die hard u m’hux. Imma fejn ma naqbilx miegħu ngħidulu b’wiċċi minn quddiem. Joe Mifsud jagħmel l-iżbalji wkoll. Imma hemm min ipinġih bħala xi mostru li qed joħnoq l-iżvilupp tal-futbol Malti meta l-fatti juru bil-maqlub. Jien ngħidlek li hu l-ossiġnu tal-futbol Malti.
“Rajtu jaħdem u ħdimt miegħu. Kulmeta ried jasal x’imkien dejjem wasal. Li tara llum f’Malta b’konnessjoni mal-futbol bnieħ kollu Joe Mifsud u t-tim li kellu madwaru.
“Min ma jagħmel xejn u joqgħod gallarija jgħid li jrid minn fuq is-siġġijiet u t-televiżjoni ma jagħmilx żbalji. Imma meta tattwa tista’ tiżbalja wkoll. Jien snin ilu kont wieħed mill-kritiċi ta’ Joe Mifsud għax ma kontx naf kif jaħdem. L-istima li għandu madwar l-Ewropa ma akkwsitahiex b’kumbinazzjoni. Li minn Malta għandu siġġu fl-eżekuttiv ta’ l-UEFA mhux ċajta. U bis-saħħa ta’ dan, Malta gawdiet ħafna fix-xena internazzjonali. Fejn qatt xi darba kien se jkollna l-uffiċjal Manuel Zammit fl-aħħar fażijiet tat-Tazza tad-Dinja?
“Ma nistax ma nsemmix ukoll lill-Viċi President, Dr. Ludovigo Micallef. Ħadem ħafna biex ġab xi 50 pitch mill-UEFA li bihom mela kull raħal. L-isport f’Malta hu essenzjali u nappella biex fil-Curriculum Nazzjonali ta’ l-edukazzjoni jkun hemm iktar enfasi fuq l-isport.
Allura bħala bniedem li jagħmel parti mill-MFA, jara lok għal titjib?
“Iva. Jien tweġġagħni ħafna meta nkun fil-Bord tad-Dixxiplina u jkollna nissospendu xi plejer żagħżugħ fuq xi ksur ta’ regolament. Din is-sena ċċelebrajna l-50 anniversarju mill-ewwel logħba internazzjonali, qed niċċelebraw l-ewwel qaddis Malti u l-President reġa’ ġie elett fuq il-Bord ta’ l-Eżekuttiv tal-UEFA. Jekk żagħżugħ tissospendih fit-tul hemm ċans li jieqaf mil-logħba u jaqa’ f’xi vizzju. Jien nemmen li għandha tingħata amnestija sakemm ma jkunx każ ta’ korruzzjoni.”
“Nixtieq li ssir il-paċi bejn l-MFA u l-istazzjonijiet lokali kollha tat-televiżjoni. Importanti li naraw aktar fuq l-isport Malti u mhux hawn min hu bħalek li dejjem iqajjem il-gwerer fuq it-timijiet barranin. Ċert li bis-saħħa ta’ Dr. Kevin Aquilina f’isem l-Awtorità tax-Xandir, iż-żewġ partijiet se jaslu.
“Fuq iċ-ċifra mitluba mill-MFA lill-istazzjonijiet lokali mhux se nitkellem għax smajt ħafna differenti. Jien għalija l-PBS daħħlu lil kulħadd fl-ixkora. Ix-xandar nazzjonali għandu dmir li jxandar il-futbol Malti u jekk hemm ċerti drittijiet biex jieħu xi logħbiet għandu jixtrihom u mhux jevitahom għax aħna ma nħallsux il-liċenzja ta’ xejn. Ma kellhiex tkun deċiżjoni mill-qorti tal-Maġistrat Silvio Meli biex rajna logħba tat-Tazza tad-Dinja! Jien it-tort ta’ dan nagħtih lix-xandir ta’ l-Istat għax hu jiġbor il-flus mil-liċenzja u mhux is-Super 1 u n-Net. Ma nistax nimmaġina li kien hemm każ ta’ programm sportiv li ġie rrekordjat xi tlett ijiem qabel ma xxandar. Naħseb li fil-PBS hemm ħafna nies kapaċi li mhux qed jingħataw ċans jaħdmu.”
Żgur li l-aktar kwistjoni taħraq fil-mument hi l-elezzjoni li se jkollna dalwaqt bejn Norman Darmanin Demajo u l-President preżenti, Dr. Joe Mifsud. Li hu kien se jappoġġja lill-Avukat ma kelliex dubju. Nistaqsih biss kif jara din it-tellieqa.
“Jien elezzjoni ma ddejjaqnix għax fiha nnifisa jkollok l-għażla bejn persuna u oħra. Però importanti li meta jkun hemm elezzjoni bħal din il-votant janalizza fuq il-fatti u mhux fuq xi ħadd li jiġi jgħidlek xi ħaġa immaġinattiva.
“Jiena nemmen li Norman Darmanin Demajo għandu postu fl-MFA kif diġà kellu. Imma hemm bżonn kif insibu mezz kif kulħadd jaħdem ma’ xulxin. Kulħadd jista’ jagħti l-kontribut tiegħu mingħajr ma wieħed jaqla’ lil ieħor. Nemmen li kieku Darmanin Demajo jkollu rwol ieħor ikun aktar ta’ ġid għall-MFA għax ikollok żewġ persuni tajbin u ma tkun tlift lil ħadd minnhom.”
Imma f’każ li jkun elett President Norman Darmanin Demajo, Joe Mifsud ikun lest jaħdem miegħu?
“Jien qatt ma ġġilidt ma’ Norman Darmanin Demajo. Kellimtu darba jew darbtejn f’ħajti allura ma nistax ngħid kif jaħdem eżatt. Imma konvint li d-delegati ta’ l-MFA se jivvutaw fuq l-aħjar għażla u allura Dr. Joe Mifsud m’għandux ma jerġax ikun president ta’ l-MFA. Imma jista’ jkun li sa dak iż-żmien jirranġaw l-affarijiet u jkunu hemm it-tnejn f’daqqa jaħdmu flimkien.
“Ma tistax tgħid x’se jiġri anki għax qed isemmu ħafna ismijiet. Anki fuqi ġew xi klabbs u offrewli biex noħroġ għal Viċi President. Għidtilhom mill-ewwel li m’għandix ħin u anke għax jien għandi fiduċja sħiħa fit-tmexxija ta’ l-MFA u allura nista’ biss nappoġġjahom. Naċċetta biss f’każ li jkun hemm xi post vakanti fl-Eżekuttiv.”
Niftakar li kien qalli li qara l-intervista tal-ġimgħa l-oħra ta’ Luke Dimech. Naf ukoll li kien wieħed minn dawk preżenti f’isem l-MFA mal-kontinġent Malti fil-Moldova.
“Naħseb li hu wieħed mill-isbaħ żminijiet għat-tim Nazzjonali tagħna. Impressjonajt ruħi bid-dixxiplina umana tal-kowċ Dusan Fitzel. Il-mod familjari li jikkomunika bih mal-plejers hu kbir. Ma nistax ma nfaħħarx lit-tim manager. Kieku jien ikolli xi pożizzjoni fil-pajjiż lil Ivan Vella nieħdu miegħi daqs kemm jaħdem professjonali. Hemm kumpless ta’ nies entużjasti li jaħdmu minn qalbhom.”
Insib ħin biex ngħidu kelmtejn fuq il-ħajja personali tiegħu. Snin ilu kont nafu biss bħala personalità minn fuq it-televiżjoni u dejjem irreferejt għalih bħala ġurnalist. Imma llum il-ġurnata, din il-karriera hi biss waħda li spiċċat?
“Issa ilni sentejn mhux ġurnalist. Għadni kummentatur f’rokna qasira fil-programm Bla Aġenda ta’ Norman Hamilton u nikteb opinjoni kull ġimagħtejn fil-ġurnal l-Orizzont. Issa bdejt nikteb ktieb fuq it-terroriżmu. Kultant ngħin xi ftit lil sħabi Kurt u David tal-Maltastar. Hi linja sabiħa li kultant nimmisjaha.”
It-telefon fl-uffiċċju tiegħu kien daqq ħames darbiet sakemm iddeċieda li jqum minn bil-qiegħda, jilbes il-ġlekk u jgħidli li kien sarlu l-ħin biex jinżel fit-tieni sular. Naħseb li Joe Mifsud hu bniedem meħtieġ sew minn sħabu fix-xogħol tal-Partit tiegħu.
“Nirringrazzja lil kulmin b’xi mod għeni nibni l-personalità tiegħi kemm mil-lat akkademiku kif ukoll fil-valuri tiegħi. Lil dawk li f’ħajti għamluli l-ħsara nirringrazzjahom ukoll għaliex għenuni nibni karattru sod. Kien hawn min ħaseb li se jaqtagħli qalbi imma kien żbaljat għax aktar impenjani fil-ħidma li kont qed inwettaq. Fl-aħħar snin sibt għajnuna u appoġġ kbir mill-mara tiegħi, Maria.
”M’jienix sportiv u l-mara ma taqbilx miegħi fuq hekk. Irrid insib ħin aktar biex nipprattika xi sport. Jekk ikun hemm xi logħba futbol ma niddejjaqx nagħti xi xutt.
Sakemm induru t-tliet kantunieri li jwassluk sal-bieb ta’ barra tas-sular, insaqsih kemm hu sportiv il-Partit Laburista.
“Għandna lil Charles Mangion maratonist u lil Jason Micallef ċiklist.”
U kieku l-MLP jilagħab logħba futbol kontra l-PN, x’pożizzjoni jippreferi jkollu fil-ground?
“Nattakka”, kien pront wieġeb. Kos…imma Avukat mhux xogħlu jiddefendi? “Veru, imma meta tattakka d-difiża avversarja tiġi awtomatikament inutli.”
Ngħidlu li xorta trid toqgħod attent għax taf tinqabad ħesrem b’xi kontrattakk. Jagħtini risposta f’waqtha.
“Jekk ikollok pjan u kaptan tajjeb diffiċli ħafna biex jaqbduk b’xi kontrattakk.”
Ma kienx għad fadallu ħin, anqas biex ninżlu flimkien fil-lift. B’ġirja waħda jinżel sular taraġ. Ma nafx ridx jimpressjonani. Deher evidenti li mhux sportiv. Għall-inżul kull qaddis jgħin…
mattard@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt