01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007
Il-maltempata tal-kaċċa u l-insib

Il-kwistjoni tal-kaċċa u l-insib spiċċat skoll ieħor li jista’ jikkawża l-għarqa tal-bastiment li għandu lil Lorenzo Gonzi fit-tmun: bastiment li, jgħaddih mnejn jgħaddih Lorenzo, donnu qatt ma jista’ jsib baħar daqsxejn kalm.
Suppost meta kien miftiehem il-famuż pakkett biex Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea kien sar tip ta’ kompromess u l-kwistjoni ma kellhiex għalfejn terġa’ tinqala’ ħlief għall-każ ta’ l-insib wara l-2008, jiġifieri wara l-elezzjoni li għadha ma saritx.
Iżda x-xitan m’għandux ħalib u jagħmel il-ġbejniet. Dawk li jħobbu l-għasafar aktar milli jħobbu l-patria tagħhom raw x’għamlu biex qalgħu l-kwistjoni mill-ġdid u qed jisservew bl-UE biex jagħtu d-daqqa mortali lill-kaċċa u l-insib a skapitu ta’ dawk li jħobbu l-passatemp krudil tagħhom aktar milli jħobbu l-patria tagħhom.
Qalbi tingħafas meta nara kif wara li l-Partit Nazzjonalista rnexxielu jikseb dak li dejjem ħlomt fih jien, permezz ta’ l-indipendenza u tas-sħubija fl-UE, konoxxenza tal-patria Maltija bi status daqs l-aqwa stat Ewropew, ikun hemm fost ulied il-patria li jużaw din il-kisba kbira biex joqogħdu jiġġieldu bejniethom.
Anki hawn, madankollu, Lorenzo ħalla wisq lil min jgħid tiegħu kif ried u kif jaqbillu mingħajr ma hu lanqas biss tniffes. Il-kap ta’ l-Oppożizzjoni, filwaqt li ma ħa ebda pożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-kaċċa, bil-wiċċ tost kollu għajjar lill-PN b’oxxenità politika u b’nuqqas ta’ irġulija… u l-PN ma għamel ebda reazzjoni meta kien konfrontat b’dawn l-akkużi!
Kont nippretendi li l-Prim Ministru kellu jaqbad il-barri minn qrunu u b’xi mod jew ieħor jinforma liċ-ċittadini tar-Repubblika Maltija x’hini sewwa sewwa l-pożizzjoni tal-Gvern u kif wasal għaliha, mingħajr tlaqliq u b’mod awtorevoli kif jixraq li jagħmel Prim Ministru li jkun mexxej veru ta’ pajjiżu.
Minflok, Lorenzo baqa’ b’ħalqu magħluq u ħalla lill-Ministru Pullicino jpeċlaq ’l hawn u ’l hemm b’mod li mhu ċar xejn u li kompla ħawwad lill-poplu.
Kellu jkun l-avukat Austin Sammut lpermezz ta’ artiklu li deher fil-gazzetta Stricklandjana ta’ nhar it-Tlieta li spjega l-kwistjoni mingħajr passjoni u mil-lat purament politiku. Dan kiteb dak li messu qal il-Prim Ministru mqar b’komunikat uffiċjali għall-istampa, jekk mhux bi stqarrija fil-Parlament.
U hawn fejn qed ifalli Lorenzo. Ikun għal xejn jekk jibqa’ jaħdem daqs bagħal għal ġid tal-patria biex imbagħad meta jkun hemm xi ħaġa taħraq fil-pajjiż jibqa’ b’ħalqu magħluq u b’denbu taħt il-blata.
Jista’ jkun li Lorenzo qed joqgħod fuq il-parir tas-Segretarju Ġenerali tal-PN, dak Saliba li jaħseb li jaf kollox. Jekk hu hekk, tassew qed jingħata parir pessmu.
Anki jekk il-pożizzjoni tal-Gvern mhix daqstant sempliċi u hi aktar komplikata, mexxej ta’ kalibru xorta kien jieħu r-riedni f’idejh u juri li hu qed imexxi u jaf il-Gvern x’qed jagħmel avolja fil-pajjiż ikun hemm min ma jaqbilx miegħu.
Minflok il-poplu qed jieħu l-impressjoni li f’din il-kwistjoni lanqas il-Gvern ma jaf fejn qiegħed. Il-poplu jrid ikollu mexxej rispettat li juri li għandu t-tmun f’idejh meta jiġi mument delikat u jkun hemm bżonn li l-mexxej juri li hu tassew qed imexxi.
Fil-kwistjoni tal-kaċċa u l-insib, Lorenzo Gonzi mhux qed jidher li qed jikkontrolla l-bastiment li jinsab f’maltempata qalila. Mhux qed juri li hu qed iżomm sod waqt li l-kurrenti qed jimbuttaw u l-irjieħ qed jonfħu u l-bastiment donnu jitbandal bla ebda direzzjoni definita.
Vapur bla direzzjoni jkun qed jissogra l-għarqa.

 



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt