01 ta' April 2007 • Nr 22

Arkivji




 

 

 

01 ta' April 2007

Newtralità: finta, valida jew bla sens?

TONI
L-istatus ta’ newtralità ta’ Malta ilu żmien jitnaqqar sakemm fl-aħħar ġie, jew aħjar ġabuh, fix-xejn.
Meta Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea l-kwalità ta’ newtralità li Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni jattribwixxi lill-Istat Malti fir-realtà ma baqax jeżisti. Illum Malta hi biss newtrali fit-teorija.
In-newtralità kostituzzjonali tagħna kienet prinċipalment marbuta mat-tħaddim ta’ politika ta’ non-allinjament. Issa kulħadd jaf li l-moviment ta’ non-allinjament kien stabbilit b’reazzjoni għall-preżenza ta’ żewġ superpotenzi globali li kienu preżenti kullimkien. Dan ix-xenarju globali nbidel drastikament bil-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin, bl-Unjoni Sovjetika tisfaxxa u bir-Russja ma tibqax forza militari globali.
Madankollu r-Russja xorta tista’ titqies f’ċerti mumenti tal-politika internazzjonali bħalha forza b’saħħitha ħafna bħal, per eżempju, fil-pjani li għandha l-Istati Uniti li tfassal sistema ta’ difiża spazjali anki missilistika. Din qanqlet tħassib mill-Unjoni Ewropea proprju minħabba li ma tridx tiffastidja lir-Russja.
Apparti dan, f’qasir żmien jista’ faċilment jinbet pajjiż ieħor kbir bil-preżenza globali bħalma hi ċ-Ċina.
Iżda apparti t-tibdil fix-xenarju globali ilna żmien naraw manuvra wara manuvra biex it-tifsira ta’ newtralità tisfuma fix-xejn. Fl-1987 il-Partit Laburista ried jaċċerta li l-karattru ta’ newtralità ta’ Malta ma jintmissx f’każ li jitla’ l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, kif fil-fatt ġara. Din il-kwistjoni kienet parti mill-pakkett ta’ diskussjoni fit-tibdil kostituzzjonali biex ikun aċċertat li min iġib il-maġġoranza tal-voti jkollu l-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament.
Bdejna naraw sensiela ta’ avvenimenti li jindikaw biċ-ċar li n-newtralità ma kenitx għal qalb l-aġenda tal-Gvern. Id-dħul ta’ l-Ark Royal fl-1988, meta x-xenarju globali kien għadu b’żewġ superpotenzi fuq iż-żewġ naħat ta’ l-Atlantiku, kien ksur ċar ta’ l-Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni. Bi preżenza ta’ kważi 4,000 suldat fit-territorju Malti kien ċar li jammontaw għal dak li ma riditx il-Kostituzzjoni, jiġifieri konċentrazzjoni ta’ preżenza militari barrani f’pajjiżna.
Il-passiġġata ta’ żjarat kontinwi ta’ opri tal-baħar militari wkoll kien sinjal li n-newtralità ta’ Malta ma kinitx qiegħdha tkun rispettata mhux minn min iżurna iżda minn min jagħtihom il-permess biex isorġu fil-portijiet tagħna.
Iżda l-aktar żewġ avvenimenti partikolari li fil-fehma tiegħi taw id-daqqa mortali lin-newtralità kienu t-tiswija tal-vapur militari Amerikan USS La Salle fit-tarznari Maltin u l-gwerra tas-Serbja.
Fl-ewwel avveniment kien hemm qbil bejn il-politiċi kollha fil-Parlament, qbil li huwa rari. Dejjem minħabba l-konvenjenza finanzjarja u l-USS La Salle tħalliet tissewwa fit-tarznari tagħna meta l-Kostituzzjoni ma tippermettiex dan jekk mhux b’riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda.
Biex issalva t-tarzna kompliet titnaqqar in-newtralità u wara xorta waħda t-tarznari spiċċaw fil-mira tal-Ministru Austin Gatt.
Il-gwerra tas-Serbja kienet l-inkoronazzjoni tal-politika ċara li kellu l-Gvern, issa li b’ruħu u ġismu ried jidħol fl-UE. Mingħajr ma ħadd jaf, lanqas il-Parlament, il-poplu Malti ddikjara bil-pulit gwerra kontra s-Serbja meta din ma kinitx il-ġlieda tagħna.
Il-ministru ta’ dak iż-żmien Joe Borg kien tela’ Berlin u ngħaqad b’mod formali mal-pajjiżi l-oħra Ewropej fis-sanzjonijiet għall-esportazzjoni ta’ prodotti taż-żejt lejn is-Serbja.
Malta, li lanqas żejt tal-ħuta ma nipproduċu għalkemm imdawrin bil-baħar, issieħbet fis-sanzjonijiet ekonomiċi ta’ prodott li jinsab biss f’wiċċna u mhux taħt l-art.
Niġu għal-lum. Jgħidu x’jgħidu, il-politika barranija tagħna, bħal ħafna oqsma oħrajn, m’għadhiex tiddependi aktar minna.
B’Malta fl-UE l-vera Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin mhux Michael Frendo iżda Javier Solana. It-Trattat ta’ Greċja u Artiklu 16(2) fil-Kostituzzjoni Ewropea, li l-politiċi kollha qablu dwarha, isostnu li fi kwistjonijiet li jolqtu ħwejjeġ barranin ma nistgħux aktar nimxu għal rasna anki jekk ikun jaqblilna:
“L-Istati Membri għandhom attivament u mingħajr riservi jagħtu sostenn lill-politika estera ta’ sigurtà komuni ta’ l-Unjoni fi spirtu ta’ lealtà u solidarjetà reċiproka u għandhom jirrispettaw l-azzjoni ta’ l-Unjoni f’dan il-qasam. Għandhom jastjenu minn azzjonijiet li jmorru kontra l-interessi ta’ l-Unjoni jew li x’aktarx ifixklu l-effikaċja tagħha.”
Naħseb la hemm lok għal aktar kliem u lanqas għal aktar minn interpretazzjoni waħda. Bil-politika trans-Atlantika ta’ l-UE, li kemm jista’ jkun ma jfixklux l-Istati Uniti fil-politika militari tagħha kulfejn jaqblilha, jeżisti l-periklu li nkunu kompromessi.
Biż-żewġ kulturi politiċi kbar li jeżistu bħalissa, li dejjem qegħdin jitbiegħdu, fuq naħa l-Punent Kristjan u fuq in-naħa l-oħra Lvant Islamiku, artna li dejjem kellha relazzjonijiet tajbin ma’ kulħadd, hemm ċans tajjeb nirrokkaw ma’ ta’ faċċata. Illum qegħdin ifeġġu forom ġodda ta’ newtralità li bil-preżenza tagħna fl-UE nsibuha diffiċli ħafna li nirrispettaw. Dan għaliex m’għadux jiddependi minna.
Qabel ma kkommettejna lil Malta fl-UE stajna għamilna sforz akbar biex insalvaw parti mid-dinjità ta’ pajjiżna. Id-Danimarka, pajjiż żgħir ieħor fl-UE, dan għamlitu. Żammet ir-riserva li deċiżjonijiet ta’ natura militari mhux bilfors ikunu jorbtuha jekk jikkompromettu l-Kostituzzjoni Daniża.
Aħna lanqas ippruvajna nitqanżħu. Li ġie merħba bih. Malta, li fis-Snin Sebgħin riedet testendi d-djalogu politiku għall-Mediterran u qanqlet kwistjoni politika meta f’Helsinki u Barcellona kienet attriċi ewlenija biex timbotta l-politika Ewro-Mediterranja minkejja li dakinhar kulħadd iddieħaq bina, illum spiċċat fuq wara meta qabel kienet fuq quddiem tal-karrettun.

 

PEPPI

Waħda mill-ewwel kawżi Kostituzzjonali li saru ma’ l-ewwel darba li Eddie Fenech Adami sar Prim Ministru kont għamiltha jien, flimkien ma’ oħrajn.
Konna għamilna l-kawża biex nippruvaw inwaqqfu vapuri nukleari milli jidħlu f’Malta. Niftakar konna wżajna n-newtralità bħala bażi għall-argumenti legali tagħna. Dakinhar, ikolli nammetti, ħassejtni ftit skomdu li kellna nużaw din tan-newtralità biex ma jidħlux vapuri nukleari għax kont, u għadni nemmen, li vapuri nukleari m’għandhomx jidħlu f’Malta għax huma eżempju ta’ qirda inumana. Għax huma ikona tad-diżastru li vvintajna aħna bħala bnedmin biex neqirdu bnedmin u ħlejjaq oħra. Niddardar meta fuq it-televixin nara t-tfal jilagħbu bil-kanuni f’xi żjara li jagħmlu fuq xi vapur tal-gwerra.
Tħares lejn wiċċ it-tfal tifhem kif mhux jifhmu li dawk l-istess ġugarelli qed joqtlu ħafna tfal innoċenti bħalhom. Iżda n-newtralità fiex tidħol?
Il-kelma ‘newtrali’ tqabbadni paniku kbir fl-istonku. Min jgħid li jien newtrali nitħajjar nagħmillu libel għax ikun qed jinsultani bil-kbir. Prattikament ikun qed jgħidli li jien kompliċi fl-inġustizzji li jiġru kontinwament.
Tista’ tkun newtrali jekk fid-Depot tal-Pulizija f’Malta ssir it-tortura? Jekk nagħmel hekk inkun kompliċi, ħati daqs dawk li qed jittorturaw.
Nista’ nkun kompliċi jekk it-tortura qed isseħħ fl-Iraq minn Saddam Hussein jew mill-Amerikani?
Nista’ nibda nikkalkula li aħjar jekk lill-Amerka ma nsemmijhiex għax naf nispiċċa fl-inkwiet? Nista’ noqgħod nilgħabha tan-newtrali u ngħid li dak li qed jagħmel Saddam Hussein qed jagħmlu f’pajjiżu u mhux f’pajjiżi u allura ma nindaħalx?
Nista’ nibqa ċass jekk l-immigranti irregolari qed ikunu trattati b’mod inuman?
Ċass għax jaqbilli. Ċass għax irrid nibqa’ l-iżjed preżentatur popolari u allura jaqbilli nirrepeti dak li taħseb il-maġġoranza?
Nista’ nibqa sieket quddiem il-persuni li qed jitilfu ħajjithom bid-droga bl-iskuża li t-tort tagħhom? Nista’ ma nagħmel xejn wara li għadni kif irċevejt telefonata minn mara b’erbat itfal li toqgħod fis-seba’ sular li, għax m’għandhiex biex tħallas id-dawl, qatgħulha l-elettriku u ilhom ġimgħa jgħixu fid-dlam?
Nista’ ma nipprotestax jekk ħafna annimali qed jinħaqru waqt li fl-iskejjel jippromwovu ċ-ċirkli bl-annimali? Nista’ ma nipprotestax biex ma niġġilidx ma’ l-organizzatur li nzerta wieħed mill-ħbieb tat-tfuliti?
‘Biex la tfuħ u lanqas tintenn’ kien jgħidli ziju minnhom meta kont noħroġ fit-toroq nipprotesta. Kont nistaqsih: ‘Allura, zi, x’riħa jkolli? Bla riħa.’
Newtrali għandha riħa ta’ opportuniżmu, ta’ mewt.
Meta naħseb fin-newtralità niftakar f’din l-istorja. Familja fejn ir-raġel jabbuża b’bintu ta’ 11-il sena. Jabbuża minnha sesswalment. Kważi kuljum. L-omm taf iżda żżomm siekta biex ‘ma taqlax inkwiet fil-familja’, biex tibqa’ newtrali. Biex iżżomm il-paċi fid-dar.
Veru jkun hemm il-paċi għax it-tifla tibża’ titkellem u għax l-omm trid iżżomm il-kwiet. Iżda din nista’ nsejħilha paċi?
Kwiet ma jfissirx paċi. Kwiet ma jfissirx ġustizzja. M’hemmx paċi mingħajr ġustizzja. Il-ġustizzja titlob li f dan il-każ l-abbuż jieqaf. Li l-missier jingħata l-kura meħtieġa. Li l-missier ma jibqax f’kuntatt mat-tifla. Iva, din iċ-ċirkostanza aktarx titlob li l-omm u l-missier jisseparaw. Din iċ-ċirkostanza titlob li jkun hemm l-inkwiet u l-istorbju.
Xi stonku jrid ikollok jekk quddiem storja bħal din tibqa’ newtrali?

Issa meta aħna bħala pajjiż ngħidu li aħna newtrali, jista’ xi ħadd jispjegali minn xiex?
Hemm għafejn inkunu newtrali biex ma jidħlux vapuri nukleari f’Malta? Fil-fatt aħna suppost newtrali u kemm fi żmien il-PN u kemm fi żmien il-Labour xorta daħlu vapuri nukleari u morna l-parties fuqhom. Newtrali bejn iż-żewġ superpotenzi meta dawn issa lanqas għadhom l-għedewwa ewlenin ta’ xulxin għax waqa’ l-ħajt ta’ Berlin?
Newtrali meta d-dinja qed issir villaġġ globali iżgħar u l-ġlidiet m’għadhomx ideoloġiċi daqskemm fuq kwistjonijiet li jqumu minn żmien għal żmien?
Nieħdu l-gwerra fl-Iraq mill-Amerikani. Malta newtrali x’suppost għamlet? Qagħdet siekta biex tfuħ ma’ kulħadd? Iżżomm ma’ l-Ewropa meta lanqas il-pajjiżi Ewropej ma qablu bejniethom dwar din il-gwerra?
Hemm argument iżjed fin li l-kelma newtralità tkompli tagħżaq fl-istonku tiegħi. X’jiġifieri Malta newtrali? X’jiġifieri pajjiż jiddeċiedi għalija bil-quddiem li jien se nibqa’ dejjem gallerija għax żewġ terzi tad-deputati għoġobhom jiktbu ereżija bħal din fil-Kostituzzjoni?
L-idea anki li xi ħadd iħares lejn il-poplu ta’pajjiż qisu moħħ wieħed lili tqabiżhieli sew. Għax jien qabel ma jien Malti, persuna. Ma rridtx inkun newtrali anki jekk il-bqija tal-pajjiż jaċċetta li jkun. Irrid niċċappas ma’ kulmin jiġġieled l-inġustizzji, il-qtil ta’ l-innoċenti, it-tortura u d-disprezz lejn l-espressjoni ħielsa f’isem xi reliġjon jew politika kontra t-terroriżmu.
Ma nixtieqx li jkollna vapuri nukleari u tal-gwerra f’pajjiżna u ma rridx nieħu sehem fi gwerrer proprju għax m’jienix newtrali.



ILLUM, MediaToday Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN 07
Direttur Maniġerjali: Roger de Giorgio • EDITUR Maniġerjali: Saviour Balzan
Editur: KURT SANSONE
Tel: (356) 21 382741-3, 21 382745-6 • Fax: (356) 21 385075
Websajt: www.illum.com.mt • E-mail: illum@mediatoday.com.mt