Fabrizio Ellul hu artist bl-ewwel wirja tiegħu waħdu li se ssir fil-Mużew ta’ l-Arti l-Belt b’disa’ pitturi li jittrattaw figuri u aktar. L-isem Mitte għal wirja ġej mill-kelma Ġermaniża ‘mitte’ li tfisser fiċ-ċentru. Għażilha għax hi kelma sempliċi mingħajr l-ebda frilli jew romantiċiżmu, kif wara kollox jaf ikun l-ilsien Ġermaniż. Ix-xogħlijiet tiegħu huma influwenzati mill-ħajja urbana li għamel sena jgħix fiha meta kien f’Ruma jistudja. F’din il-belt hu fehem x’ried mill-Arti tiegħu – li jinkludi l-atmosfera li tinħass f’belt Ewropea urbana.
Bħala arti, l-iktar li togħġbu hi dik minimalista simili għall-arkitettura moderna u d-disinn grafiku. Għalkemm imbagħad xorta jogħġbuh artisti bħal Leonardo, Ingres, Rodin u Picasso.
Fabrizio jqis is-safar u l-ivvjaġġar essenzjali fil-qasam tiegħu għal xi ħadd li joqgħod fuq gżira. Min kif jitkellem dejjem joħroġ il-fatt li hu affaxxinat bil-kulturi differenti Ewropej, speċjalment ta’ bliet kbar fejn iħoss ċerta elettriċità meta jkun f’belt li hi esperjenza fiha nnifisha.
L-artist iqis ix-xogħlijiet tiegħu bħala medji għalkemm forsi għall-ispettatur jidhru ta’ daqs kbir. Kieku jista’ jpinġi fuq tili ta’ żewġ u anki tliet sulari. Jogħġbu ħafna l-fatt li jkun jista’ jpinġi b’ġismu kollu, li hu jsejjaħ performance, minħabba l-movimenti kbar li jkollu juża, waqt li jpinġi. Iżda għalissa dan hu biss ħolm fuq l-ixkaffa minħabba li spazju kbir daqshekk għad m’għandux, inqas u nqas fejn iżomm xogħlijiet daqshekk kbar.
Għal quddiem jixtieq imexxi l-arti tiegħu lejn narazzjoni ta’ stejjer. Għaraf li l-astratt, sa ċertu punt, jillimitah minħabba li bih ma tantx tista’ tirrakkonta stejjer.
Iġib l-eżempju ta’ bomba li splodiet f’Baghdad. Jispjega li permezz ta’ l-astratt “tista’ tpoġġi l-emozzjonijiet tiegħek dwar xi ħaġa bħal din f’forma ta’ kulur imma jien ma rridx hekk! Irrid inkun dirett, bħal ritratt ta’ gazzetta, fejn niddokumenta mhux nikteb proża dwarha!”
Il-wirja tibqa’ għaddejja sat-23 ta’ April fil-Mużew ta’ l-Arti fi Triq Nofsinhar, il-Belt. Dħul għall-wirja b’xejn fejn id-9am u l-4.30pm. Għal aktar tagħrif dwar l-artist żur www.fabrizioellul.com
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt