minn Carmel Falzon, Sindku, Neil Spiteri, Segretarju Eżekuttiv Kunsill Lokali Qrendi
Nirreferu għal dak li nkiteb fil-ħarġa ta’ nhar il-Ħadd 1 ta’ April bit-titlu ‘Iċ-Ċaqnu u l-Magħtab tal-Qrendi.’
Qabel xejn nirringrazzjaw lil din il-gazzetta li tat importanza lis-sitwazzjoni ħażina li ta’ kuljum qed iħabbtu wiċċhom ir-residenti Qrendin.
Il-Kunsill tal-Qrendi ilu sa mill-2003 isegwi mill-qrib din l-istorja. Għandna wkoll fajl sħiħ mimli b’korrispondenza li kellna mal-Ministru ta’ l-Ambjent, il-MEPA u l-WasteServ dwar din l-istess kwistjoni u li hu disponibbli għal kulmin jixtieq jagħtih daqqa ta’ għajn fl-uffiċċju tal-Kunsill.
Il-barriera tal-Modurbu u l-barriera qrib tagħha ta’ Xagħar Imqalleb jinsabu fil-limiti ta’ l-Imqabba. Madankollu l-ammonti kbar ta’ trakkijiet li jgħaddu kuljum biex jordmu fil-barrieri jidħlu minn żona residenzjali tal-Qrendi, jiġifieri Triq l-Imqabba u Triq is-Siġġiewi, u jerġgħu joħorġu mill-istess toroq. Dan għad-detriment tar-residenti Qrendin li ilhom snin twal isofru fit-trabijiet li t-trakkijiet jikkawżaw, minbarra perikli oħra fosthom ta’ overspeeding u radam mhux mgħotti kif suppost.
Sa mill-2003 il-Kunsill tal-Qrendi, permess ta’ ittri lid-Direttur tal-MEPA, kien oġġezzjona li trakkijiet jgħaddu minn toroq residenzjali fil-Qrendi u anki ssuġġerixxa toroq alternattivi jew li tinfetaħ triq minn wara l-barrieri biex it-trakkijiet ma jkunux ta’ inkonvenjenzi għar-residenti.
Il-problemi kbar dwar dawn il-barrieri bdew saħansitra qabel ma’ l-MEPA ħarġet il-permessi tagħha tant li l-Kunsill, fil-laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret fl-1 ta’ April tal-2004, kien preżenti u ppreżenta dossier b’ritratti ta’ trakkijiet deħlin u ħerġin jordmu illegalment.
Il-permess ingħata u ħaġa ta’ l-iskantament il-MEPA lanqas biss aċċettat li almenu t-trakkijiet jidħlu mill-Qrendi u joħorġu mis-Siġġiewi jew viċi versa wara li kien hemm oġġezzjoni mis-Sindku tas-Siġġiewi. L-awtorità sostniet li t-trakkijiet kellhom jidħlu u joħorġu mill-Qrendi biss! Bħallikieku n-nies tal-Qrendi għandhom xi ħaġa agħar minn ħaddieħor!
Matul dawn l-aħħar snin il-Kunsill għamel kemm-il darba rappreżentazzjonijiet favur ir-residenti tal-Qrendi u ktibna kemm-il darba. Bgħatna patafjun ritratti lil numru ta’ entitajiet. Fix-xita l-problemi jkunu ta’ tjun kbar, fin-niexef ikun hemm trabijiet enormi. Sadanittant il-Kunsill baqa’ jirċievi lmenti minn nies li fost oħrajn ibatu minn problemi tan-nifs.
Fis-17 ta’ Frar 2005, il-Ministru ta’ l-Ambjent George Pullicino attenda għal-laqgħa għall-Kunsilli tal-madwar fil-Qrendi dwar tema oħra iżda wkoll konnessa ma’ l-ambjent, u aħna ħadna ħsieb li ntarrfulu bil-problemi kbar ambjentali li jeżistu f’dawn l-inħawi. Sfortunatament dak inhar il-Ministru ma sabx il-ħin li jiġi magħna fuq il-post. Imma magħna rnexxielna nieħdu lill-Inġinier Vincent Magri CEO tal-WasteServ u lil Nick Degiorgio li qablu magħna li s-sitwazzjoni fl-inħawi kienet tabilħaqq diżastruża.
Tant hu hekk li nħareġ stop notice lill-iżviluppatur fejn twaqqaf milli jkompli bl-irdim. Lill-Ministru Pullicino dakinhar stess bagħtnilu ittra u ritratti dwar is-sitwazzjoni. Din l-ittra ntbagħtet fit-18 ta’ Frar 2005.
Fit-28 ta’ Ġunju 2005 erġajna ktibna dwar l-istess suġġett peress li s-sitwazzjoni baqgħet ma nbidlitx anki jekk il-kuntrattur suppost kellu ordnijiet biex inaddaf it-tjun u t-trabijiet kollha li kien hemm wara l-enforcement notice.
Sadanittant kompliet issir ħsara tremenda fuq Triq is-Siġġiewi fil-Qrendi, ħsarat li seħħew fuq medda ta’ madwar 1,050 metru. Is-sitwazzjoni ta’ din it-triq tant hi orribbli, b’ħofor enormi, li l-Kunsill żġur li qatt u qatt ma jista’ jagħmel tiswijiet fiha imma trid tinbena mill-ġdid. Dan għaliex għandha ħsarat kbar ta’ ’il fuq minn 70 fil-mija. Stimi li għandu l-Kunsill dwar din it-triq jindikaw spiża ta’ madwar Lm118,559 biex it-triq tinbena mill-ġdid, stima li taqbeż l-allokazzjoni finanzjara tal-Kunsill għal sena sħiħa!
Il-Kunsill kompla bil-pressjoni tiegħu b’numru ta’ emails, ittri u telefonati. Id-Direttur fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Ambjent, Christopher Ciantar, f’ittra li bagħat lill-Kunsill nhar is-17 ta’ Mejju 2006, issuġġerilna li lmenti ta’ din ix-xorta nibdew ngħadduhom direttament lill-MEPA, l-awtorità kompetenti għall-infurzar tal-kundizzjonijet tal-permessi.
Il-Kunsill hekk għamel u f’ittra lill-MEPA datata 2 ta’ Ġunju 2006 lil Godwin Cassar, Direttur Ġenerali tal-MEPA, il-Kunsill ikkwota parti mill-kundizzjonijet tal-permess fosthom li fi Triq is-Siġġiewi għandu jsir “resurfacing għas-sodisfazzjon tal-Kunsill Lokali b’konsultazzjoni ma’ l-ADT.”
Risposta importanti li rċevejna bil-miktub mingħand il-Ministeru ta’ l-Ambjent fit-22 ta’ Frar 2006 kienet tgħid hekk: “Regarding complaint by Local Council of Qrendi you may wish to note site has been inspected. The quarry will operate for its last day tomorrow”, jiġifieri l-permess għall-irdim tal-barrieri skada fit-23 ta’ Frar 2006.
Qed niktbu din l-ittra fit-2 ta’ April 2007, iktar minn sena minn mindu rċevejna din l-ittra. L-ammonti kbar ta’ trakkijiet għadhom għaddejjin minn fuq ir-residenti Qrendin sal-lum. Il-barrieri tal-Modurbu u Xagħri Mqalleb imtlew. Mhux talli hekk, talli kif inkiteb tant tajjeb u kif urejtu bir-ritratti, spiċċajna b’Magħtab ġdida wara biebna b’muntanji għoljin immensi ta’ skart ta’ kostruzzjoni u trabijiet, trabijiet li naturalment jinfirxu ma kwalunkwè żiffa riħ li jkun hemm.
Se nkunu qed insegwu mill-qrib jekk il-MEPA tweġibx għall-mistoqsijiet tal-gazzetta tagħkom. Intom staqsejtu lill-MEPA x’jistipula l-kuntratt mal-kumpanija ta’ Polidano u x’għandu jsir ladarba l-barriera tkun imtliet.
In-nies tal-Qrendi u l-viċinanzi ċertament jixirqilhom aħjar milli kif qed jiġu trattati, sew mill-iżviluppatur u iżjed u iżjed mill-Awtoritajiet, fosthom mill-Ministeru ta’ l-Ambjent, il-WasteServ u l-MEPA.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt