08 ta' April 2007 • Nr 23

Arkivji




 

 

 

08 ta' April 2007
L-orkestra tal-Maltin

Minn dejjem emmint li l-bniedem ma jgħix bil-ħobż biss.
U l-esperjenza tal-ħajja għallmitni li anki l-ħaddiem ma jgħix bix-xogħol biss. Il-ħaddiem biex ikun komplet jinħtieġlu li l-ħiliet u l-għaqal tiegħu jesprimihom ukoll fuq livell kulturali.
L-apprezzament għall-arti u l-kultura jgħinu lill-bniedem ħaddiem biex itejjeb il-kwalità ta’ ħajja li jgħix u jkattar fost il-familja tiegħu d-dimensjoni ta’ valuri artistiċi u kulturali li jagħtu bixra iktar sinifikattiva lis-sens ta’ valuri tal-ħajja.
Fortunatament minkejja ċ-ċokon pajjiżna għandu wirt kulturali għani u kbir. Għandu teżori artistiċi uniċi u dan il-wirt kompla jitnissel minn ġenerazzjoni għall-oħra u welled poplu li għandu t-talent, il-potenzjal u l-ħila artistika li tkompli tikkonsolida l-istess identità tal-poplu tagħna.
Sfortunatament, ħafna drabi minħabba l-għamad politiku, il-ħaddiema tagħna telgħu f’ambjent fejn l-apprezzament kulturali ngħata l-ġenb. Bħal donnu kien hawn min ried idaħħal l-idea li l-arti kienet tappartjeni lill-klassi għolja fis-soċjetà. Tant li għaddejna minn żminijiet fejn dawk ittimbrati sta bene kellhom aċċess għal rappreżentazzjonijiet teatrali ta’ l-ogħla livell waqt li l-ħaddiem jew il-popolin ried jitqanna bit-teatrin.
Is-Sur Ġann u s-sinjura tiegħu setgħu japprezzaw l-orkestra ddoqq il-Puccini jew il-Mozart waqt li Ġanni u l-mara tiegħu setgħu jisimgħu l-banda tar-raħal f’nhar il-festa!
Illum ħriġna minn dan l-isfruttament kulturali u wlied il-ħaddiema qed juru l-kapaċitajiet tagħhom u jikkompetu ma’ artisti barranin ta’ l-ogħla livell.
Iżda xorta waħda għad hemm fejn nimirħu, u speċjalment il-ħaddiem, għad għandu x’jaqdef biex verament jilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ ċittadin iffurmat mhux biss bl-edukazzjoni formali iżda wkoll bil-formazzjoni kulturali u artistika. Ir-responsabbiltà biex naqtgħu dan l-għatx ma taqax biss fuq il-Gvern jew il-ministeru responsabbli mill-kultura imma wkoll iridu jassumuha l-ġenituri, l-edukaturi, l-għaqdiet u dawk kollha li joperaw f’dan il-qasam.
Jekk żmien ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira jġiegħluna nagħmlu riflessjoni spiritwali, din ir-riflessjoni għamiltha nhar it-Tlieta li għaddiet wara li attendejt għall-kunċert mużikali mogħti mill-Orkestra Nazzjonali f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fl-okkażjoni tal-50 sena mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma jew it-twaqqif tal-Unjoni Ewropea.
Tgħaxxaqt napprezza l-ħiliet u l-bravuri tal-mużiċisti ta’ l-Orkestra Nazzjonali taħt it-treġija tas-Surmast Direttur Michael Laus. Ma nafx kif għadda l-ħin ta’ kważi siegħa u nofs napprezza l-finezza tas-Sinfonija Numru 9 Opus 125 ta’ Beethoven. It-teatru kien issummat bil-ħiliet li wrew il-mużiċisti Maltin u x’livell għoli dawn irnexxielhom jilħqu. Id-dixxiplina kienet evidenti fil-kor numeruż iffurmat mill-Collegium Musicum u l-University Vocal Ensemble taħt id-direzzjoni tal-Maestro Dion Buhagiar. M’għandniex xi ngħidu li l-intervent vokali tas-sopran Miriam Gauci u l-mezzo sopran Claire Massa kien iħabbatha sew, jekk mhux ukoll jiżboq is-sehem li taw magħhom it-tenur Ġermaniż Reiner Goldberg u l-baxx Roman Grubner.
Kienet lejla ta’ talent Malti professjonali u ta’ livell internazzjonali. Ngħid li għandna biex niftaħru u m’għandna nħossuna inferjuri għal ħadd.
Iżda wara dan is-suċċess ta’ ftit iktar minn siegħa hemm xhur sħaħ ta’ xogħol u sagrifiċċji li saru mill-esponenti u li ħafna drabi l-udjenza ma tapprezzahx. L-udjenza tirrikonoxxi u tirreaġixxi għar-riżultat imma ftit li xejn tikkunsidra u turi l-apprezzament għall-ħidma li tkun saret biex inkiseb dak ir-riżultat, tajjeb jew ħażin! Agħar minn hekk ikun meta l-ħidma tittieħed for granted minn min hu responsabbli li jikkultiva t-talenti, jiżviluppa l-potenzjal u jkattar l-apprezzament kulturali fost iċ-ċittadini kollha. Donnu nirraġunaw bħal dawk il-ġenituri li jabdikaw mir-responsabbiltà tat-trobbija tajba għax jgħidu li wara kollox it-tfal jitrabbew u jikbru xorta waħda.
Naħseb li l-Orkestra Nazzjonali għandha bżonn spinta minn dan l-aspett. Ftit jafu kemm jiswew l-istrumenti tal-mużiċisti. Ftit jafu kemm il-mużiċisti jridu jaqdfu għal rashom u jieħdu riskju personali fix-xogħol tagħhom. Biżżejjed insemmu l-fatt li dawk il-ħaddiema li jaħdmu full-time għad m’għandhomx moħħhom mistrieħ minn impjieg permanenti. Iktar u iktar meta nafu li jekk taħkimhom marda jew ikollhom inċident li jsofru korriment jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom darba għal dejjem.
Ftit jafu li l-faċilitajiet fejn jagħmlu t-tħejjijiet għar-rappreżentazzjonijiet tagħhom huma limitati.
Għad hawn min jaħseb li l-mużika qegħdha biss għal passatemp jew għall-industrija tad-divertiment u m’għandniex għalfejn nitrattawha qisha xi professjoni oħra fid-dinja tax-xogħol. Il-mużiċisti tagħna kellhom u għadhom jagħmlu sagrifiċċji kbar biex laħħqu l-livell li jiffurmaw orkestra nazzjonali dehen ta’ pajjiżna.
L-apprezzament kulturali u artistiku sinċier m’għandux jieqaf mal-ftit ħin wara li jinżel is-separju tat-teatru imma jrid jidher il-ħin kollu. Jekk mhux se nagħtu l-ispazju meħtieġ, il-faċilitajiet neċessarji, l-istrutturi u l-għodda li jinkoraġixxu lil dawn il-mużiċisti biex isaħħu l-karriera tagħhom allura nkunu qegħdin nikkommettu dnub gravi fil-konfront tal-kultura Maltija.
Hu minnu li tgħallimna norganizzaw, tgħallimna nagħrfu l-limitazzjonijiet tagħna imma issa hemm bżonn nitgħallmu darba għal dejjem li l-bniedem jissawwar f’sura umana sħiħa jekk minn ċkunitu nlaqqmuh bis-sens artistiku u kulturali.
Naħseb li nkunu qegħdin nolqtu l-musmar fuq rasu jekk l-impenn tagħna nibdew nuruh billi nsaħħu u nagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ lill-Orkestra Nazzjonali u l-membri kollha li jiffurmawha.
L-għid it-tajjeb lil kulħadd.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt