Bħalma jgħid ir-riklam ‘tal-għodda’, din il-ġimgħa n-neputi ta’ Olga reġa’ għamilha u ma setax jonqos b’suġġett bħal dak.
Matul iż-żminijiet kotba ħarġu kemm-il wieħed li jirrakkuntaw ġrajjiet jew storja ta’ bniedem. Ngħidu aħna Pawlu Carachi, li kien wieħed mill-aqwa ġurnalisti li qatt kellha Malta, kien ukoll m’ilux kiteb ir-rakkont ta’ ħajtu. Imma n-neputi ta’ Olga dakinhar ma ddedikalux programm għall-awtobiografija tiegħu. Bl-istess mod meta l-iprem artikolista fil-ġazzetti Laburisti, il-ħabib tiegħi Lino Cassar, ippubblika l-aħjar kitbiet tiegħu, inkella meta fil-bidu ta’ din is-sena għalaq 50 sena fil-ġurnaliżmu, ma nfirixlux tapit aħmar jew sab lil min jimlih bid-duħħan ta’ l-inċens f’xi programm fuq it-televiżjoni ta’ l-Istat.
Inċens u mirra
Xi xahar ilu l-avukat Austin Sammut tgħidx kemm tkaża u ġab lil min jitkaża bija fit-Times għas-sehem tiegħi fil-programm ta’ dak li lanqas b’nanntu f’qiegħ ta’ sodda ma ddejjaq jinqeda biex mingħalih jirbaħ argument politiku. Ma niddejjaq xejn bl-attakki tat-tip ta’ Austin Sammut jew ta’ Borg Cardona sive I.M Beck, il-Boċċa. Nibda ninkwieta serjament li kieku dawn jibdew jinċensawni u jfaħħruni, bħalma għamlu fir-rigward ta’ Lino Spiteri mhux biss Austin Sammut imma anki Pullicino Orlando, Guido de Marco, Dolores Cristina u l-bella kumpanija.
“Intelliġenti”, “għaref”, “wise”, “ġentlom” kemm trid u m’hemmx dubju dwar dan. Imma dan it-tifħir kollu min-Nazzjonalisti fil-konfront ta’ eks-ministru Laburista ta’ bilfors iħassbek ħażin u jġiblek ċerti flashbacks.
Għal grazzja t’Alla s’issa għadha ttini l-memorja u niftakar sew x’kienet tkarwat il-magna tal-propaganda Nazzjonalista rigward is-sistema tal-bulk buying u tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni fi żmien il-Gvern Laburista fis-snin li Lino Spiteri kien ministru responsabbli minn dawn is-setturi.
Fuljett propagandistiku tal-PN ta’ l-elezzjoni ta’ l-1987 rigward il-bulk buying u l-liċenzji kien jgħid: “Għadna sal-lum kważi għal kull ħaġa neħtieġu liċenzji u permessi li dwarhom xi Ministru biss fl-aħħar jgħid ‘iva’ jew ‘le’. U lil dak lanqas il-Qorti ma tista’ tissindikah. Għax ma jiswiex! Dak Ministru! Biex tieħu liċenzja trid tieħu ħafna paċenzja. Biex tieħu permess ħallas issa stess.”
Dak iż-żmien mhux bħal-lum, in-Nazzjonalisti lil Lino Spiteri ma kinux jifirxulu twapet quddiemu mimlija petali ta’ ward ħa jirfes fuqhom. Kienu jmaqdruh u jxajtnuh bħall-bqija tal-ministri li kienu fl-istess Kabinett Laburista. Niftakar sew ukoll x’kienet tħarbex gazzetta bħal The Democrat fil-konfront ta’ Lino Spiteri dwar vilel u mhux vilel u dwar l-involviment tiegħu f’kumpaniji kummerċjali. S’intendi minn dan kollu llum il-ġurnata ma baqa’ jissemma’ xejn u kollox miet fuq ommu għax in-Nazzjonalisti l-għan tagħhom kien u jibqa’ li jintrebaħ il-poter u mhux li tirbaħ il-verità. Anzi llum il-ġurnata n-Nazzjonalisti tant sar għandhom fiduċja f’Lino Spiteri li riedu jinnominawh fil-Qorti ta’ l-Awdituri ta’ l-Unjoni Ewropea u kien hu li ħass li kellu għalfejn jirrifjuta u eventwalment spiċċa appuntat l-eks ministru Josef Bonnici.
Apparti l-valur letterarju tal-kitba tiegħu, il-kmand tiegħu fuq l-idjoma Maltija mirquma u l-anedotti kuluriti u mill-iktar ħelwin mis-snin imgħoddija fil-ħajja raħlija, sew sew fil-ktieb ġdid ta’ Lino Spiteri m’hemm xejn li tista’ tgħidlu tassew ġdid u li ma konniex diġà smajna bih. Għoġbuni l-aktar il-passaġġi dwar iz-ziju l-għannej, il-kelba ta’ Bertu Hyzler u l-gidma bid-detentatura tas-sakranazz.
Il-ktieb hu miżgħud b’ħafna episodji fejn l-awtur qed jgħid lill-qarrej ‘il-fatti tawni raġun’, ‘I told them so’. Ma kienx daqshekk konvinċenti meta qal li t-taħwida ta’ Pawlu Muscat ħareġ biha hu fis-Sunday Times għax kien jaf li se joħorġu biha n-Nazzjonalisti. Meta mistoqsi dwar il-ministri sħabu li kienu jħarsulu bl-ikrah fil-Kabinett, Spiteri wieġeb li ma jħobbx isemmi nies b’isimhom, x’aktarx biex ma joffendix is-sentimenti ta’ dawk li għadhom ħajjin. Imma safrattant isemmi diversi persuni b’isimhom li m’għadhomx magħna bħal Ġużè Abela, Ġużè Cassar u Victor Borg Costanzi li s’intendi ma jistgħux jgħidu tagħhom dwar dak li nkiteb.
Fast forward
Fil-programm tat-Tlieta fejn il-preżentatur ittratta l-ktieb ta’ Lino Spiteri sibt divertenti ħafna l-fast forwards tas-Sur Bondi, li biex ifittex iġib id-diskors dwar Pawlu Muscat, litteralment evita milli jistaqsi lil Lino Spiteri dwar passaġġi mill-ktieb li jistgħu jħammru wiċċ in-Nazzjonalisti.
Bħal ngħidu aħna għal dak li ġara fiż-żminijiet tad-dnub il-mejjet, ftit li xejn saru aċċenni. Konvenjentement il-preżentatur ma staqsa xejn dwar x’jingħad fil-ktieb rigward is-sitwazzjoni finanzjarja diżastruża tal-pajjiż li sab Lino Spiteri hekk kif inħatar Ministru tal-Finanzi f’Ottubru ta’ l-1996.
M’hemmx għalfejn joħroġ il-għaġeb, l-unika darba fil-programm li Bondi rass ftit lil Spiteri kien meta staqsih dwar dak li ġie alleġat fil-ktieb li f’ċerti episodji ta’ vjolenza politika seta’ kien hemm aġenti provokaturi li lagħbu logħba doppja biex il-vjolenza tkun tidher li ġejja minn kamp u fil-fatt tkun oriġinat mill-kamp l-ieħor.
Mill-bqija n-neputi ta’ Olga ttratta lil Lino Spiteri b’ġentilezza liema bħala. X’differenza għall-mod kif jittratta ma’ esponenti ta’ l-MLP u ma’ Nazzjonalisti bħal John Dalli li xellfuha mal-klikka tat-tmexxija tal-PN!
wenzumintoff@yahoo.com
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt