Il-każ tat-tarbija fil-kaxxa taż-żraben f’Bormla kien wieħed sfortunat. Għalkemm Dar it-Tama, il-fundazzjoni li taħdem fil-Kottonera, kienet ilha għal ħafna snin f’kuntatt ma jaqta’ xejn man-nanna tat-tarbija u ma’ żewġha, ma kellhiex kuntatt dirett ma’ l-omm innifisha. Nista’ ngħid li l-familja għandha storja kemmxejn twila ta’ għajnuna soċjali.
Hemm tliet fatturi li wieħed irid iqis f’dan il-każ. L-ewwelnett, il-biża’ ta’ l-omm mir-reazzjoni tal-ġenituri tagħha għat-tqala tagħha. It-tieni, il-livell ta’ edukazzjoni ġenerali fil-familja. U t-tielet, l-aċċess ta’ għajnuna soċjali lill-familji f’diffikultà.
Dwar l-ewwel fattur, il-biża’ ta’ ommijiet żgħażagħ mir-reazzjoni negattiva tal-ġenituri għat-tqala tagħhom, hija ħaġa mifruxa ħafna f’Malta u Għawdex u mhix xi ħaġa esklussiva għall-familja partikulari ta’ dan il-każ. Ħafna ġenituri jippruvaw jilqgħu għal xi tqala mhux mixtieqa billi jbeżżgħu lil uliedhom b’tali mod li kliemhom jammonta għal theddid. Dan mhux il-mod xieraq kif tfajliet żgħażagħ jiġu mħeġġa ma joħorġux tqal.
It-theddid, anki jekk mistħajjel, ma jgħinx lit-tfajliet fl-eventwalità ta’ xi tqala. Kulma jagħmel hu li meta joħorġu tqal idaħħalhom f’konfużjoni kbira u jġegħilhom jaħbu kemm jista’ jkun it-tqala jew anki il-ħlas tagħhom bħalma ġara f’dan il-każ. It-theddid jgħaddi l-messaġġ li tqala mhux mixtieqa fil-familja mhiex aċċettabbli u ġġib diżunur. Dan il-messaġġ jingħata wkoll meta, f’każijiet simili ta’ familji oħrajn, il-ġenituri juru biċ-ċar lil uliedhom li ma japprovawx it-tqala li tkun seħħet.
It-theddid jew id-diżapprovazzjoni mhumiex edukazzjoni. Edukazzjoni hi meta t-tfajliet jiġu iggwidati l-ewwelnett, kif jipproteġu lilhom infushom waqt l-att sesswali u, it-tieni, dwar is-siwi u l-post li li għandu jkollu s-sess fil-ħajja tagħhom.
It-tieni fattur, jiġifieri l-livell ta’ edukazzjoni ġenerali fil-familja, huwa wieħed li fuqu jiddependi l-mod kif il-membri tal-familja jittrattaw mal-problemi. Hemm sengħa kif tittratta mal-problemi, sengħa li trid tiġi mgħallma. Mhiex naturali għall-bniedem. Naturalment, kull familja u kull membru tagħha għandhom it-temperament u l-attitudnijiet tagħhom. Għaldaqstant il-mod kif jittrattaw mal-problemi jridu jkunu f’armonija ma’ dak it-temperament u ma’ dawk l-attitudnijiet.
Il-problemi jitqalu meta wieħed jittratta magħhom b’mod ħażin. Meta jiġri hekk, il-problemi, flok jeħfiefu, jitqalu aktar milli jkunu diġà. Dan għandu effett ukoll fuq il-‘problema’ ta’ tqala mhux mixtieqa fost xi ħadd mill-ulied ġo familja. Għax jekk il-familja, b’mod ġenerali, tittratta ħażin mal-problemi li jinqalgħu minn żmien għal żmien, anki problemi żgħar, allura l-ulied ukoll jitħarrġu ħażin kif jittrattaw mal-problemi li jkollhom, inkluż xi tqala mhux mixtieqa.
Il-ħajja hi kollha problemi, imma wieħed irid jitgħallem kif il-problemi inaqqashom. U jnaqqashom mhux billi jkabbarhom jew ikattarhom b’azzjonijiet nieqsa mill-ħsieb. Imma jnaqqashom billi jittratta magħhom bis-sens u b’għażliet meqjusa. Min jgħaġġel aktarx dejjem jiżbalja.
It-tielet fattur, jiġifieri l-aċċess ta’ l-għajnuna soċjali lil familji f’diffikultà, jindika l-limitazzjoni ta’ għajnuna bħal din, bħalma jidher f’dan il-każ partikulari. L-għajnuna soċjali ma tagħmilx mirakli. Isimha magħha: kulma hi ‘għajnuna’ u mhux xi riċetta maġika li ssolvi l-problemi kollha. Kbira kemm hi kbira, dejjem se jibqa’ spazju li fih l-isforz irid isir minn min ikun qed jirċievi l-għajnuna.
Familji li minnhom infushom għandhom eżistenza problematika se jibqgħu hekk minkejja l-għajnuna kollha soċjali li qatt jistgħu jirċievu. Huma di natura difettużi u ebda għajnuna soċjali ma tista’ tirranġa għal kollox id-difetti.
Naturalment tista’ ttejjeb is-sitwazzjoni imma ma tistax issolviha għal kollox. Tista’ ssib alternattivi għal problemi partikulari imma ma tistax toffri soluzzjoni universali għad-difetti intrinsiċi tal-familja. Dan ifisser li dejjem se jibqa’ spazji mhux koperti, bħalma hu evidenti fil-każ partikulari tat-tarbija fil-kaxxa taż-żraben.
Patri Montebello hu Dumnikan u fundatur ta’ Dar it-Tama f’Bormla
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt