08 ta' April 2007
Xejn ma jsir għal xejn fil-ħajja
Franica Pulis tintervista lil Hector Bruno
“Jiena twelidt u għext dejjem Triq Sant’Ursula l-Belt ħdejn il-knisja tal-patrijiet ta’ Ġieżu mnejn toħroġ il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Kont abbati f’din il-knisja. Il-ġenituri tiegħi, partikularment il-papà u n-nannu, dejjem kienu involuti f’dak kollu li jiġri fiha. Bla ma trid trabbejt hemmhekk,” beda jispjega Hector Bruno dwar l-imħabba li għandu lejn il-Ġimgħa l-Kbira u l-festi reliġjużi. Hector Bruno m’għandu bżonn ta’ l-ebda introduzzjoni. Fil-fatt meta qalli biex niltaqgħu f’kafetterija fil-mifuħ, bejni u bejn ruħi għidt li mhux se nintervistah bil-kwiet. Biex iltaqa’ miegħi waqaf f’nofs xogħol mill-irħam li qed ipinġi bħalissa għall-mudell ta’ knisja li qed jibni hu stess.
Il-knisja ta’ l-injam tista’ tidħol fiha u ilu s-snin għaddej fuqha. Hi knisja bi rtokki personali b’santi u vari li għożż matul is-snin. Minn kliemu tinduna l-imħabba għal beltu. Fiż-żmien li kien Sindku, infatti, waħda mill-ħolmiet tiegħu kienet li jerġa’ jagħti l-ħajja lill-Belt li skond hu, imxew ħafna f’dan il-pjan għax illum kulħadd fehem l-importanza tiegħu.
“Minn dejjem kont inħobb nagħmel il-mudelli ta’ bini speċjalment tal-Belt u fl-aħħar iddeċidejt li nagħmel din il-knisja. L-iskop tagħha mhuwiex għall-Ġimgħa l-Kbira iżda li tkun armata għal dejjem u miftuħa għall-pubbliku bħala The Miniature Church in Valletta. Fil-Belt għandna kważi 30 knisja iżda waħda żgħira li jkun hemm dejjem se tkun hi l-unika waħda.”
Hector hu persuna li jemmen li ċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru matul il-festi jgħinu lin-nies isaħħu l-fidi tagħhom kif ukoll iwasslu iżjed ftehim u mħabba fosthom.
“L-iskop proprju tagħhom hu dan. Veru li jidħol id-delizzju u t-tradizzjoni imma nemmen li dawn l-affarijiet jgħinu ħafna l-ispiritwalità ta’ dak li jkun. Ma rridux naduraw ix-xbihat imma l-knejjes fihom infushom huma ġawhra kbira speċjalment f’Malta fejn tħoss li l-fidi hi daqshekk qawwija u jġagħluk tidħol aktar fl-ispirtu. Kieku ma jkunx hemm din l-imbuttatura spiritwali aktarx ma tagħmilx dan il-mudell ta’ knisja,” kompla jgħid l-attur.
Qabbel l-istess spiritwalità mal-palk li jagħmlu b’imħabba kbira għalih għax jieħu gost jagħmlu, iżda aktar minn hekk, għax li permezz tiegħu parti mill-udjenza li tarah tmur biex tinsa d-dwejjaq tagħha.
“Naf biċ-ċert li hemm udjenza kbira, li min jaf kemm ikun hemm minnha, li jkunu għaddejjin minn problemi. Jien dejjem nara li dak li nagħmel u dak li ngħid jgħin biex min ikun hemm qed jarani jistrieħ u jidħaq. Fil-fatt hu sagrifiċċju kbir. Imma mbagħad nirċievi ittra, li hi xi ħaġa li tiġri ta’ spiss, ta’: ‘Jien ili ma nidħaq għax mietli t-tifel bid-droga. Ilna ma nidħqu sitt snin. Ġejt u għall-ewwel darba tbissimt meta rajtek tagħmel dik il-parti.’
Jien dik għalija hi l-akbar priedka li wieħed jista’ jagħmel għax tgħin dak li jkun għax jerġa’ jqum mill-ġdid u jiffaċċja r-realtà tal-ħajja. F’kollox hemm din it-tip ta’ rabta. Xejn ma jsir għal xejn fil-ħajja!” qal il-Belti.
Staqsejtu dwar jekk is-soċjetà nbidlitx fejn tidħol ir-reliġjon u l-mod kif tħares lejha. Hu iktar milli jaraha tinbidel, iktar timmatura. Minn fuq tidher li qed tistaqsi u tiddubita “imma l-fatt li tiddubita jew tistaqsi jfisser kemm tkun qawwija l-fidi fik. Jekk tieħu kollox for granted hi xi ħaġa li qed tiġri u mhux tagħti kasha, mentri xi ħaġa li ġġiegħlek tistaqsi għax tkun xi ħaġa li veru temmen fiha,” sostna Hector li kompla jitkellem dwar l-Arċisqof il-ġdid u kemm jista’ jgħin biex ikompli jitjieb il-mezz ta’ kif il-fidi għandha titwassal lis-soċjetà, mezz li jkun aċċettat miż-żewġ naħat. Għalih Dun Pawl Cremona jista’ jkun strumentali ħafna biex il-Knisja jagħmilha aktar relevanti għal-lum.
“Il-problema li kellu ta’ qablu, għalkemm Mons. Ġużeppi Mercieca għamel ħafna ġid, kienet li ma kienx jasal biżżejjed biex is-soċjetà vera tħossha li qed tkun parti mid-deċiżjonijiet li tieħu l-Knisja. Mercieca kien jisma’ u jiltaqa’ man-nies u dejjem kien fost in-nies però kien hemm xi ħaġa nieqsa fejn mhux kulħadd kien iħossu li hu parteċipi,” qal Hector.
Kif qabad it-tema ta’ l-Arċisqof bilġri staqsejtu biex ninkieh ftit kemm jaffettwawh li hu Dumnikan.
“Għax jien ma’ San Pawl? Xejn affattu. Id-Dumnikani huma l-akbar predikaturi u l-iktar li jħobbu jippriedkaw hu proprju t-tagħlim ta’ San Pawl: jiġifieri hemm sinerġija totali… apparti li jismu Pawlu,” temm jgħid bi tbissima fuq wiċċu filwaqt li kompla jispjega kif fost il-Beltin veru hemm rivalità imma hu jqisha trivjali. Iktar jaraha bħala appartenenza milli l-pika.
Dawwartlu s-suġġett fuq kemm tista’ tiċċajta bir-reliġjon.
“Hu daqsxejn diffiċli, għallinqas f’Malta. Jien ma nara xejn ħażin li tiċċajta. Naħseb li Ġesù kien iħobb jidħaq ukoll. Bħal f’kollox, ir-reliġjon jien inpoġġiha bħal f’kollox fil-ħajja. Meta tiċċajta, sakemm ma tkunx qed tiċċajta biex int tweġġa’, naħseb li mhemm xejn ħażin. Jiddependi dejjem mill-persuna. Naturalment hemm kawtela,” żied jispjega.
Hector kemm jikkunsidra lilu nnifsu buffu klassiku?
“Il-ħin kollu. Kontinwament. Qabel ma ltqajt miegħek, iltqajt ma’ żewġ imħallfin ħbieb tiegħi li jiftakruni ġurnalist tal-qorti u qaluli, ‘Kemm tidher inkwetat u ħosbien. Ma tiflaħx?’ L-ewwelnett il-professjoni tiegħi m’għandhiex tkun il-ħin kollu. Jien bħal ħaddieħor. Ikolli l-problemi tiegħi, ikolli d-dwejjaq tiegħi. I am a very lonely person! Ħafna drabi ma jiddispjaċinix għax hekk jogħġobni. Id-daħq li nagħmel huma kollha riflessjonijiet tal-ħajja tagħna. Għandi prinċipju: Ħares lejn l-isbaħ naħa tal-ħajja,” żied jgħid.
L-attur ma jiddejjaqx li n-nies jippretendu li hu għandhom dejjem idaħħaqhom għax hu nnifsu ġieli jippretendi mingħand ħaddieħor li jkunu dejjem dak li normalment jagħmlu fil-ħajja. Iħoss li l-parti l-kbira tan-nies ma jifhmux li anki hu għandu bżonn il-ħin tiegħu imma kif qal hu stess: Min jikriha jrid joqgħod għaliha.
“Li niddejjaq mhux min jippretendini li l-ħin kollu niċċajta imma min ma jagħmilx id-differenza bażika meta int qiegħed fil-ħajja privata tiegħek għal meta int liebes ta’ mara jew ta’ xiħ, ikun li jkun, fuq il-palk jew televixin. Li ma jagħmlux id-distinzjoni u ġieli anki jirredikolawk. Forsi jien naraha hekk. Jiġifieri jekk inkun għaddej fit-triq u xi ħadd minn naħa l-oħra jgħajjat, ‘Haw’ Jessie’ - niddejjaq,” qal Hector.
Rigward ix-xewqat li kellu ta’ 20 sena, jekk wettaqhomx kollha jew inbidlux, jgħid li ħafna minnhom wettaqhom.
“Dak kollu li xtaqt nagħmel f’ħajti għamiltu: teatru; ġurnaliżmu; politka; l-arti, id-delizzju aktar milli l-arti. Jien qatt ma ngħid li jien kuntent jew li dak li għamilt mhux se nerġa’ nagħmlu. Hemm xi affarijiet li x’aktarx ma nerġax nagħmilhom imma l-karriera tal-ġurnaliżmu għal 20 sena, minn reporter spiċċajt aġent editor tan-Nazzjon. Teatru, bdejt ta’ disa’ snin, kelli l-kumpanija teatrali tiegħi u ħdimt kullimkien, barra minn Malta wkoll.
“Televixin ukoll. Meta kont żgħir kont dejjem ngħid kemm nixtieq nagħmel breakfast show għax kont nara t-Taljan u għamiltu. Jiġifieri ħafna minn dak li xtaqt inwettaq, wettaqtu. Jien ma narax finalità però, f’xejn. Irrid nibqa’ kemm jista’ jkun għaddej. Per eżempju, bħalissa qed jerġa’ jtektikli ħafna li nibda nikkontribwixxi bil-kitba f’xi ġurnal,” qal Bruno.
Hemiżtu u staqsejtu, “Trid ngħaddilek xi kelma?”
Weġibni bejn serjetà u bejn daħqa, “Le, le! Għandi fejn immur tibżax!” Żied jgħid ukoll li ma jeskludix li xi darba għad jerġa’ jidħol fil-politka. Hector iħoss il-bżonn li jbiddel minn ħaġa għall-oħra, dejjem irid jagħmel xi ħaġa differenti f’ħajtu. Tgħinu għall-burdati tiegħu li jinbidlu ta’ spiss.
“Xi ħaġa li tkun saret iddejjaqni nwaqqafha. Tgħini biex kemm jista’ jkun ngħix tajjeb fiżikament. Inwaqqafha u nibda xi ħaġ’oħra ġdida. Anki l-knisja. Filli nkun qed naqta’ l-injam, filli niżbogħ,” kompla jispjega l-attur.
Qbadtlu fuq is-suġġett tal-politka u kif jaraha bħalissa.
“Jien għext żminijiet li ma kienu xejn pjaċevoli għal ħadd. Allura mqabbel ma’ dak iż-żmien, illum ninsabu fis-seba’ sema. Naqsu ħafna mill-ideoloġiji li jien għext u ħdimt fihom, li hu tajjeb. Illum tista’ tgħid spiċċaw. Il-cliché politika, ngħidulha din. Jidher li ż-żewġ partiti ewlenin f’Malta iktar qed jersqu lejn xulxin. Iktar ma narahom jersqu, fis-sens li l-politka tagħhom indirizzata dejjem iktar lejn l-individwu, lejn iċ-ċittadin, naħseb li jkunu passi ’l quddiem,” temm jgħid Hector.
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt