08 ta' April 2007 • Nr 23

Arkivji




 

 

 

08 ta' April 2007
Il-Ministru Pullicino u l-abbuż

minn Carmel Formosa, Zejtun

Skond kif rappurtat fil-ħarġa ta’ Illum tal-11 ta’ Frar dwar korruzzjoni fil-Mepa, il-Ministru George Pullicino qal: “Hija ħasra li għad hawn min jibża’ jikxef każijiet ta’ abbuż” u saħaq ukoll, “li jkun hemm diversi rapporti anonimi ta’ korruzzjoni.”
Issa jekk tkunu tafu b’xi abbuż jew korruzzjoni, speċjalment jekk għandkom kariga f’xi Dipartiment tal-Gvern, hekk agħmlu, irrappurtaw. Ibqgħu ċerti li l-midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika tiħduha f’Diċembru minn taħt dan il-Gvern.
Jaqaw il-Ministru Pullicino ma jafx xi ġralu persuna kunjomu Aquilina li kien uffiċċjal għoli fil-korp ta’ l-Awżiljarji li kienu jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministru Louis Galea, għax kiteb lill-Prim Ministru dwar tberbiq ta’ eluf kbar ta’ liri? Ma jafx kemm inkrew dumpers u inġenji oħra b’Lm100 kuljum u li s-sidien tagħhom kienu kważi kollha nzertaw mis-Siġġiewi? Lanqas il-kompjuters ma nstabu meta ġew biex jagħmlu l-inkjesta għax inħarqu. Dan ma kienx rapport anonimu imma xorta min għamlu spiċċa mżeblaħ u mwarrab.
Fejn kien George Pullicino meta Gauci Borda, li kien Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Biedja u Sajd, kixef x’kien qed isir mill-ħut li jitrabba fiċ-Ċentru ta’ l-Akwakultura f’San Luċjan? Lanqas dan ma kien rapport anonimu imma min għamlu spiċċa skreditat u kellu jirtira qabel iż-żmien. Kulħadd baqa’ billi ħa.
Nesa George Pullicino kemm l-Ombudsman Joe Sammut kien redikolat minn Fenech Adami għax għamel rakkomandazzjoni biex jissewwew l-inġustizzji li saru meta ngħataw il-promozzjonijet fl-Armata?
Imma jekk nesa dawn li għadni kif semmejt żgur għadu jiftakar ir-rapport li għamel dan l-aħħar l-Awditur Ġenerali fuq l-istazzjon tar-radju Voice of the Mediterranean. Ma jafx George Pullicino kemm tberbqu eluf kbar ta’ liri mit-taxxi tal-poplu li wasslu biex dan l-istazzjon ifalli? Dan żġur ma kienx rapport anonimu.
Min kien responsabbli minn dan l-istazzjon u berbaq dawn il-flus, Eċċelenza kien u Eċċelenza baqa’ għax donnu li ma jista’ jmissu ħadd.
L-Awditur Ġenerali, li kien fid-dmir jikxef l-abbużi li saru, spiċċa biex kważi kien investigat hu.
Rajtu x’ħadu dawk li ma beżgħux u kixfu l-abbuż? Ħadu Ġieħ ir-Repubblika tal-Banana.
Aħjar iħalluna! Ma xebgħux jgħaddu ż-żmien bin-nies? Ma xebgħux jidħqu bin-nies? M’hawnx sezzjoni waħda tal-poplu li ma qalitx li daħqu biha. L-aħħar farsa għamluha f’Ħaż-Żebbuġ meta waqqgħu dak il-bini li qalu li hu llegali. Anki sidu li hu partitarju tal-PN qed jgħid li daħqu bih.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt