08 ta' April 2007
X’tgħid il-Bibbja dwar il-viżjonijiet
minn Charles Borg, Naxxar
Ħassejtni fid-dmir biex nikteb fil-qosor kemm jista’ jkun dwar il-ħafna spekulazzjonijiet dwar viżjonijiet.
Madwar id-dinja nisimgħu u naqraw dwar nies li raw xi viżjoni. Ma nistgħux nitkellmu fuq affarijiet reliġjużi qabel ma nfittxu naraw xi tgħid il-Kelma ta’ Alla dwar dan is-suġġett.
Min jemmen verament f’Alla irid jemmen ukoll f’dak li jgħidilna hu fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Issa ħa naraw pass pass xi tgħid il-Bibbja dwar viżjonijiet:
2 Korintin 5:7, “ Aħna ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni.” Alla stess qed jgħidilna li m’għandnix bżonn naraw biex nemmnu. Imma sfortunatment ħafna nies iridu jaraw biex jemmnu.
Il-messaġġi ta’dawn il-viżjonijiet tista’ tgħid kollha jgħidu biex isir kliem repetittiv. Mattew jgħidilna (6:7): “ Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħal pagani, dawn mingħalihom li, aktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu. Tkunux bħalhom għax Missierkom jaf x’teħtieġu qabel ma titolbuh intom.”
Ukoll f’dawn il-messaġġi nisimgħu dwar medjaturi bejn il-bniedem u Alla. Imma fil-Kelma ta’ Alla hemm miktub ċar li ħadd mhu medjatur ħlief Ġesù.
Lhud 9:15: “ U għalhekk hu medjatur ta’ patt ġdid, testment ġdid”.
Ġesu qalilna li ħafna se jiġu jqarrqu bin-nies. Mark 13:21-23: “ Jekk mela xi ħadd jgħidillkom, ‘Ara, hawn hu l-Messija’, jew, ‘Hemm qiegħed, ara’, la temmnuhx. Għax għad jitfaċċaw ħafna messijiet foloz u profeti foloz, u jibdew jagħmlu sinjali, u għeġubijiet biex iqarrqu, jekk jista’ jkun imqar bil-maħturin. Għalhekk oqogħdu attenti; għedtilkom kollox minn qabel.”
Ħaġa oħra importanti li rridu noqogħdu attenti għaliha hi x’qawwa għandu Satana.
Fit-tieni ittra lill-Korintin (11:14) jingħad: “Mhux għaġeb, għax Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl.”
Mela fil-qosor rajna x’tgħid il-Kelma ta’ Alla dwar il-viżjonijiet. Jonqos biss l-aħħar twiddiba minn Alla kif tidher f’Efesin 5:6: “Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fieragħ, għaliex ninħabba f’hekk tinżel il-korla ta’ Alla fuq dawk li ma jisimgħux.”
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt