Jekk qabel l-aħħar gwerra dinjija l-poplu tagħna kien mifrud u maqsum anki dwar il-lingwa uffiċjali ta’ pajjiżna, u jekk sa ma ħadna l-indipendenza bla ma l-Ingliżi ppreparawna għaliha, il-poplu baqa’ mifrud, u jekk sa tliet snin ilu meta dħalna fl-Ewropa bqajna mifrudin u llum fis-sena 2007 xorta għad tista’ tilmaħ il-firda, bilfors tistaqsi: allura aħna sa liema sena se nibqgħu sejrin hekk?
Dan ma jfissirx li kemm ilu jeżisti l-Parlament Malti anki meta dan kien maħkum mill-Ingliżi b’Kostituzzjoni maħluqa minnhom, ma kellniex ħafna politiċi patrijotti minn kull naħa tal-Kamra li għamlu u għadhom jagħmlu minn kollox biex itejbu s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna.
Iżda jekk meta aħna konna maħkumin mill-Ingliżi bir-raġun kollu dejjem waħħalna fihom illum f`min se nibdew inwaħħlu?
Nemmen li sa ma ħadna l-Indipendenza assoluta mill-Ingliżi l-politiċi tagħna kellhom idejhom marbuta bl-indħil tal-Gvern Ingliż. Mill-banda l-oħra nemmen ukoll li fis-sitwazzjoni mwiegħra ta’ pajjiżna llum hemm bżonn kbir li l-politiċi, l-ekonomisti kif ukoll il-poplu kollu jifhmuha darba għal dejjem li jekk il-popolazzjoni ta’ pajjiżna hi kbira wisq għaċ-ċokon tagħna, min-naħa l-oħra l-istess popolazzjoni hi ferm ċkejkna għall-ekonomija xejn sabiħa li qegħdin niffaċċjaw illum f’pajjiżna.
Dan joħroġ ċar mir-riżultat negattiv ta’ ħafna min-negozji kbar u żgħar mgħobbijin bi spejjeż kbar f`pajjiżna u madwar Lm50 miljun f’imgħaxijiet fis-sena b’kawża tad-dejn nazzjonali. Għal dan kollu trid tagħmel tajjeb popolazzjoni li bilkemm tlaħħaq man-nofs miljun ruħ.
Nemmen li jeħtieġ jinħoloq kompromess u koperazzjoni bejn il-partiti politiċi u bejn l-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna, kulfejn jidħlu l-politika barranija, it-turiżmu, ix-xogħol, is-saħħa, il-ġustizzja soċjali, il-pensjonijiet, l-edukazzjoni skolastika u b’mod partikulari l-edukazzjoni soċjali mill-bankijiet ta’ l-iskola.
Meta lilna l-Kattoliċi Kristu jgħidilna li saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba (Mt.12,25), ngħid jien, kif wieħed jista` ma jitħassibx dwar il-firda u l-qasma tal-poplu tagħna?
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt