08 ta' April 2007 • Nr 23

Arkivji




 

 

 

08 ta' April 2007
Il-kriżi tal-faqar

Il-ġrajja tat-tarbija abbandunata kixfet pjaga fis-soċjetà tagħna li ħafna jippreferu ma jirrikonoxxux.
L-ikbar problema mhix tant għax kienet abbandunata tarbija fit-triq, xi ħaġa rari ħafna f’Malta, iżda dik l-azzjoni kixfet il-pjaga tal-faqar li jeżisti f’ċerti komunitajiet.
Kien il-Kappillan ta’ Bormla f’intervista fl-ewwel ħarġa ta’ din il-gazzetta s-sena li għaddiet li tkellem dwar sitwazzjonijiet diffiċli li jwasslu biex familja jew persuni individwali jduqu l-imrar tal-faqar. Din hi realtà oħra f’Malta tal-lum, f’Malta ta’ l-appartamenti lussużi u s-SmartCity.
X’wassal lil dik l-omm żagħżugħa biex tabbanduna t-tarbija tagħha? Xi jwassal lil ħafna ommijiet oħra jabbandunaw lit-tfal tagħhom mhux billi jqegħduhom f’kaxxa ta’ żraben f’nofs sqaq, iżda billi jċaħħduhom mill-iżvilupp emozzjonali u mill-wens? Xi jwassal biex omm tipprovi taħbi t-tqala tagħha u saħansitra tasal biex twelled waħidha jew f’ċirkostanzi xejn dinjitużi?
M’hemmx tweġibiet sempliċi. Iżda jekk hemm fil-komuni f’ħafna ċirkostanzi li jwasslu għal sitwazzjonijiet prekarji hu
n-nuqqas ta’ edukazzjoni.
Anki jekk pajjiżna għandu qafas soċjali li żviluppa f’xibka ta’ servizzi differenti tul is-snin xorta għad hemm min jiżloq minn din ix-xibka.
In-nuqqas ta’ edukazzjoni ħafna drabi jwassal għal nuqqas ta’ emanċipazzjoni u allura l-persuni jispiċċaw dipendenti fuq ħaddieħor għal kull bżonn tagħhom għax ma jarawx id-dawl f’tarf il-mina. In-nuqqas ta’ edukazzjoni jwassal biex omm żagħżugħa li tinqabad tqila bi żball, għax x’aktarx ma jkollhiex biżżejjed għarfien dwar il-kontraċezzjoni, ma titlobx għajnuna għax ma tafx fejn tfittixha. In-nuqqas ta’ edukazzjoni jħalli n-nisa msawtin minn żwieġhom ikomplu jabtu fis-silenzju. Il-lista tista’ tkun ferm itwal minn hekk.
Għad fadal ħafna xi jsir biex ix-xibka soċjali tagħna tilħaq lil ċerti nies li qed jgħixu fil-faqar jew fuq l-għatba tiegħu. Iktar minn hekk għad fadal xi jsir biex tfal bi problemi jinqabdu kmieni meta għadhom fuq il-bankijiet ta’ l-iskola.
Forsi hemm individwi u familji li jsir xi jsir magħhom jibqgħu problematiċi għas-soċjetà. Iżda anki jekk dan hu l-każ m’għandux iwaqqaf lill-klassi politika milli tagħraf li f’dan il-pajjiż jeżiti l-faqar. Hemm politiċi f’kull partit politiku li jippreferu jagħlqu għajnejhom għal din ir-realtà.
Jeħtieġ għarfien li jeżistu komunitajiet sħaħ fejn it-tessut soċjali tmermer u l-moralità pubblika sparixxiet u magħha r-rispett lejn l-awtorità.
Hu biss b’dan l-għarfien li s-soluzzjonijiet għal dawn in-nies u l-komunitajiet, jistgħu jinstabu.

L-art tal-Qawra
Id-dikjarazzjonijiet li saru mill-ogħla uffiċjali tal-Maltacom din il-ġimgħa ma jħallu lok għall-ebda dubju: l-art li kienet xtrat il-Maltacom fil-Qawra qabel il-privatizzazzjoni u li għandha valur li jlaħħaq il-miljuni, se tibqa’ f’idejn il-kumpanija minkejja d-dikjarazzjonijiet bil-kontra li kien għamel il-Ministru Austin Gatt.
Skond il-Ministru dik l-art kellha tgħaddi lura għand il-Gvern wara li jseħħ il-ftehim ta’ privatizzazzjoni iżda kollox juri li l-valur ta’ l-art hu mniżżel fil-kotba tal-Maltacom, illum f’idejn it-Tecom, u ma jidhirx li l-kumpanija għandha xi ħsieb li ċċedi l-art lura lill-Gvern.
Lil hinn minn jekk il-Gvern kienx ta każ il-valur ta’ l-art meta nnegozja l-prezz tal-bejgħ għall-ishma tiegħu fil-Maltacom u li seta daħħal iktar flus li kieku għamel hekk, l-iktar kwistjoni importanti hi dik tal-kredibbiltà.
Jeħtieġ li Austin Gatt ikun ċar fuq din il-kwistjoni għax id-dubju jħalli l-bieb miftuħ għal iktar dubji, speċjalment issa li l-istess kumpanija minn Dubai ingħata medda art enormi f’Rikażli biex tiżviluppa l-iSmartCity.
Il-poplu jixraqlu aħjar minn hekk.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt