Buġibba tbikkik. Min jaħdem fil-privat jaf li mhux kemm taħdem jgħodd imma r-riżultat. Min għandu negozju jaf li meta jmur il-bank inutli jgħidlu kemm stinka għax il-maniġer tal-bank il-kont ikun irid jara.
Hekk taħdem id-dinja kummerċjali, industrijali u maniġerjali. Min hu komdu u jiġri x’jiġri ħobżu maħbuż, din ma jifhimhiex. Għalhekk hemm ħafna li lilna li nitkellmu f’isem is-sidien tan-negozji ma jifhmuniex. U jidher li dwar Buġibba mhux niftiehmu.
Buġibba u l-Qawra llum mimlijin negozji żgħar. Hemm ukoll il-kbar u kollha flimkien iħaddmu eluf ta’ ħaddiema. Hemm investiti l-miljuni.
Bħala numru ta’ sodod disponibbli għat-turiżmu hi l-akbar żona. Imma Buġibba u l-Qawra m’għandhomx il-firxa ta’ investimenti fil-lukandi u kumplessi ta’ ħames stilel li għandha ż-żona ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema. Apparti dan, Buġibba u l-Qawra jiddependu għal 85 fil-mija tal-qligħ tagħhom mit-turisti Ingliżi. Żoni oħra mhux tant dipendenti fuq suq wieħed ta’ turisti. Buġibba u l-Qawra huma mimlijin lukandi, kumplessi u appartamenti minn fejn it-turist joħroġ u jonfoq fil-ħwienet tal-lokalità.
Illum Buġibba qiegħda fi stat tal-biki. Inweġġa’ meta ta’ kuljum niltaqa’ ma’ nies li investew kull lira li għandhom fin-negozju tagħhom f’Buġibba u llum jinsabu literalment fixxa. Xogħol m’hemm kważi xejn.
Laqqajthom biex nismagħhom. Il-karba tagħhom ġennitni. Kieku stajt kont noħroġhom fi protesta dak il-ħin stess u nibqa’ sejjer bihom Kastilja. Għax mhux vera dik li qed jippruvaw ibellgħulhom ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu, il-Ministeru u oħrajn li qatt ma investew lira minn flushom, li Buġibba tinsab fi stat ħażin tort is-sidien tan-negozji.
Lanqas tista’ tinsolenta lil dawn in-nies iktar minn hekk meta tgħidilhom li l-istat ħażin ta’ Buġibba hu tort tagħhom.
Ħtija tagħhom qalulhom, li l-post illum għandu żoni sħaħ mitluqin. Bħal dak li qallu min mhux qed jaqla’ u mhux qed ilaħħaq mal-pagamenti lill-bank, jistinka kemm jistinka, jista’ jsib il-flus biex ikabbar u jżejjen u jraħħas. Dawn in-nies iridu aktar xogħol u bil-qligħ jonfqu fiex ikun hemm bżonn.
Ħa nitkellmu ċar. F’Buġibba sar ħafna xogħol. Tal-Labour, fil-ftit li għamlu fil-Gvern fl-1996, kienu sebbħu ż-żona fi ftit xhur bi promenade mill-isbaħ. Il-pjazza u ċ-ċentru sbieħu wkoll. Wara sar il-proġett ta’ taħt il-front tal-Qawra u sar proġett ieħor ġewwa mill-Gillieru. Il-post iżżejjen b’siġar tal-palm u sar bini ġdid u servizzi ġodda li komplew għollew il-livell ta’ l-investiment. Barra minn dan il-privat investa l-miljuni kbar biex ħoloq postijiet tax-xogħol ġodda.
Dak li l-privat jista’ jagħmel, jagħmlu. Il-kbirnett iżda jrid jagħmlu l-Gvern. Dan irid isir f’żewġ oqsma importanti. L-ewwelnett il-prodott. Dan irid bilfors jogħla għax Buġibba u l-Qawra joffru infrastruttura li tista’ tikkompeti ma’ żoni oħra fil-Mediterran. Is-sena l-oħra wara ħafna taqtigħ il-qalb waslet ir-ramla ta’ Buġibba. Pass importanti ’l quddiem imma mhux biżżejjed u jonqos ħafna x’isir biex bħal ta’ San Ġiljan issir bajja ta’ vera. Imma Buġibba u l-Qawra għandhom bżonn aktar minn hekk.
Ilu jissemma żmien il-proġett enormi tal-ponta ta’ ħdejn Fra Ben. Din il-ponta toffri potenzjal enormi biex issir bajja li verament tpoġġi lil din il-lokalità fil-lista ta’ żoni turistiċi attrajenti u mitluba. Anki b’daqshekk mhux biżżejjed. Buġibba tiflaħ aktar investiment kapitali.
Iż-żona ta’ Buġibba toffri ħafna possibiltajiet biex jinħolqu l-bajjiet. Illum għandna t-teknoloġija li tqattgħalna blat kbir li jista’ jintefa’ l-baħar u wara bit-tħammil tal-baħar indaħħlu r-ramel wara l-blatiet biex isiru ir-ramliet. Hekk jagħmel ħaddieħor.
Franza, per eżempju, ilha seklu tagħmel hekk kif għamel ukoll Ċipru. Ir-Rumani wrewna kif bnew ħajt barra r-Ramla l-Ħamra Għawdex biex maż-żmien saret l-isbaħ ramla ta’ Malta u Għawdex. L-istess il-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa. Tħammlet il-bajja fuq barra u ġewwa mtela’ bir-ramel. F’Buġibba u l-Qawra, jekk il-Gvern irid jonfoq bis-serjetà u ma jkunx hemm min jikkmanda u jżomm kollox lura apposta, jista’ isir ħafna u ħafna.
Buġibba u l-Qawra nistgħu nagħmluhom ġenna. Mhux bl-indħil żejjed tal-MEPA u ta’ min hu ħobżu maħbuż. Gvern li lest jonfoq il-miljuni biex darba għal dejjem ipoġġi din iż-żona fuq il-mappa tat-turiżmu jista’ jsalva lil Buġibba mid-destin kiefer li għaddiet minnu l-industrija tat-tessuti.
Il-kwistjoni l-oħra u importantissima hi dik tas-suq. Tal-ħanut jiżbogħ kemm jiżbogħ, iqaċċat kemm iqaċċat il-prezzijiet mhux se jġib turisti. Issir kemm issir sabiħa Buġibba, bla turisti, fqira tibqa’. It-turisti ma jiġux weħidhom. Xi ħadd irid jaħdem biex iġibhom. It-turisti ġġibhom l-Awtorità tat-Turiżmu. Imma din l-MTA ddominata kif inhi minn erba’ kapurjuni, f’dawn l-aħħar erba’ snin għamlu minnha Babilonja sħiħa.
Jinbidlu ċ-Chairmen, il-maniġers u l-uffiċjali. Jagħlqu u jiftħu l-uffiċini barra. Ikeċċu lil dan u lill-ieħor. Ordnijiet kontra ordnijiet. Konfużjoni sħiħa u l-Ministru qisu ma jeżistix. Ruma taqbad u hu ma jafx x’se jagħmel.
L-agħar li marret Londra għax ma’ l-uffiċċju ta’ Londra ħa daqqa wkoll is-suq Ingliż. Tajru lil min kien jifhem u għal erba’ snin sħaħ lanqas kampanja pubbliċitarja fuq it-televixin ma għamlu. Issa din is-sena għamlu kampanja fuq l-iSky meta s-suq tagħna aktar jintlaħaq mill- ITV u l-Granada. Imbagħad nefqu somom kbar fuq is-CNN. Taħwida ta’ marketing nobis.
Il-linji ta’ l-ajru low cost, li setgħu qalgħuna mid-diżastru u jtuna marketing b’xejn permezz tal-websajts tagħhom, qlajnilhom fwiedhom biex daħħalnihom. Jekk malajr ma niftħux imqar żewġ ajruporti oħra importanti għall-iskema tal-low cost biex ir-Ryanair jibda jopera minnhom, is-suq Ingliż jibqa’ jkarkar.
Is-suq Ingliż fl-aħħar snin mar il-baħar tort ta’ min iddomina fl-MTA. Allaħares ma kinux tar-Rynair li llum qed jiġbruna għax kieku għandna diżastru papali. U Buġibba, li trid mill-Ingliżi, falliet.
Buġibba tinsab f’agunija. Tista’ ssalva. Imma mhux b’li għandu ppjanat il-Ministru. Mhux biżżejjed Sur Ministru. Min hu ta’ fiduċja għamja jibqa’ jittama. Min hu f’sensih iqum minn hemm!
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt