Il-kwistjoni internazzjonali serja li qed tiżviluppa dwar il-ħtif ta’ 15-il baħri Ingliż mill-qawwiet Iranjani qed tara wkoll lid-diplomazija Maltija mpenjata b’appoġġ qawwi lejn il-Gvern Ingliż, tant li hu mifhum li Malta kienet “strumentali” biex l-UE ħarġet b’dikjarazzjoni qawwija ta’ kundanna għall-aġir tal-Gvern Islamiku ta’ Teheran.
Dikjarazzjoni li nħarġet il-bieraħ fi tmiem jumejn ta’ laqgħat informali għall-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin tas-27 pajjiż imsieħeb fl-UE li saret fi Bremen fil-Ġermanja, sostniet “kundanna qawwija” għall-aġir ta’ l-Iran.
Il-kelma “kundanna qawwija” tirriżulta li kienet maqbula mis-27 ministru wara intervent li sar mill-Ministru Malti Michael Frendo li żamm mal-pożizzjoni tal-Gvern Ingliż li l-aġir tal-Gvern ta’ Teheran bl-arrest illegali ta’ 15-il baħri, fosthom ukoll mara, hu kundannabbli u att serju fil-konfront ta’pajjiż membru ta’ l-UE.
F’kummenti lil din il-gazzetta kelliem għall-Kummissarju Għoli Ingliż f’Malta sostna s-sodisfazzjon ta’ Londra għar-rwol importanti ta’ Malta fid-diskussjoni li saret fl-UE l-bieraħ.
Il-kelliem għall-Kummissjoni Għolja Ingliża spjega li Malta kienet ta eżempju għall-pajjiżi l-oħrajn ta’ l-UE u li kieku kulħadd jirraġuna bħalha jkun hemm soluzzjoni mill-aktar fis għall-ħelsien tal-15-il baħri tar-Royal Navy maħtufa fl-Iran.
“Dan kollu jixhed ir-rabtiet tajbin ħafna li jeżistu bejn Malta u r-Renju Unit,” sostna l-kelliem.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta qabel ma rritorna mill-Ġermanja l-bieraħ filgħaxija, il-Minsitru Michael Frendo spjega biss li “Malta hi fid-dmir li taqbeż għal pajjiż membru ieħor ta’ l-UE daqskemm ħaddieħor jaqbeż għal Malta f’sitwazzjonijiet jew f’ċirkostanżi serji.”
Michael Frendo qal li dak li qed isir mill-Iran mhix biss “aggressjoni” lejn l-Ingilterra iżda hi issa kwistjoni ta’ l-UE kollha kemm hi, inkluż Malta li hi membru tagħha.
Għalkemm Michael Frendo ma kkummentax iżjed dwar il-kontenut ta’ l-intervent tiegħu waqt il-laqgħa tal-bieraħ filgħodu, imkejjen diplomatiċi spjegaw li s-Segretarju għall-Affarijiet Barranin Ingliż Margaret Beckett irringrazzjat personalment lill-Ministru Frendo għall-appoġġ u s-solidarjetà ta’ Malta f’din il-kwistjoni.
Il-Gvern Ingliż esprima ruħu sodisfatt bid-dikjarazzjoni kif maħruġa l-bieraħ mill-UE, u dan bir-raġun wara li jumejn ilu l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ħareġ stqarrija li ma kenitx daqstant iebsa fejn intqal biss li l-komunità internazzjonali hi “inkwetata” bil-ġrajjiet.
Filwaqt li t-televiżjoni Iranjana l-bieraħ kompliet turi filmati tal-baħrin Ingliżi “jammettu” taħt pressjoni li daħlu fl-ibħra Iranjani, kelliem għall-Gvern Iranjan qal li hu probabbli li l-15 jgħaddu ġuri u jkunu kastigati jekk jinstabu ħatja.
Il-kwistjoni dwar il-ħtif tal-morini Ingliżi li tista’ teskala fil-jiem li ġejjin tkompli żżid mat-tensjoni internazzjonali dwar il-programm nukleari Iranjan u li dwaru hemm tħassib serju mill-komunità internazzjonali.
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti hu mistenni li japprova numru ta’ sanzjonijiet fuq l-Iran dwar in-nukleari, madankollu s’issa l-UE għadha mhix lesta li tapprova sanzjonijiet ekonomiċì fuq il-kwistjoni ta’ l-Ingliżi maħtufa.
Jekk jiskattaw sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Iran jista’ jintlaqat ukoll il-Freeport ta’ Malta peress li l-kumpanija nazzjonali Iranjana tal-baħar, l-IRISL, hi klijent importanti għall-Freeport.
L-HMS Cornwall, li l-membri baħrin maħtufa kienu fuqu, kienet f’Malta fl-aħħar ta’ Frar u l-kmandant kien għadu kif kiteb ittra lill-Kummissarju Għoli Ingliż Nick Archer jgħidlu li l-ekwipaġġ kollu tal-bastiment kellu serħan tajjeb fuq il-gżira.
ksnavarra@mediatoday.com.mt
ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt